Min verament huma l-injoranti - Victor Degiovanni

Zminijietna Harga April – Gunju 2008

 

Ftit taż-żmien qabel l-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu, meta kien qed ikun antiċipat li l-PN sejjer jitlef l-elezzjoni, minħabba l-mod ta’ kif mexxa fil-leġiżlatura li għaddiet, fejn bir-raġun kollu kellu jitlef, minħabba l-iskandli, korruzzjoni, abbuż ta’ poter, u tmexxija ħażina. Nifhem li kull min kellu rasu fuq għonqu, kellu jivvota sabiex iwarrab totalment lill PN mir-riedni tal-pajjiż.

F’sezzjoni ta’ l-hekk imsejħa stampa indipendenti lokali, jiġifieri it- TOM, id-difensuri tal-PN, x’uħud minnhom jippretenduha ta’ intellettwali,  iddisprati  għall-aħħar, għax kienu  qiegħdin iħossu t-telfa riesqa lejhom, għoġobhom jgħajru lir-residenti tan-naħa tan-Nofsinhar ta’ Malta injoranti, għaliex fil-maġġoranza tagħhom ixaqilbu lejn il-Partit Laburista. Dawn il-psewdo-intelletwali, ta’ sold u nofs, anki ppruvaw ibbeżżgħu billi pinġew realta’ fittizja minn dik Maltija, fejn taħt il-PN kollox kien ward u żahar, u komplew beżżgħu bi ħrejjef li l-progress ekonomiku li kien inkiseb taħt il-PN sejjer jintilef tort ta’dawn l-imsejħa votanti injoranti li għadhom b’moħħom magħluq.

Wara kampanja qasira ta’ xahar u nofs l-elezzjoni waslet, u nhar is-Sibt 8 ta’ Marzu 93% ta’ l-elettorat ħareġ jivvotta u ta l-verdett tiegħu. Ir-riżultat elettorali kien wieħed stramb ħafna għaliex kontra kull ma kien mistenni, il-PN rebaħ l-elezzjoni b’maġġoranza relattiva, għaliex naqas li jaqbeż il-50% tal-voti mitfugħa. Irnexielu jikseb biss 49.34% u b’marġini żgħira ta 1542 vot li jammonta għal  0.5% irnexxielu “jisraq” ir-rebħa minn ħalq l-oppożizzjoni Laburista li kisbet 48.79% bil-partiti ż-żgħar iġibu persentaġġi neġliġibbli imma biżżejjed sabiex jiffavorixxu lill-PN.

L-Ewwel Seba’ distretti, jiġifieri in-naħa t’isfel ta’ Malta taw maġġoranza assoluta lill-Partit Laburista fil-waqt li s-sitt distretti l-oħra mit-Tmienja sat-Tlettax taw maġġoranza assoluta lill PN.

Li wieħed jista’ janalizza huwa l-fatt li l-minoranza “intelliġenti”  ta’ l-ewwel 7 distretti irnexxiela teleġġi lil Jeffrey Pullicino Orlando minn distrett, u minoranza ta’ intellinġentissimi, mill-maġġoranza tal-11-il distrett rebħitu t-tieni siġġu.  Il-Partit Laburista kien allega li Pullicino Orlando kien imdaħħal fi skandlu ekoloġiku, fejn kien sejjer isir sfreġu mill-Mistra, bir-riżultat li dan il-politiku  beda jikkontradixxi lilu nnifsu minn ġurnata għal oħra, kif il-fatti ta’ l-allegat skandlu bdew jiġu svelati, u jgiddbu dak li kien qed jintqal  min Pullicino Orlando fid-difiża tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista wara  li sab ruħu r-rebbieħ ta’ l-elezzjoni, ħabbar il-kabinett il-ġdid, u ta prova kemm il-kritika ta’ abbuż ta’ poter, korruzjoni, u skandli kienet ġusta. Filwaqt li qabel l-elezzjoni kien qed jiddefendi lil ċerti ministri minn akkużi ta’ korruzzjoni billi ċaħad bi stqarrijiet dawn l-allegazzjonijiet, anki wasal biex il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jgħid li l-oppożizzjoni kienet qed titfa’ t-tajn, issa warrab totalment għal kollox lil Ministri bħal Ninu Zammit, Jesmond Mugliett u oħrajn li kienu waqqgħu fil-mira tal-kritika ta’ l-oppożizzjoni fuq xi abbużi li kienu saru, kif ukoll ħalla barra lill “Pulcinella”  Orlando mill-kabinett, allavolja dan kien ġie elett minn żewġ distretti.  Il-PN biddel l-attitudni lejn kif kien qed iħares lejn “Pulcinella” Orlando, issa beda jallega, li bl-aġir tiegħu Jeffrey Pullicino Orlando kien sejjer itellef lill-PN milli jirbaħ l-elezzjoni, u kif ukoll qed jakkużawh li kien gideb, u issa u qiegħdin jagħmlu pressjoni fuqu sabiex jirriżenja mill-Parlament.

F’dan il-kuntest insaqsu min kienu l-injoranti? Dawq li vvotaw għall-bidla? Jew dawk li reġgħu emmnu l-gideb u vvutaw għal ħames snin oħra ta’ gvern skadut? Jistgħu jilluminawna jekk joġgħobhom; dawn il-psewdo intellettwali li jiffurmaw  parti mill-kor tat-traġedja Griega li jikkontribwixxi doża qawwija rejazzjonarja fil-paġni tat-TOM fuq bażi regolari.

Kuntrarju għal dak li kien inkiteb, votanti injoranti jeżistu kullimkien, f’kull parti ta’ Malta u dawn ma jikkostitwixxux il-maġġoranza ta’ l-elettorat li toqgħod tgħajjar lil min ma jaqbilx miegħek “injorant” m’hi xejn ħlief bigoterija.

Articles Main Page