Marksiżmu u reliġjon – żwieġ li ma jistax jirnexxi? - Michael Grech

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Qrajt b’interess is-silta ta’ Andre D’Amato dwar ir-reliġjon u l-missirijiet tal-Marksiżmu u beħsiebni inżid ftit riflessjonijiet fuqha. Andre jiftaħ tajjeb billi b’xi mod jirridimensjona l-frażi ikkwotata wisq; u wisq drabi ħażin; ir-‘reliġjon bħala loppju tal-poplu’. Hu ġustament juri kemm jistà jkollha tifsira wiesgħa din il-frażi li, kuntrarju għal dak li donnu jimplika aktar l-isfel, turi li Marx ġa kien mexa l’hinn min Neo-Ħegeljani tax-xellug. Dawn kienu jqisu r-reliġjon bħala l-kawża ewlenija tal-aljenazzjoni tal-bniedem; dik li iżżommu milli jilħaq it-twettieq tiegħu. L-ateiżmu attiv; iċ-ċaћda attiva tat-twemmin reliġjuż;  kien allura spiss meqjus minn dawn bħala dak li hu meħtieġ (jekk mhux b’mod suffiċjenti kważi) biex il-bniedem jilħaq it-twettieq tiegħu. Kif juri tajjeb D’Amato, Marx jitlaq minn dan. Donnu jara fir-reliġjon mhux il-kawża tal-aljenazzjoni umana, imma xi ħaġa li twassal lill-bniedem biex jaċċetta din u l-isfruttar tiegħu minn ħaddieħor. Allura, li l-bniedem jeħles mir-reliġjon issir xi ħaġa meħtieġa, imma mhux suffiċjenti (waħidha biżżejjed) biex il-bniedem jeħles mill-aljenazzjoni tiegħu. 

Għaqal taż-żogħżija?

Madankollu, ta’ min ukoll isemmi li din il-frażi; li tant sar kapital fuqha kemm minn xi Marksisti u kemm minn imkejjen reliġjużi konservattivi, li jekk ma jaqblu f’xejn, jaqblu fuq l-interpretazzjoni li taw lil din il-frażi; hi misluta minn wieħed mill-ewwel xogħolijiet ta’ Marx; xogħol fejn, biex ngħidu hekk, għadu m’hemmx il-Marx l-aktar matur u komplet.  L-istess bħalma jappartjenu gћal din il-fażi tal-ћsieb ta’ Marx kunċetti bħal ‘aljenazzjoni’ u diskorsi dwar ‘il-bniedem’; li donnhom iżommu li hemm xi natura jew essenza umana l’hinn mill-fasliet imżewqa, varji u differenti li fihom il-bnedmin jgħixu l-ħajjiet tagħhom. Kollha jirriflettu l-influwenza Neo-Ħegeljana li kien għadu taħtha Marx fiż-żogħżija tiegħu, u li gradwalment (b’mod mhux dejjem komplet) emanċipa ruħu minnha aktar tard.

Nistgħu ngħidu li fil-perjodu matur tiegħu, Marx mar l’hinn mill-ateiżmu attiv tal-ewwel fażi. Ovvjament, ma rridx ngħid li beda jmur il-knisja jew sar jemmen f’Alla. Madankollu, l-importanza tar-reliġjon bħala ostaklu għat-twettieq tal-bniedem naqset, minkejja xi rimarka l’hawn u l’hinn, u l-użu tar-reliġjon bħala metafora jew simbolu ta’ xi fenomenu jew realtà materjali li mhiex kif għandha tkun (ngћidu aћna, f’Kapital fejn juża r-reliġjon biex juri kif il-bniedem jistà jinħakem minn dak li jipproduċi). Kif jgħid t-teologu taljan Giovanni Franzoni: “aktar milli atea il-filosofija matura ta’ Marx hi sekulari. Il-ħsieb ta’ Marx ovvjament mhux reliġjuż. Ma ssir l-ebda referenza lill-Alla, u ma jinġieb l-ebda argument li juri li Alla jeżisti, bħalma ngħidu aħna jsir fil-filosofiji ta’ San Tumas t’Akwinu u Santu Wistin, jew f’ta’ Descartes, Leibniz, Locke u Berkeley. Madankollu,…Aktar milli atea, din il-filosofija hi sekulari minħabba li titratta biss ġrajjiet u proċessi ta’ din id-dinja, kif ukoll kawżi u prinċipji li huma materjali u dinjija. Il-materjaliżmu ta’ Marx hu storiku aktar milli ontoloġiku; jitratta proċessi u ġrajjiet materjali, u l-kawżi u l-loġistika materjali ta’ dawn, aktar milli kwestjonijiet ta’ jekk jeżistix Alla jew gћandniex ruħ immortali.” (Giovanni Franzoni intervistat minn Michael Grech)

Limiti ta’ Marx

Hu żgur madankollu, li fl-ebda waqt tul ħajtu Marx ma kien jara fir-reliġjon tama li din tistà tgћin lill-bniedem jew lil min hu sfruttat. D’Amato jsostni li skont Marx ir-reliġjon twebbel li s-“Salvazzjoni mill-miżerja, faqar u l-esplojtazzjoni ser ssir ….wara l-mewt – Twiegħed lin-nies li se jiġu mpattija ta’ dak li għamlu wara mewthom – Toffri speranza li b’intervent sopranaturali jistgħu jissolvew il-problemi ta’ din id-dinja – Ħafna drabi tiġġustifika l-ordni u l-klassi soċjali li persuna jinsab fiha”. Issa dan juri kemm spiss iddeġenerat ir-reliġjon; mhux biss fi żmien Marx, imma anke qabel u wara. Juri wkoll imma, il-limiti ta’ Marx f’dak li hu tħammim dwar ir-reliġjon, minħabba li donnu jaqbad karatteristiċi ta’ fenomeni reliġjużi li kien familjari magħhom jew jaf dwarhom, u jassumi li dawn jgħoddu jew jinsabu f’kull fenomenu reliġjuż. Bħallikieku hemm xi essenza li tinsab wara kull forma ta’ reliġjon.

Veru li spiss kellek verżjonijiet tar-reliġjonijiet li żammew xi waħda mill-affarijiet li Andre jsemmi; spiss ikkwottaw passaġġi minn testi reliġjużi bħal: “…m’hemmx setgħa li m’hiex ġejja minn Alla…Għalhekk min jieqaf lis-setgħa jkun qed jeħodha kontra l-ordni t’Alla, u …jiġbdu fuqhom il-kundanna.” (Rumani 13: 1-3). Madankollu, hu veru wkoll li hemm passaġġi oħra fejn jingħad li Alla “….sema l-krib tal-poplu minħabba l-jasar” (Eżodu 3, 7) u fejn jitfaħħar għax “…niżżel is-setgħanin minn fuq it-tron u għolla ċ-ċkejknin.” (Luqa 1: 52). U dan mhux f’ħajja oħra. Kif isemmi d-dumnikan Ġwann Xerri “….kif ngħidu fil-Missierna, tkun magħmula r-rieda tiegħek issa, kemm fis-sema kif ukoll fl-art illum. Allura, fil-Missierna naraw l-art, naraw l-istorja tal-bniedem illum, bħala t-twettieq …tas-saltna t’Alla” (minn Knisja tat-Triq). Kien u għad hemm persuni u movimenti t’ispirazzjoni reliġjuża; mhux biss Nisranija imma fit-tradizzjonijiet kollha; li fehmu dan. Id-diversi movimenti ta’ teoloġiji tal-liberazzjoni li nsibu f’bosta reliġjonijiet huma xhieda ta’ dan. Xi drabi dawn irnexxielhom jifhmu dan grazzi gћall-istess Marx (fi kliem Xerri: “….Marx għenna niftakru li aħna kellna l-profeti, kellna lil Bartilmew De Las Casas… li qal li l-Indiġeni huma fqar minħabba s-sistema inġusta kolonjali u mhux…kif qal ħaddieħor.Ibid.,)

Ċans ta’ tlaqqim?

Ovvjament, dan kollu ma jfissirx li wieħed jistà faċilment iwaħħad it-tnejn. Ir-reliġjon m’hiex xi ħaġa xjentifika; il-Marksiżmu hu diskors xjentifiku dwar kif taħdem u teżisti s-soċjetà u l-fenomeni tagħha, inklużi dawk reliġjużi. Spiss ukoll, fil-passat u anke fi żmienna, meta r-reliġjon wasslet lil nies biex jgћaddbu għall-inġustizzji ta’ din id-dinja, ħawdithom meta ġiet biex tispjega l-eżistenza u l-kawżi ta’ dawn. Il-Marksiżmu jistà jgħin wisq f’dan. Waqt li r-reliġjon tistà tgħid li dan jew dak il-fenomenu hu kontra r-rieda t’Alla u tispirak biex tibdlu, il-ħsieb ta’ Marx u ta’ dawk li ġew warajh jistà jintuża biex jgħin lil dak li jkun jifhem għalfejn dan il-fenomenu jeżisti. Min-naħa l-oħra, f’soċjetajiet fejn ir-reliġjon hi importanti, l-użu ta’ diskors reliġjuż, mogħti liwja progressiva u emanċipatorja, hu essenzjali għal min jixtieq ikun politikament effettiv. Dan kollu iseħħ kemm il darba id-diskorsi reliġjużi u Marksisti jagħrfu u jirrispettaw id-differenzi u l-awtonomija ta’ xulxin.

Referenza: Kif harsu lejn ir-reliġjon missirijiet il-Marxiżmu - Andre’ Damato

Articles Main Page