Xellug Solidali Effettiv - Apert

Zminijietna Harga April – Gunju 2008

 

Ix-xellug Malti jifraħ lil sħabna x-xellugin ta’ l-Amerika Latina, li qiegħdin konsistentament jirbħu iżjed appoġġ popolari f`iżjed pajjiżi f`dak il-kontinent. Nawguraw li jkomplu f`din it-triq progressiva, f`dan iż-żmien li x-xellug tilef ħafna mill-appoġġ li kien rebaħ fil-passat, fost il-kotra fl-istati Ewropej.

Waqt li napprezzaw l-iżvilupp kbir sud-Amerikan, lejn ix-xellug, ta’ min janalizza ħafif ħafif dan il-kwadru ta’ kuntrasti bejn l-andament tal-popolarita’ ta’ l-ideali xellugin fl-Ewropa u fl-Amerika Latina. B`liema fenomenu x-xellug iżżerżaq għal livell ta’ ċaqlembuta tielgħa u nieżla fl-Ewropa, u fl-istess perjodu tant qed jiffjorixxi fl-Amerika Latina? Żgur li l-forza attrattiva tax-xellug f`kull żmien partikolari, hija relatata direttament mal-qagħda soċjo-ekonomika tal-pajjiż f`dak il-perjodu. Anzi nistgħu nxebbħu l-qagħda soċjo-ekonomika man-nukleju li madwaru jdur l-appoġġ popolari fl-element xellugi.

Din ir-relazzjoni tidher ċara f`kull fażi ta’ l-istorja tax-xellug kullimkien. Ibda mill-ewwel attentat konkret tar-rivoluzzjoni Franċiża ta’ l-1789, u spiċċa fit-taqtiegħa twila tas-seklu 20 għal Stati Soċjalisti fl-Ewropa. Magħqudin wara l-mottiv komuni li jinħelsu mill-iskjavitu`, il-ħaddiema Franċiżi kkuntentaw bir-rebħ tal-ħelsien u ma komplewx jinsistu għad-demokrazija sħiħa. L-istess diżappunt ġara fejn kien hemm maġġoranza xellugija tal-ħaddiema l-oħra Ewropej. Din sfaxxat kaġun ta’ l-istess avvanzi li ġabet, peress li dawk li avvanzaw aktar mill-kumplament, infirdu mill-bqija, għax ħassew li sar għandhom interessi differenti. Dan ifisser li fil-każi kollha, bil-progress miksub ddgħajfet is-solidarjeta’ li minnha oriġinat l-għaqda xellugija, u ntilfet il-maġġoranza li kienet tat lix-xellug il-poter li jimplementa l-avvanzi soċjo-ekonomiċi.

Dan jiġri għax mhux normalment prattiku li l-ħaddiema u s-saffi emarġinati tas-soċjeta’, jittellgħu fil-livell mixtieq ta’ ħajja kollha f`salt, jew f`kolp wieħed. Attwalment il-progress isir f`fażijiet pjanati fuq perjodu ta’ żmien. La darba mhux prattikabbli li jintrefa’ kulħadd bl-istess qies u fl-istess ħin, bilfors li fost il-kotra jitfaċċaw gruppi ta’ interessi ġodda varji. Dan għandu tendenza li jdgħajjef  is-solidarjeta’ oriġinali, u jagħti lok għal firda ta’ wħud minnhom minn mall-maġġoranza, li tkun għadha m’avvanzatx daqshom. Dan it-telf tal-mottiv tas-solidarjeta’ wiesgħa, kien il-kaġun tal-falliment ta kull proċess soċjo-ekonomiku xellugi. Dak l-iżvantaġġ kien kważi dejjem aggravat bil-problemi ta’ indixxiplina u żlealta’ fi ħdan ix-xellug, li m`għandix spazju niddiskuti llum.  Sfortunatament il-firda spiss tkun numeruża biżżejjed biex iċċaħħad lix-xellug mill-maġġoranza  nazzjonali, u xxaqleb il-poter leġiżlattiv lejn il-lemin. Il-gvern jibqa’ f`idejn il-lemin sakemm bil-bdil tal-politika soċjo-ekonomika, dan inaqqas il-progress tal-mifrudin tant, li jgerrixhom lura lejn il-kenn tas-solidarjeta’ tax-xellug. B`din is-sekwenza qiegħda titbandal iċ-ċaqlembuta tax-xellug fl-Ewropa.

Il-mudell xellugi fl-Amerika Latina għadu fil-bidu ta’ l-iżvilupp. Ma wasalx fil-fażi tal-firda. Pero’ qed jipprogressa b`pass imgħaġġel, li ma jdumx ma jqarrbu lejn dak il-periklu, jekk sħabna l-Latin Amerikani ma jieħdux passi rimedjali mill-ewwel kontra d-diffikultajiet li waqqgħu lix-xellug Ewropew fiċ-ċaqlembuta li għad ma rnexxielux joħroġ minnha.

B`dan it-tbandil li jgħolli ftit il-livell ta’ l-għixien u jerġa’ jniżżlu għal naqra iżjed milli kien, ix-xellug meta se jwassal lill-kotra għall-kwalita’ ta’ ħajja mixtieqa? Tal-lemin jidhru komdi b`din il-qagħda li żżommilhom lill-kotra aljenata u sottomessa, sakemm bil-mezzi esklussivi tagħhom jibqgħu jaraw li ċ-ċikli xellugin ikunu qosra u mbiegħdin minn xulxin, biex l-effett ikun minimu u preferibbilment riversibbli.

Ix-xellug ma jistax jibqa jħalli s-solidarjeta tal-kotra tkun sparpaljata billi tinfired waqt il-fażijiet ta’ l-iżvilupp tal-politika soċjo-ekonomika tiegħu. Huwa kruċjali li mingħajr ebda qtugħ, iżżomm mottiv li jiġbed is-solidarjeta tal-maġġoranza dejjem sinkronizzat ma’ kull pass ta’ l-avvanzata tal-massa. Din trid tkun domma, għax malli jintilef il-mottiv tas-solidarjeta’ wiesgħa, l-progress miksub jitreġġa’ lura mil-lemin. Mela l-politika xellugija trid tkun flessibbli biex tissodisfa l-aspettattivi li jkunu qed jinbidlu waqt li l-kotra tkun tavvanza bil-passi u l-kejl disponibbli rispettivi, li tkun tista’ tassorbi f`kull fażi ta’ dak l-iżvilupp soċjo-ekonomiku. Għalhekk is-sekwenza ta’ l-implementazzjoni tal-prinċipji sagrosanti tax-xellug, u l-metodu ta’ l-introduzzjoni tagħhom, hemm bżonn li jkunu riorganizzati biex jikkumplimentaw il-bidliet li jkunu qed javvanzaw il-livell tal-ħajja tal-kotra f`kull fażi tal-proċess kollu.

Articles Main Page