Deidun u l-Parassiti - Jintervista Christopher Cutajar

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Waqt intervista li Żminijietna għamlet lil Alan Deidun, kandidat għall-elezzjonijiet tas-6 ta’ Ġunju, huwa qal li jkun hemm “parassiti” li malli jkunu jafu li tkun ħiereġ għall-politika tibda tirċievi minn għandhom “balla telefonati”. Ikompli billi jgħid x’tip ta’ xogħol jibdew joffru dawn l-hekk imsejħa “parassiti”. Aħna ċerti li Deidun kien diġa’ ltaqa mall-parassiti fil-kotba tal-Bioloġija, iżda li wasal biex jgħid li dawn qed iċemplulu kienet xi ħaġa li tgħallimna permezz tal-intervista.

Deidun isostni li l-PN huwa ġenwin fl-intenzjonijiet tiegħu dwar l-ambjent, iżda jgħid li issa qed jistenna li din l-intenzjoni tissarraf f’azzjonijiet. Għalih il-fatt li l-PN stiednu biex ikun kandidat tal-PN għall-PE huwa diġa’ sinjal. Rigward il-futur politiku tiegħu fil-PN ġaladarba ma jitlax bħala MPE, huwa ma tantx deher konvint fejn beħsiebu jagħti rasu fil-qasam politiku.

Għandu l-idea li jwaqqaf Moviment Ambjentali fi ħdan il-PN. Huwa jemmen li bħalma l-PN għandu movimenti taż-żgħażagħ u tal-anzjani hekk ukoll għandu jkollu wieħed tal-ambjent. Kemm il-PN huwa disponibbli li jilqa’ fi ħdanu moviment simili hija ferm dibattibli. Inkella jekk jitħalla jsir, dan ċertament ikun qed isir biex jintbagħtu sinjali foloz li l-PN ikun qed isir wieħed aktar ambjentali, fis-sensiela ta’ bċejjeċ li jitwettqu sabiex partit jipprova jogħġob l’Alla u lix-Xitan fl-istess ħin. F’dan il-każ il-maħbuba primarja tkun l-ispekulazzjoni tal-bini, u l-maħbub għat-taparsi jkun l-ambjent.

Jidher li aktar huwa kbir iċ-ċans li Deidun jinbidel mill-PN milli Deidun jibdel lill-partit. Jista’ jkun li Deidun huwa konxju mill-possibilitajiet żgħar li għandu quddiemu biex ikun elett, iżda daħal għal din l-esperjenza bħala żagħżugħ imxennaq mill-avventura . Fl-intervista Deidun jiżvela li raha kont relatat ma’ fliers ta’ kandidat partikolari fejn kien jammonta għal 11,000 ewro. Somma li ċertament taqbeż il-massimu ta’ 1,400 ewro li kandidat jista’ jonfoq f’kampanja elettorali. Għalkemm din is-somma hija waħda li jixirqilha tkun tirrifletti r-realtajiet tal-lum, ċertament li fid-demokrazija li ngħixu aħna m’huwiex is-sustanza tal-messaġġ li jiswa’ l-aktar, iżda min l-aktar lest li jkun l-isbaħ fid-dehra, jidher l-aktar spiss u jonfoq l-aktar flus għall-kampanja.

Deidun jgħid ukoll x’inhuma l-opinjonijiet tiegħu dwar l-in vitro fertilisation, l-omosesswali u dawk poġġuti. Fl-aħħar jgħidilna jekk hijiex is-suffara l-ħadra jew inkella l-bluna l-aktar suffara li għandu għal qalbu.

Tas-suffara l-ħadra

Christopher Cutajar mar jiltaqa’ ma’ Dr.Alan Deidun taħt is-siġar tal-Universita’ ta’ Malta. L-intervista laqtet diversi temi, fosthom it-trasparenza fil-partiti, l-iskemi ta’ irtirar kmieni, it-tema tax-xogħol, u ma setgħax jonqos li tintmiss it-tema ambjentali. Fuq tema bħall-ispekulazzjoni tal-bini Deidun ma tantx dar mal-lewża, għalkemm fuq tema etika bħall-in vitro fertilisation dam jogħmodha ħafna biex ħareġ dak li jemmen.

Waqt li kont qed tagħmel konferenza stampa fuq il-Pont ta’ Wied il-Għasel inti għidt li “żviluppaturi għandhom l-intenzjoni jagħmlu profitti kbar minn blokk kbir ta’ bini li jridu jibnu fil-wied”. Għidt ukoll li “jekk is-sindku tal-Mosta mhux lest li jaqdi dmiru allura għandu jwarrab”. Ma taħsibx illi fil-MEPA hemm min mhux lest jaqdi dmiru. Għaliex ma ħajjart lil ħadd fi ħdan il-MEPA biex iwarrab?

“Jien kont membru f’Nature Trust meta madwar ħames snin ilu ħarġet l-applikazzjoni quddiem il-MEPA biex tinbena dar tal-anzjani f’dan il-wied. Dak iż-żmien ħdimna u ressaqna l-oġġezzjoni quddiem il-MEPA. Il-Kunsill tal-Mosta kien ħareġ kontra l-proġett. Jien mhux qed ngħid li s-sindku tal-lum għandu joħroġ bilfors kontra, iżda żgur li hemm bżonn jieħu pożizzjoni. Għidtlu biex jirreżenja għax ma ħax pożizzjoni.

Fil-MEPA ma jistax ikollok individwi li jieħdu pożizzjoni. Hija l-MEPA inġenerali li tiħodha. Il-metodu li ntuża mill-MEPA dejjaqni. Is-site notice twaħħal hemm għal ftit minuti, meta suppost jitwaħħal għal ġimgħatejn sħaħ. Hemm ‘l fuq minn għoxrin affidavit tar-residenti li jixhduh dan.”  

Fuq il-Pont ta’ Wied il-Għasel għidt ukoll li “f’għajnejn il-poplu r-rabta bejn l-industrija tal-kostruzzjoni u l-politika hija qawwija żżejjed”.  Waqt taħdita pubblika f’Birkirkara inti għidt ukoll li tinsab “ċert li l-Partit Nazzjonalista huwa ġenwin fejn jidħol l-ambjent”.   Minn dak li tara b’għajnejk ma taħsibx li l-PN għandu rabtiet qawwija żżejjed ma’ l-industrija tal-kostruzzjoni? Kif tista’ ssejjaħlu bħala ġenwin fejn jidħol l-ambjent?

“Il-partiti politiċi l-kbar nifhimha li forsi jkollhom bżonn il-kuntratturi u n-negozji l-kbar biex ikunu finanzjati. Jien li nara ħażin hu li dan ma jsirx pubbliku. Jien naħseb li jekk ma jkollokx negozji kbar li jiffinanzjaw il-partiti lanqas każin politiku f’kull raħal ma jkollok. Din ma ssibha mkien fid-dinja.

Jiena nemmen fil-finanzjament tal-partiti, irrid li jsir finanzjament lill-partiti. Jien ma nara xejn ħażin li kuntrattur jagħti nofs miljun lira, imma iktibha, u għamilha pubblika. Lanqas se mmaqdru għax ikun ta nofs miljun lira lil wieħed jew lill-ieħor, jew lit-tnejn li huma, imma jien irrid naraha dik il-ħaġa. Fl-aħħar mill-aħħar dak qiegħed hemm biex jirrapreżentani. Jekk dan qed jieħu l-flus minn x’imkien irrid inkun naf minn fejn qed jiħodhom il-flus, ħalli mbagħad jekk jittieħdu ċertu deċiżjonijiet jien nista’ nqis dik id-deċiżjoni anke fid-dawl tal-flus minn fejn ġejjin.

Ħafna drabi għandek sitwazzjoni fejn l-istess kuntrattur ikun qed jiffinanzja liż-żewġ partiti. Jien qed nipproponi li l-PN, irrispettivament minn dak li jagħmel il-PL, jagħmel deadline u per eżempju jgħid li sal-aħħar ta’ dis-sena se jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li jiffinanzjawh.

Il-PN huwa ġenwin fl-intenzjoni tiegħu dwar l-ambjent, imma issa din trid tibda tkun trażmessa f’azzjonijiet. Diġa’ beda jieħu azzjonijiet. Biex stieden nies bħali li nappoġġa lill-PN f’ċertu affarijiet u f’oħrajn jien kritiku, għalija din turi ċertu rieda li l-partit irid jiġġedded.”

Inti ma qbiltx mall-Gvern meta twessgħu iz-zoni tal-iżvilupp fl-2006. Ma qbiltx mall-proposti għal Golf Kors fix-Xagħra l-Ħamra u l-vilel fir-Ramla l-Ħamra. Qatt ma smajt bl-opinjoni tiegħek dwar il-proġett tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. X’kienet il-pożizzjoni tiegħek dwar dan il-proġett?

“Jien min jafni jaf li ġej mill-qasam tax-xjenza. L-aktar li jien intiż huwa rigward l-ambjent naturali, fejn jidħol dak kulturali u storiku, għandi apprezzament ġenerali lejh iżda m’inhix daqshekk intiż. Jiena ridt li f’dan il-każ jitħalla jsir l-istudju fuq l-impatt ambjentali (EIA).  Ma tantx kelli pożizzjoni jew oħra, għaliex ma tantx dħalt fil-każ. Kont naf li kien hemm l-inkwiet li ssir ħsara minħabba x-xogħlijiet, u dik nifhimha, iżda ma kontx naf eżattament kemm huma kbar il-problemi u jekk kienx hemm evidenza warajhom. Jien għidt li l-ewwel għandu jitħalla jsir l-EIA, imbagħad niġġudika skont l-EIA.

Ara imbagħad, imbagħad noqmos jekk isir l-EIA u l-MEPA ma tirrispettax ir-rakkomandazzjonijiet tal-EIA jew tinterpretah kif jogħġob lilha. L-istess ħaġa tapplika fil-kwestjoni tat-triq tal-Għadira. L-Awtorita’ tat-Trasport diġa’ ħadet pożizzjoni mingħajr ma ħareġ l-EIA. Jien nemmen ħafna fil-proċess tal-EIA. Huwa minnu li tista’ tgħidli li dawn jistgħu isiru minn konsulenti li jkollhom interessi oħra, iżda fl-aħħar mill-aħħar dawn iridu jsiru minn persuni. Għadha ma nstabitx sistema fejn il-kompjuter jagħmillek l-EIA.”

Waqt taħdita li tajt quddiem studenti universitarji fuq il-kampus tal-universita’ stess, inti għidt li beħsiebek twaqqaf Moviment Ambjentali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan qed tagħmlu biex tikkumbatti il-moviment favur politika li tħalli spekulazzjoni tal-bini mingħajr rażan fi ħdan il-PN?

“Li jkollok moviment ambjentali ġo partit politiku kbir naħseb li huwa importanti mmens. Naħseb li dan l-iżvilupp għandu jiġi segwit ukoll fi ħdan il-PL. Imbagħad ngħidu li hemm iż-żewġ partiti l-kbar li għandhom movimenti ambjentali kbar fi ħdanhom.

Fil-PN hemm il-moviment taż-żgħażagħ, tal-anzjani, tan-nisa, tas-solidarjeta’ ħaddiem; li jkollok moviment ambjentali suppost li l-partit imissu ilu li għamlu żmien u għomor. Ma jfissirx li għax se nagħmel il-moviment ambjentali il-partit se jisma’ minn kull ma ngħid jiena. Bħala moviment aħna minn żmien għal żmien inkunu qed nagħmlu rapporti lill-partit u nagħtu rakkomandazzjonijiet ta’ x’għandu jsir.

Il-propjeta’ għadha tilgħab parti kbira mill-investiment allavolja l-valur u l-attrazzjoni tagħha naqsu, iżda xorta nemmen li għandu jkun hemm rażan.”

F’ittra lill-Editur fil-MaltaToday tal-10 ta’ Mejju inti ktibt li teżisti differenza kbira bejn dawk li jistgħu iħallsu ħafna u dawk li ma jistgħux iħallsu. Saħansitra urejt kif għall-kuntrarju ta’ ħafna kandidati qatt ma għamilt reklami tal-kandidatura tiegħek fil-gazzetti. Tipproponi xi bidliet fil-mod kif titħaddem id-demokrazija sabiex ma jkunux dawk l-aktar li jistgħu iħallsu biex ikollhom l-akbar ċans li jiġu eletti?

“Jiena ħassejtha tul dawn ix-xahrejn u nofs li ilni nikkampanja. Jiena rajt kont partikolari ta’ kandidat partikolari fejn fuq fliers biss nefaq 11,000 ewro, li żgur jaqbeż l-1,400 ewro li aħna marbutin bil-liġi li ma naqbżux. Jiena smajt stejjer fejn kandidat jagħti l-flus lin-nies biex meta jasal jew tasal f’ċertu post jinfexxu jċapċpu.

Ħafna kandidati joħorġu minnha għax jgħidulek li “dawk il-ħbieb tiegħi ħallsu dawk il-flejjes kollha u mhux jiena”. M’hemmx soluzzjoni daqshekk faċli għax dejjem se jibqgħu jeżistu l-loop holes minn fejn wieħed ikun jista’ jgħaddi. Per eżempju jista’ jkun hemm limitu ta’ kemm wieħed jista’ jagħmel reklami fil-gazzetti. Ovvjament li mhux se ssir għax hemm interessi kummerċjali kbar.

Hemm minn dawn il-parassiti li malli jisimgħu li wieħed ħareġ bħala kandidat tibda tirċievi balla telefonati minn għand dak biex jagħmilhomlok, u dak biex iqassamhomlok, dak biex jagħmillek hekk u dak biex jagħmillek hekk.”   

It-tema li l-partit tiegħek qed iressaq għall-elezzjonijiet tal-PE hija dik tax-xogħol. Għandek sitwazzjoni fejn 27,000 ħaddiem f’Malta għandu/ha mpjieg part-time biss. Jista’ jkun li uħud minnhom għandhom xogħol part-time biss b’għażla tagħhom, iżda dan ma jgħoddx għall-maġġoranza l-kbira tagħhom. Taqbel li l-Gvern għandu jaħdem biex ikun hawn aktar impjiegi full-time flok part-time? X’inhuma l-proposti tiegħek dwar dan?

“Jiena favur ix-xogħol. Issa jekk huwiex full-time jew part-time, jien favur kull tip ta’ xogħol. Ovvjament il-priorita’ għandha tkun il-full-time. Jien ma naqbilx kif il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin naqset ħafna. F’dan is-sens f’Malta konna pijunieri f’dan il-qasam. Qabel ma dħalna fl-UE konna aktar avvanzati mill-UE fejn tidħol parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Kellek postijiet bħal BOV fejn tneħħa d-direttur ħaddiem.
Is-sussidjarjeta’ fuq il-post tax-xogħol għalija hija importanti ħafna. Fl-istruttura tat-tmexxija għandu jkollok numru ta’ ħaddiema involuti. Hemm ħafna nies li huma urtati fejn tidħol parteċipazzjoni tal-ħaddiema li verament iddgħajfet.”

Jiġifieri inti tara t-trejdjunjins bħala sħab ta’ min iħaddem?

“It-trejdjunjins huma importantissimi, mhux imbilli ngħidu li issa huma żminijiet ġodda u li min qed jagħmel xogħolijiet ġodda ma jitħajjarx jidħol fi trejdjunjin. It-trejdjunjoniżmu għandu jkun forza importanti f’pajjiż.

Jiena nemmen fil-forza tal-kapitaliżmu, iżda mhux dak il-kapitaliżmu sfrenat li jisfrutta lill-individwu, iżda fis-suq ħieles. Nemmen f’kapitaliżmu responsabbli. Fl-ambitu ta’ dan it-trejdjunjins għandhom irwol importanti x’jaqdu.

Jekk immorru għall-proposti tiegħi dwar ix-xogħol nistgħu ngħidu li l-ħolqa bejn l-ambjent u x-xogħol qatt ma kienet importanti daqs kemm hi illum. Għandek dak li jissejħu green jobs li minnhom fis-snin li ġejjin hemm il-possibilita’ li jinħolqu ħames miljun post tax-xogħol ġdid fl-Ewropa.”

Il-moda tal-iskemi ta’ irtirar kmieni dejjem qed tinħass titqawwa. Il-Gvern użaha mall-ħaddiema tat-Tarzna biex issa rnexxielu joħloq ċimiterju ta’ ekwipaġġ fejn il-baċiri. Kumpaniji bħal GO, fi Frar werew biċ-ċar li għandhom pjan li jnaqqsu l-ħaddiema b’75 din is-sena u bejn 175 u 225 fis-sena, fit-tliet snin li ġejjin. Qalu lill-ħaddiema li l-għażla hija jew li jieħdu l-iskema ta’ irtirar jew inkella ikeċċu minn jeddhom. Taħseb li dan jagħmel tajjeb għall-ekonomija tagħna?  

“Verament, infatti għadni kemm tkellimt ma’ eks-ħaddiem tat-Tarzna. Dan qalli li ħa l-iskema ta’ rtirar, tawh somma li hija ekwivalenti għal paga ta’ tliet snin, qalli imma li tmur tirreġistra tħossok umiljat. Hawn min jirreġistra b’kapriċċ, imma l-maġġoranza li jmorru jirreġistraw għax ikunu tilfu x-xogħol iħossuhom umiljati.

Ħaġa bħal din tal-iskemi ta’ irtirar, jekk se toffriha, trid tivverifika l-kumpanija mhux se tagħmilha b’kapriċċ imma għax vera qiegħda daharha mall-ħajt. Nasal biex naċċettaha diment li tkun l-uniku soluzzjoni biex ma tfallix kumpanija. Trid tkun ukoll waħda volontarja li lill-ħaddiem tagħtih għażla u mhux titfgħu f’rokna.”

Inti trid tagħmel l-Universita’ ta’ Malta fost l-aqwa mitt universita’ tad-dinja. Fil-konkret mis-siġġu ta’ MPE x’jista’ jsir biex dan jintlaħaq?

“Il-kriterju li fuqu jaraw kemm hija tajba Universita’ qiegħed ibbażat fuq ir-riċerka u l-pubblikazzjonijiet. Fl-Universita’ ta’ Malta għandek sitwazzjoni fejn fost l-istaff akkademiku għandek dawk li jippubblikaw immens u oħrajn fosthom li jippubblikaw imma mhux daqshekk, imbagħad għandek l-istudenti li jagħmlu l-kors u daqshekk. Jispiċċaw jitfgħu t-teżi fuq l-ixkaffa.

 Din is-sena hija is-sena tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jekk inkun hemm bħala MPE jien nimbotta biex jinġiebu fondi għar-riċerka. Dawn il-fondi m’għandhomx jibqgħu għand il-fakultajiet, iżda għandhom jaslu għand l-istudenti. Ovvjament, l-ideat għar-riċerka jridu jkunu se jwasslu biex tkun prodotta xi ħaġa ġdida.”

Fl-isptar Mater Dei, hemm laboratorju li fih tista’ ssir l-in vitro fertilisation (IVF). Għalkemm dan qiegħed hemm, għadu bla pazjenti, għaliex is-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa qed jistenna l-ordnijiet minn ta’ fuqu biex ikun jista’ jaġixxi dwar dan. Fi sptar privat f’Malta dan is-servizz diġa’ jingħata, għalkemm għadu mhux regolamentat bl-ebda liġi. Fil-fehma tiegħek, x’inhi l-politika li l-Gvern għandu jaddotta dwar l-IVF? 

“Din hija tema li ma tistax tilħaq konsensus dwarha. Jiena nemmen li dwar ħaġa bħal din id-dibattitu għandu jimxi ‘l quddiem. S’issa d-dibattitu kien fuq il-gazzetti u qisu wehel hemm. Id-dibattitu għadu mhux qed jintlaħaq min-nies, u għandu jibda jasal għandhom. Wara li tgħaddi din il-kampanja, u jkollu wkoll jgħaddi s-sajf, għax fis-Sajf kollox imut, forsi lejn l-aħħar tas-Sajf il-Gvern għandu jinvolvi lil kullħadd f’kampanja edukattiva, u jgħid x’inhu eżatt l-IVF.” 

Imma fil-konkret għandek pożizzjoni ċara dwar l-IVF?

“Etikament għadni indeċiż dwarha. Minn banda nista’ nifhem lil dawk il-koppji li m’għandhomx tfal. U minn banda jista’ jkollok lil dawk li jibdew jisfruttaw l-IVF għall-fini mhux daqshekk nobbli. Jien nemmen li hemm lok fejn l-IVF tiġi offruta b’mod regolamentat.” 

F’riżoluzzjoni imressqa fil-Parlament Ewropew (P6_TA-PROV(2007)0167) kontra l-omofobija (il-biża’ minn orjentazzjonijiet sesswali differenti), ir-razziżmu u l-kżenofobija (il-biża’ minn dak li hu differenti jew li m’għandekx għarfien dwaru)  fis-26 t’April, 2007, kemm Dr. Simon Busuttil u anke David Casa, astjenew milli jieħdu vot. Jekk tkun MPE, tkun lest li tieħu deċiżjoni ċara favur jew kontra riżoluzzjoni bħal din, jew tiddeċiedi li tibqa’ gallarija?

“Jiena, sa fejn jien infurmat, David Casa u Simon ivvutaw hekk għax kien hemm klawsoli fil-pakkett li ma kinux qed jaqblu magħhom. Huma qaluha. Qalu ma naqblux li jintefa’ f’basket wieħed dan kollu. Jiena fejn jidħlu drittijiet tal-omosesswali u l-koppji poġġuti, jien favur id-drittijiet tagħhom.

Infatti kien hemm wegħda elettorali min-naħa tal-PN biex nies li m’humiex miżżewġin iżda jgħixu flimkien jingħataw rikonoxximent ċivili. B’hekk per eżempju jekk ikollok koppja fejn wieħed mit-tnejn jaħdem u jmut dak li jaħdem, dak li ma jaħdimx jispiċċa lampa stampa. Lanqas ikollu dritt għall-housing ħafna drabi.”

Inti tiddeskrivi lilek innifsek bħala “ambjentalist li ġie misluf lill-politika”. Qabel kont magħruf mall-qarrejja tas-Sunday Times bħala dak li ssaffar is-suffara l-ħadra. Bid-deċiżjoni li ħadt li toħroġ mall-PN issa qed issaffar is-suffara l-bluna. Liema hi l-aktar għal qalbek, is-suffara l-ħadra jew il-bluna?

“Is-suffara l-ħadra tibqa’ dejjem l-aktar waħda għal qalbi. Jiena ħafna nies jistaqsuni kif ħriġt mall-PN. Jien ġejt mistieden mill-PN, domt nifliha ħafna din l-istedina. Jiena kundizzjoni waħda għamiltlu lill-PN, dik li nibqa’ nista’ ngħid dak li rrid. L-ewwel ġurnata li jgħiduli “Ma tistax din, din jew dik”, jiena nwarrab. 

Jien nibqa’ a green person at heart. Minn dejjem issimpatizzajt mall-PN, għalkemm qatt ma kont dak il-hard-core Nationalist. Nemmen li bil-kontribuzzjoni umli tiegħi, fejn il-partit għamel ċertu żbalji dawn l-iżbalji ngħin biex ma jirrepetux ruħhom.”

Jiġifieri temmen li bl-involviment tiegħek mall-PN inti ma kkompromettejtx l-ideat u d-diskors politiku tiegħek!

“Le. Infatti fil-każi ta’ Wied il-Għasel, it-Triq tal-Għadira, tal-Yacht Marina, taz-Zoni tal-Iżvilupp bqajt nitkellem l-istess. Ma kien hemm l-ebda issue li dwarha dawwart il-verżjoni tiegħi, anzi, jien mort infittixhom l-issues.”   

 

 

Articles Main Page