Solidarjeta’ bejn Movimenti Soċjali - Alfred Consiglio

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Hawn kunċett żbaljat li sindikalisti soċjalisti m’humiex interessati f’xi ħaġa li ma għandhiex x’taqsam ma’ ġlieda fuq il-post tax-xogħol.  Din, biex ngħiduha bil-pulit, hija ħmerija!  Mingħajr solidarjeta’, għajnuna lil xulxin u organizzazzjoni ‘l barra mill-post tax-xogħol, kif ukoll ġewwa, ma nistgħu qatt nibdlu s-soċjeta’ għall-aħjar.

Wieħed mill-punti sapportabbli ta’ għajnuna lil xulxin u kooperazzjoni volontarja huwa li n-nies jipprattikawh kuljum fl-istess azzjoni ta’ tjubija, bla egoiżmu u bi spirtu komunitarju.  Li nfittxu lil xulxin jew li naqsmu l-ħiliet tagħna, il-ħin u riżorsi tagħna jagħmlu tajjeb biex nibdlu l-individwaliżmu kompetittiv rgħib tal-ewwel jien.  Dan l-ispirtu komunitarju huwa wkoll rifless fil-popolarita’ ta’ politika populista magħmula min-nies, jew kif inhi aħjar magħrufa do it yourself politics.

Ħafna movimenti soċjali qed ifeġġu – minn dawk li qed jiġġieldu kontra l-globalizzazzjoni sa dawk li jopponu l-inugwaljanza tas-sessi.  Gruppi favur drittijiet lil dawk b’diżabilita’ jisħqu fuq rispett bħala ugwali, mhux b’karita’.  Ċentri soċjali f’lokalitajiet għandhom joffru spazju għal-laqgħat u biex jissoċjalizzaw ‘l bogħod miċ-ċentri ta’ kummerċjalizzazzjoni bla rażan.

Il-movimenti soċjali kollha jinħtieġu li jikbru malajr fid-daqs u joħolqu rbit akbar ma’ ħaddiema li ta’ kuljum jitqabdu għal ħobżhom.  Il-proċess ta’ kumbattiment fil-komunitajiet u postijiet tax-xogħol huwa vitali fil-qsim ta’ ideat, iqanqlu għarfien u l-ksib ta’ kunfidenza.

Li tikseb riformi llum huwa biss parti mill-għanijiet fit-tul lejn soċjeta’ aħjar.  Qatt ma għandna nbaxxu u ninjoraw is-saħħa tas-solidarjeta’, imma għandna nagħtu wkoll widen lil lezzjonijiet tal-passat. Ta’ kuljum, l-istat jgħakkisna b’aktar taxxi, minn ħlasijiet li joħonquna, sa VAT fuq kull ħaġa.  Hemm bżonn li mhux nirbħu biss il-battalja imma wkoll il-gwerra.

F’din il-lotta aħna tax-xellug irridu naħdmu lejn għaqdiet tal-massa fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunita’.  Partiti avantgardisti u trejdjunjins  riformisti naqsuna u ma ħarsuniex biżżejjed.  Aħna għandna bżonn l-organizzazzjoni tagħna mibnija fuq il-prinċipji ta’ demokrazija diretta; organizzazzjoni li toffri kontroll massimu ta’ kontabilita’; organizzazzjoni li ma tħallatx it-talbiet tagħna jew iddaħħalna fi sqaqien, jew li nappoġġjaw partiti li fil-passat injorawna jew naqsuna.

Aħna ninsabu fuq il-quċċata ta’ żmien importanti fl-istorja hekk kif gvernijiet huma impotenti meta ffaċċjati bir-riċessjoni, u korporazzjonijiet ikomplu jiddevoraw id-dinja f’isem il-profitt.  L-ispettru dejjem preżenti tal-kapital globali, li jitlajja qiesu sħaba sewda fuqna lkoll, mhux infallibli u żgur li tibdil rivoluzzjonarju ma jsirx mill-lum għal għada, iżda billi norganizzaw flimkien dinja aħjar. Din tista’, u għandha, tkun tagħna!

Articles Main Page