Fl-Għaqda s-Saħħa - Andre’ Damato

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Kienet propju s-sena 1862 meta grupp ta’ ħaddiema Franċiżi ltaqgħu ma’ grupp ta’ ħaddiema Ingliżi waqt li kienu Londra sabiex jattendu għal Eżebizzjoni Internazzjonali.  Wara din il-laqgħa u oħrajn ma’ ħaddiema minn pajjiżi Ewropej, ingħata l-bidu għall-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema u għal kungressi ta’ l-Ewwel Internazzjonali ta’ bejn il-1866 u l-1869.  Fejn l-inawgurazzjoni ta’ l-ewwel kungress għalaq bl-istess kliem bħal manifest komunista, “Ħaddiema tad-Dinja -  Ingħaqdu!”  Din l-inizjattiva serviet sabiex toffri sens ta’ għaqda u solidarjeta’ bejn il-ħaddiema u r-rappreżentanti  tagħhom madwar l-Ewropa. 

Għalkemm dan l-ispirtu tas-solidarjeta’  tnaqqsitlu r-rankatura u kellu diversi skossi f’dawn il-140 sena, speċjalment bl-ewwel gwerra dinjija u bil-gvernijiet tal-lemin li esperjenzajna fl-Ewropa, illum dik l-għaqda xorta għadha ħajja.  Preżentament rajna manifestazzjoni tas-solidarjeta’ internazzjonali u lokali bejn il-ħaddiema, fejn trejdjunjins barranin u federazzjoni tal-unjins u partiti politiċi xellugin Maltin qiegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-GWU, meta din ġiet attakata bi ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru mill-Malta Freeport b’ammont ta’ €1 miljun għaliex kienet qed taqdi dmira fid-difiża tal-ħaddiema li hija tirrapreżenta.

Iżda l-għaqda u s solidarjeta’ ma tridx tkun biss bejn ir-rappreżentanti  tal-ħaddiema iżda trid tkun fil-forza primarja tax-xellug; bejn il-ħaddiema stess.  Sfortunatament iktar ma jgħaddu s-snin qiegħdin naraw kif is-solidarjeta bejn il-ħaddiema qiegħda dejjem tonqos mhux biss bejn ħaddiema ta’ pajjiżi differenti, jew bejn setturi  u industriji differenti, iżda anke fuq l-istess lant tax-xogħol .  Din ir-realta’ f’pajjiżna kompliet tiggrava b’kuntratti individwali, sezzjonijiet fl-industrija li m’humiex unjonizzati,  u bil-ftuħ tal-vit mill-gvern Malti għal politika Neo-Liberali li kompliet taljena lil ħaddiema u timmina s-solidarjeta bejn l-istess ħaddiema.  Għal min iqabbel is-saħħa tal-unjins u s-saħħa tal-kuntratti kollettivi fuq kull lant tax-xogħol maż-żmien u mal-ekonomija tal-imgħoddi, jew ma’ nuqqas ta’ kompetittivita’, tajjeb ngħidu li skond rapport tal-EEAG fuq l-ekonomija Ewropeja ‘l fuq minn 90% tal-ħaddiema fl-iSvezja, Franza, il-Finlandja, l-Awstrija u l-Belġju jaqgħu taħt kuntratti kollettivi u li f’Malta din ir-rata tinżel għal bejn is-60 u s-70%.  Waqt li fil-Finlandja u fl-Isvezja, għal xi wħud meqjusa bħala mirakli tal-Ewropa, 79% tal-ħaddiema huma membri fi trejdjunjin, f’pajjiżna r-rata hija ta’ 65%.  

Meta nħarsu lejn ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw ħafna ħaddiema f’pajjiżna bħal qgħad dejjem jiżdied, xogħol prekarju b’ħaddiema fuq kuntratti defniti qosra, ħaddiema każwali , part-time, oħrajn imħaddma bħala self employed, nuqqas ta’ mpjiegi, u dan kollu f’kuntest fejn il-ħajja qed tkompli togħla u li qiegħda ssir aktar diffiċli, nagħrfu li pajjiżna għandu bżonn Xellug b’saħħtu, b’soluzzjoni aktar stabbli u bi spazji ġodda fejn jista’ jimraħ.   

Kunsill tax-Xellug f’Malta

Il-ħolqien ta’ kunsill tax-xellug f’Malta, li l- membri  tiegħu jkunu trejd unjins, partiti politiċi, għaqdiet u movimenti xellugin, nemmen li jkun jista jgħin.  L-għanijiet u l-ħidma ta’ dan il-kunsill ikunu sabiex:
-il- partiti politiċi f’pajjiżna jsegwu politika soċjali
-il-gvern jaddotta politika progressiva u soċjali
-jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
-tiżdied is-solidarjeta’ bejn il-ħaddiema,
-iktar ħaddiema u setturi jiġu unjonizzati
-għaqda, kooperazzjoni u appoġġ bejn il-membri tal- kunsill
-jittellgħu kampanji edukattivi għall-ħaddiema, eżempju fuq saħħa u sigurta u drittijiet marbutin max-xogħol
-titwaqqaf skola politika tax-xellug

Dan il-kunsill ikun altru u differenti minn sempliċiment alleanza  bejn gruppi fis-soċjeta’ ċivili, fejn dawn tal-aħħar jingħaqdu u jaħdmu f’armonija flimkien sabiex jippromwovu l-interessi tagħhom fuq kwistjonijiet partikolari.  Għandna nżommu f’moħħna li l-kuntest għal dawn it-tipi ta’ alleanzi jinbidel u l-kawżi stess jinbidlu wkoll, dan kollu f’kultura ta’ nuqqas ta’ stabbilita’.  Jekk ngħażlu li nħarsu lejn is-soċjeta’ f’kunflitt, fejn dejjem għandek antogoniżmi bejn, ma’, u flimkien ma’ partijiet differenti , wieħed jista’ jagħmel alleanzi u għedewwa strambi; ngħidu aħna fi protesta kontra żvilupp rurali jaf jkollok anarkist u l-propjetarju ta’ l-istess art iżommu l-istess strixxun minn kull naħa.  Ma naħsibx li x-xellug jista’ jissaħħaħ kemm għandu bżonn sempliċiment b’dawn it-tip ta’ alleanzi, fejn il- politika tiġi ridotta sempliċiment għal issues partikolari.  Fil-fehma tiegħi l-arloġġ qed itektek u ma jistax jinħela ħin prezzjuż fuq kwistjonijiet fiergħa, waqt li l-lemin fil-gvern  għaddej bl-aġenda tiegħu, u tax-xellug kuntenti għaliex triq saret mod flok ieħor bis-saħħa tagħhom. 

Dan il-Kunsill tax-Xellug ma jkollu l-ebda intenzjoni li jieħu post il-partiti politiċi jew l-unjins iżda li flimkien magħhom joħloq kultura fejn dawn jissaħħu.  Fl-istess ħin ma tkunx idea ħażina jekk ħaddiema u individwi jkunu jistgħu jissieħbu direttament f’dan il-kunsill.  Fil-ġimgħat li għaddew smajna bil-bidu tal-Moviment Azzjoni Xellug, forsi dan il-moviment jista’ jwassal sabiex jiżviluppa jew jixpruna xi ħaġa simili.

Kien propju Karl Marx li qabbel lill-ħaddiema mas-swaba, weħidhom huma limitati fis-saħħa, iżda meta l-istess swaba jingħadu f’ponn wieħed, tinħoloq forza ġdida, forza ħafna ikbar mis-saħħa tas-swaba kollha flimkien, il-forza tal-għaqda bejn il-ħaddiema.  L-istess jgħodd għall-partijiet fix-xellug, flok insibu u ninfirdu fid-differenzi għandna nsibu l-pedamenti komuni, nibnu fuqhom u nissaħħu flimkien.

andre.damato@gmail.com

Articles Main Page