Dejjem Kontra l-Ħaddiema - A.Pert

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Ir-Rebbiegħa l-ġdida ġabitilna attakk ieħor frontali minn dawk li drajna naraw mill-assedju ta ‘l fuq minn 40 sena immexxi minn tal-PN, kontra il-GWU u t-trejdunjoniżmu Malti.

Fl-erbgħin sena li niftakar jien, l-ewwel esperjenza kienet ta attakk b`kanun monstruż, sparat diretta-ment mill-parlament. Fl-1969 gvern nazzjonalista kien ippubblika abbozz ta’ liġi li tirregola l-attivitajiet trejdunjonistiċi b`miżuri reazzjonarji. L-akbar kontroversja qamet fuq l-iżjed klawsola krudila tal-att, li kienet tikkuntempla pieni ta’ ħabs għal uffiċjali ta’ union li jiddikjaraw azzjoni industrijali. Dak l-attentat biex bil-pulit jabolixxu d-dritt tal-istrajk, ġie rtirat wara protesti kbar mill-GWU u l-Partit Laburista.

Wara intervall ta’ Gvern Laburista li matulu saret il-liġi industrijali tal-1976 u tjiebu mmens il-kundizzjonijiet tax-xogħol, reġa’ beda l-inbix lill-GWU malli fl-1987 daħal mill-ġdid jigverna l-PN. M`għandix spazju nelenka kif dan żviluppa f`attakki ta’ kull forma anti-demokratika, fuq pickets tal-GWU fil-BOV, fuq il-kunċett tas-Sympathy Strike fit-Telemalta, fuq id-dritt li ħaddiem josserva diret-tiva ta’ union fl-Enemalta, fuq id-dritt ta’ konsultazzjoni fit-Tarzna, jew fuq il-prinċipju tal-ftehim kollettiv in ġenerali.

Immur dritt fuq l-attakk ipokrita stil gwerrillier, li kien immuntat kontra l-ħaddiema tal-lukanda Phoenicia qabel nofs is-snin disgħin. Waqt azzjoni ndustrijali f`dik il-lukanda, s-sid irrifjuta li jinnegozja mall-GWU. Il-Prim Ministru aċċetta li jagħmel medjazzjoni. Fil-ħin li kienu qiegħdin jiltaqgħu f`Kastilja l-PM u s-Seg. Generali tal-GWU, skwadra tal-pulizija marret tneħħi bil-forza lill-ħaddiema mill-post tax-xogħol tagħhom, u l-lukanda ġiet magħluqa u l-ħaddiema kollha ssensjati. Taħsibhiex guerilla warfare immexxija minn double agent?

Kellna spazju ieħor ta’ intimidazzjoni diretta mill-orkestra magħrufa tal-PN, sakemm f`Awwissu 1999 wasal l-attakk maġġur. Mexxejja tal-GWU ġew trattati bil-goff u b`mod degradanti mill-pulizija, waqt li kienu jissorveljaw azzjoni ndustrijali leġittma fl-ajruport. Ittellgħu l-qorti mixlija b`akkużi kriminali li jġorru pieni ta’ ħabs. Tal-PN ttantaw jinforzaw il-liġi skreditata tal-1969, bla ma jinbgħadu mal-elettorat. Il-gvern kellu jirtira l-proċeduri legali wara twiddiba mill-ICFTU u l-ILO, li ħammrulu wiċċu.

Madankollu l-intimidazzjoni lill-membri tal-GWU ma waqfet xejn. Meta l-ħmura tal-wiċċ tfiet xi ftit, fir-Rebbiegħa`09 infetaħ l-attakk brutali fuq il-GWU fil-freeport. Wara li b`maniġġ l-iżjed anti-demokratiku l-kumpanija ma għarfitx lill-GWU bħala l-unjin magħżula demokratikament mill-maġġoranza tal-impjegati, kienet ovvja d-direttiva ta’ “go slow” mill-GWU. Il-freeport irreaġixxa b` mandat ta sekwestru ta’ miljun ewro kontra l-unjin, u friżalha l-assi kollha tagħha. Il-kumpanija qalet li sofriet dawk id-danni b`riżultat ta’ ftit siegħat “go slow”. U kompliet titfa’ l-melħ fuq il-ferita billi ssospendiet mix-xogħol ħaddiema membri tal-GWU, li obdew id-direttiva leġittma tal-unjin tagħhom. Dan kien mhux biss abbuż kontra d-drittijiet tal-GWU, imma jammonta għal attentat feroċi biex ifalli u jżarma lill-unjin.  Jidher li minn dan il-konfront il-GWU ħierġa iżjed soda bl-appoġġ ta’ unjins kbar barranin u tal-ETUC, li hija d-difiża globalizzata tal-ħaddiema Ewropej fil-ġungla moderna tal-globalizzazzjoni kapitalista. Viva s-solidarjeta internazzjonali tal-ħaddiema!

Apparti l-patafjun daqqiet taħt iċ-ċintorin li ma kellix wisa’ nispeċifika dwarhom, l-erba’ attakki maġġuri li rreferejt għalihom fil-qosor, speċjalment l-aħħar wieħed ta’ stil Thatcherjan, kienu mmirati jinbuttawna lura għaż-żmien ta’ l-ewwel manifestazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem fl-1889, meta bit-tixrid tad-demm kienu qed jibdew jintrebħu l-ewwel drittijiet tan-nies tax-xogħol.

Għalkemm ma ressquniex lura daqskemm xtaqu, tal-PN u r-reazzjonarji tal-lemin irnexxielhom iżom-muna niddefendu r-rebħ ta qabel, bla ma nkomplu navvanzaw. Bir-ritmu ta’ dal-pass, meta se nilħqu l-progress meritat ? Ejjew nirreżistu u nirkbu l-mewġ ta’ dan l-assedju, billi ningħaqdu bl-akbar solidarjeta’, wara l-għajta rebbieħa tagħna ta’;

“Ħaddiema tad-dinja ingħaqdu biex tħarsu dak li rbaħtu u tkomplu tirbħu jeddijietkom”

Articles Main Page