Il-Laqgħa Ewro Mediterranja tal-Partiti tax-Xellug ġewwa Ċipru - David Pisani

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Diversi Partiti tax-Xellug iltaqgħu flimkien għal laqgħa Ewro-Mediterranja li saret bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu ġewwa l-belt kapitali Nikosija ġewwa Ċipru fejn matula ddiskutew il-problemi li qed jaffaċċja l-poplu Palestinjan, kif ukoll l-Kriżi Ekonomika Dinjija. Il-laqgħa ġiet organizzata mill-blokk tax-Xellug Magħqud ġewwa l-Parlament Ewropew magħruf bħala GUE/NGL flimkien mall-Partit Komunista AKEL li fil-preżent qiegħed fil-Gvern ġewwa Ċipru. Fetaħ id-diskors tal-laqgħa l-istess Segretarju Ġenerali ta’ l-AKEL Andros Kyprianou fejn ta deskrizzjoni tal-laqgħa.

Matul il-ġurnata tal-ġimgħa ġiet trattata l-kriżi Palestinjana. Il-Partiti kollha preżenti qablu għal solidarjeta’ flimkien mall-poplu Palestinjan fil-ġlieda tagħhom mill-ħakma Iżraelita, kif ukoll sabiex il-Partiti tax-Xellug jingħaqdu flimkien għal sforz akbar sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni Palestinjana. Il-Partiti ħarġu dikjarazzjoni konġunta għal appoġġ sħiħ lill-poplu Palestinjan, fil-ġlieda għal stat indipendenti Palestinjan u sovran b’Ġerusalem tal-Lvant tkun il-belt kapitali. Kienet tinkludi wkoll il-ħtieġa tar-ritorn fil-pajjiż ta’ refuġjati Palestinjani, li r-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda numru 194 tagħmel enfażi fuqha. Taraha bħala ħtieġa li l-ħajt mibni minn Iżrael deskritt bħala ‘Il-Ħajt Razzist’ u li jmur kontra kull riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda.

Ir-Riżoluzzjoni ikkundannat l-attakk min naħa ta’ Iżrael u l-użu ta’ armamenti projbiti mill-Iżrael fuq Gaza. Skont organizzazzjonijiet dinjin nstab li dawn għamlu użu mill-fosfru abjad. Id-dikjarazzjoni ntemmet b’enfażi sabiex il-qorti internazzjonali tal-ġustizzja tiftaħ proċeduri kontra l-krimini tal-gwerra billi jitressaq il-qorti minn kien responsabbli biex intuża l-fosfru, materjal projbit fl-użu ta’ l-armamenti.

Matul il-ġurnata tas-Sibt ġiet diskussa l-Kriżi Ekonomika li ġab l-istess kapitaliżmu. Fiha tkellmu diversi ekonomisti, kif ukoll Stavro Evagorou, Ministru u Kap tar- Riċerka tal-Ekonomija (AKEL).

Il-Partiti kollha preżenti qablu li s-sistema preżenti, kienet hi li waslet għal din il-kriżi ekonomika, msejsa fuq politika neolibrali u ideat foloz, fosthom li s-suq jirregola lilu nnifsu. Ikkundannaw il-mewġa ta’ privatizzazzjoni ta’ servizzi pubbliċi u soċjali, fejn fiha elenkaw id-diskrepanza li teżisti, fejn f’waqt il-mexxejja qed jitolbu biex jagħtu f’għotjiet biljuni ta’ flus il-poplu lill-banek u entitajiet finanzjarji li qiegħdin fi kriżi bħala għajnuna, u fl-istess ħin jgħidu li flus għal servizzi pubbliċi u soċjali ma’ fadalx, jekk mhux ser nintaxxaw aktar lill-poplu. F’kelma waħda id-dogma tagħhom hi li ma għadhomx sostenibbli.

Fi stqarrija konġunta ir-rappreżentanti tal-Partiti sejħu għal sistema ekonomika oħra bbażata fuq il-ġustizzja soċjali, xogħol ġust u ekoloġija sostenibbli, li hi msejsa fuq is-Soċjaliżmu. Qablu li l-bidla jistgħu iġibuha l-movimenti popolari, flimkien mall-klassi tal-ħaddiema u l-Partiti tax-Xellug. Qablu wkoll li s-sistema Neoliberali falliet.

Articles Main Page