Il-Haddiem: il-katalist biex jirrispondi ghall-bidla fil-klima - David Pisani

Zminijietna Harga April – Gunju 2008

 

Il-Bidla li qed issir fil-klima qed tħasseb bil-bosta lil diversi pajjiżi, l-aktar vulnerabbli. Kif ukoll qed toħloq ċertu ansjetà f’moħħ il-popli madwar id-dinja. Ilkoll irridu naċċettaw li l-bidla fil-klima  qiegħda diġà tħalli l-effetti tagħha fuq l-umanità u l-eko-sistema. Għalhekk jeħtieġ mill-aktar fis possibbli politika alternattiva għal dik preżenti ta’ kapitaliżmu salvaġġ. Din il-viżjoni politika qed tissejjaħ eko-soċjaliżmu.

Ħassieba Marxisti qed jgħidu li din il-viżjoni tista’ tintlaħaq biss billi l-għaqdiet ambjentali jingħaqdu flimkien mall-klassi tal-ħaddiema internazzjonalment. Dana għalfatt għax il-ġlieda hi waħda kontra l-interessi dominanti li jeżistu fl-ekonomija kapitalista u l-ħtigijiet foloz li l-istess sistema toħloq fis-soċjetà. Il-ħaddiema huma l-iktar li ser ikunu milquta, għall-fatt li issa huma jridu jagħmlu tajjeb għal soluzzjonijiet għall-bidla fil-klima inspirati mill-ekonomija tas-suq, f’pagi iktar baxxi, prezzijiet (fosthom ta’ l-ikel) iktar għoljin, u b’aktar taxxi.

Il-proposti mbassra f’Bali għat-trattat ta’ Kyoto m’huma xejn għajr irtokk kosmetiku, fejn il-pajjiżi l-kbar, b’interessi ekonomiċi tagħhom m’humiex lesti li jbiddlu sistema ekonomika preżenti. F’Bali l-uniku punt kruċjali li ħareġ kien li l-qasma bejn is-sinjur u l-fqir fid-dinja qiegħed kull ma jmur dejjem tiżdied, u li kull soluzzjoni għandha tieħu dan l-aspett fil-kunsiderazzjoni. F’kelma waħda l-aspett soċjali għandu jingħata l-importanza mistħoqqa f’kull riforma li ssir.

Uħud mill-proposti li qed iressqu ‘l quddiem dawk li huma favur politika Eko-Soċjalista hu li jistgħu jitwettqu lokalment huma li; 

  • t-trasport pubbliku jkun wieħed irħis jew b’xejn, ħalli joffru alternattiva għal dak privat.
  • Tinħoloq fora fejn l-għaqdiet ta’ l-ambjent, tas-saħħa, flimkien ma’ l-Unjins joħorġu bi proposti u soluzzjonijiet għall-bidliet radikali li jeħtieġ li jsiru fil-qasam tax-xogħol. Kemm għal dak li jaffettwa direttament lill-ħaddiem, kif ukoll lil min iħaddem. Dan isir biex jinstabu metodi u proċeduri alternattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fl-arja, kif ukoll il-ħsara li qed tagħmel ix-xemx fuq il-ħaddiem l-aktar fil-ġranet tas-sajf.
  • Għal enerġija aktar effiċjenti fuq il-post tax-xogħol. Ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu rappreżentati mill-unjins, u l-unjins flimkien mall-ħaddiema għandhom jaraw li fuq il-post tax-xogħol titnaqqas il-ħela; f’dak li hu konsum ta’ dawl, ilma etċ. Imma dan isir bil-patt li l-gwadann ta’ dan imur bħala żieda fil-paga tal-ħaddiema.
  • L-Gvern għandu jassigura li djar ta’ l-anzjani, sptar, skejjel u postijiet ta’ l-akkomodazzjoni jkunu jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti.
  • Is-settur ta’ l-enerġija u dak tat-trasport pubbliku għandu jkun jew jibqa’ wieħed pubbliku, dana sabiex ir-riformi li jsiru fihom minħabba l-bidla fil-klima ma’ jirriżultawx  f’nuqqas tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għoli fil-prezz u tnaqqis fis-servizzi.
  • Il-produzzjoni agrikola għandha tkun waħda aktar lokali, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja konsegwenza tat-trasport ta’ ħxejjex agrikoli minn pajjiż għal ieħor

Dawn huma biss ftit mill-ħafna proposti li qed iressqu ‘l quddiem dawk favur politika eko-soċjalista. Dan, kif għidt qabel, jista’ jseħħ biss billi l-unjins u l-għaqdiet ta’ l-ambjent jaħdmu flimkien. Il-bniedem filwaqt li hu ħaddiem, sar konsumerista f’dinja aktar kapitalista. Għalhekk jeħtieġ li jsir tfassil ta’ ħsieb ġdid tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, biex issir il-bidla għal dinja aħjar.

Articles Main Page