Editorjal

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Biex l-Ewropa tersaq lejna

Ħames snin wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, ċertament li ma nistgħux ngħidu li l-poplu Malti u Għawdxi ingrana bis-sħiħ fir-realta’ Ewropea. Il-Gvern jitkellem dwar Brussell daqs li kieku kienet xi  yo-yo. Minn għalih li meta jrid jista’ jgħidilna li qiegħda l-bogħod, u meta jrid li qiegħda viċin. Kollox skont il-konvenjenza tal-ġurnata.  

Għalkemm il-PN jippoża bħala l-alla tal-Ewropeisti f’pajjiżna, fil-verita’ mill-Gvern iħaddem politika li qajla tħallina nħossuna ċittadini Ewropej. Tista’ tieħu l-każ tar-rikonoxximent tal-unjin li għandha tirrapreżenta l-ħaddiema fil-Freeport, bħala eżempju. Għalkemm il-PN poġġa t-tema tax-xogħol fiċ-ċentru tal-għajta tiegħu għal dawn l-elezzjonijiet, l-isforzi biex: jitnaqqas ix-xogħol prekarju; iżid aktar xogħol full-time bil-benefiċċji sħaħ; u jżid id-demokrazija industrijali; m’aħniex qed narawhom.

Favur Ewropa Soċjali

Fl-elezzjonijiet tas-6 ta’ Ġunju li ġej jinħtiġilna nivvutaw bi ħġarna. Kull vot li nħallu fl-armarju, huwa ċans inqas biex naraw l-Ewropa tieħu r-rotta li tixraqilha. Ewropa li tkun Soċjali u mhux Neo-Liberali.

Jekk bis-serjeta’ rridu li naraw lix-Xellug jiggverna fil-pajjiżi Ewropej, jeħtieġ li nipparteċipaw biex ix-Xellug jigverna wkoll fl-Ewropa. Huwa minnu li l-Unjoni Ewropea baqgħet tidher wisq il-bogħod f’għajnejn ħafna, anke f’uħud minn dawk li emmnu fiha minn qabel dħalna għaliha, iżda issa huwa ċ-ċans li l-Ewropa nressquha viċin tagħna u mhux nitolbuha tersaq lejna.

L-għażla tagħna għandha tkun favur politika li tistinka biex ikollna ambjent aħjar, soċjeta’ aktar ġusta, ċans indaqs li nirnexxu, u liberta’ fl-għażla tal-ħajja privata u soċjali tagħna.

Fiha qiegħdin, u minn ġo fiha rridu naħdmu

Ma naqblux ma’ dawk li jiglorifikaw lill-UE daqs li kieku kienet xi baqra Indjana, iżda lanqas ma naqblu ma’ dawk li għamlu bħala missjoni tagħhom dik li joħorġu lil Malta mill-UE. Għalina t-tnejn li huma m’humiex relevanti. Jinħtiġilna nsaħħu l-għajta favur politika li żżid l-opportunitajiet biex tnaqqas l-inġustizzji. Jinħtiġilna naraw li bil-vot tagħna titnaqqas id-diskriminazzjoni f’kull livell biex kulħadd jingħata ċ-ċans li jitla’ ‘l fuq kemm jiflaħ u jixtieq. Jinħtiġilna nivvutaw favur politika li ma toħnoqx il-liberta’ ta’ ħafna biex tagħti l-liberta’ lil ftit. Jeħtieġ li ma nħallux lil min daħħalna fi kriżijiet ekonomiċi, ikollu ċ-ċans idaħħalna f’oħrajn. Dawn tal-aħħar la għandna nafdawlhom il-kartiera u wisq inqas il-vot!

Il-kandidati li nagħżlu

Għandna nagħżlu bir-reqqa bejn dawk li jistgħu jagħtu ħafna fil-politika, u dawk li qiegħdin hemm biex jieħdu ħafna mill-politika. Dawk li huma magħġuna sew fl-isfera/i tal-politika, dik soċjali jew/u tas-soċjeta’ ċivili, għandhom ikunu l-ewwel għażla tagħna. Dan għandna nagħmluh biex ma nitfgħux il-ġebla fuq saqajna, u nkunu aħna li nżommu lil Brussell il-bogħod minna.

Għandna niftħu widnejna beraħ għal dak li qed jgħidu l-kandidati nisa. Ikun ta’ ġid li fost il-Parlamentari Ewropej li neleġġu did-darba jkollna wkoll is-sehem femminili. B’hekk nuru li għandna fiduċja fin-nisa tas-soċjeta’ tagħna, u nkunu qed innaqqsu d-dominanza tal-irġiel fix-xena politika. Nuru lill-Ewropa li ma humiex biss in-Nordiċi li jemmnu fil-parteċipazzjoni tan-nisa, iżda anke aħna l-Mediterranji!   

Articles Main Page