Il-Kriżi Finanzjarja u l-Impjegati tal-Banek - Cory Greenland

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Ma hemmx dubju li kienu bosta dawk il-ħaddiema li sofrew l-effetti tal-kriżi finanzjarja u b`effett ta` dan tilfu l-post tax-xogħol tagħhom jew tilfu bosta kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu kisbu. Huwa importanti li wieħed jiddistingwi l-kriżi finanzjarja mill-kriżi ekonomika. Dik finanzjarja inħolqot meta diversi instituzzjonijiet ta` kreditu (credit institutions) fallew fl-Istati Uniti. Wara snin jagħtu self, f`ħafna każijiet mhux assikurat biżżejjed, dawn l-entitajiet inqabdu f`sitwazzjoni ta` falliment hekk kif il-prezz tal-proprjeta` li kien jassikura s-self waqa’.

Din kellha l-effett fuq il-qasam finanzjarju kollu, partikolarment fl-Amerika iżda anke fl-Ewropa fejn inħolqot dik li tissejjaħ il-credit crunch. Minħabba li ħafna entitajiet ma baqgħux jisilfu lil xulxin, il-kreditu fis-suq inbidel drastikament u kienu bosta dawk l-entitajiet finanzjarji li tilfu u wħud minnhom fallew. Fortunatament f`Malta l-etika bankarja, r-regolamenti maqbula fuq livell Nazzjonali u fatturi oħra ma wasslux għal kriżi finanzjarja. Dan għalkemm xi banek ħadu ukoll daqqiet minimali. Wara l-kriżi finanzjarja żviluppat dik ekonomika. L-effett ta` din inħass globalment u hekk kif jonqos il-bejgħ u l-ordnijiet, anke l-kumpaniji f`Malta bdew iħossu l-effett.

Kien ta` sfortuna li wieħed jara li kien hawn għal darba oħra ħaddiema Maltin jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom. Madankollu is-settur bankarju baqa wieħed sod. Jaf jonqsu l-profitti, iżda l-banek baqgħu pilastru ekonomiku ewlieni u hekk jibqgħu. Li jinkwieta lil ħafna ħaddiema huwa iżjed il-mod kif il-banek bidlu l-kultura interna u l-prattiċi tax-xogħol fejn f`ħafna drabi l-eċċellenza qed tnessi l-aspetti umani tal-ħaddiem individwali u kollettiv. Huwa importanti li nitgħallmu mill-iżbalji tal-kriżi finanzjarji u nerqsu lil`hinn mill-hard selling techniques, tant komuni fl-Amerika u li anke huma ikkontribwew għall-kriżi finali.

Ejjew niżviluppaw relazzjonijiet fit-tul bejn il-banek u l-klijent u nnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-ħaddiema u naċċertaw il-bilanċ tant meħtieġ bejn id-dinja tax-xogħol u dik tal-ħajja soċjali (il-work-life balance).

Is-Sur Greenland huwa s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU

Articles Main Page