Xogħol ta’ volontarjat ġewwa Kuba

Zminijietna – Harga April - Gunju 2009

 

Fis-sajf li ġej l-għaqda Malta Kuba ħa tipparteċipa fil-brigada ta’ Jose Marti ġewwa Kuba għat-tielet sena konsekuttiva. Din is-sena sitt żgħażagħ Maltin ħa jieħdu sehem fil-brigada ta’ Jose Marti ġo Havana ġewwa Kuba organizzata mill-ICAP (Cuban Institute for friendship with the People).

Il-Brigada Jose’ Marti

Din l-attivita’ annwali tgħaqqad ‘l fuq minn mija u ħamsin żgħażugħ Ewropew fejn ikollhom l-opportunita’ li isiru jafu dwar il-kultura ta’ Kuba kif ukoll jintegraw u jiddiskutu man-nies ta’ Kuba sabiex isaħħu l-ħbiberija bejniethom. Din ħa tkun esperjenza unika għall-membri tal-moviment ta’ solidarjeta’ ma’ Kuba li ilha sseħħ mill-1973.

Il-membri tal-brigada ħa jqattgħu ġimagħtejn f’Caimito ġewwa Havana bħala ‘brigadista’, jaħdmu u jissoċjalizzaw mal-Kubani u l-Ewropej. Ix-xogħol ta’ volontarjat jinkludi xogħol fil-qasam tal-agrikultura u kostruzzjoni. Jiġu organizzati wkoll bosta ħarġiet turistiċi u ambjentali kif ukoll żjarat f’postijiet storiċi, kulturali u soċjali. Fost dawn isiru visti fi sptarijiet, skejjel primarji kif ukoll sekondarji, universitajiet u żjajjar f’provinċi oħra bħal Cienfluegos u Santa Klara. Dan kollu joffri l-possibilta’ li jsiru jafu iktar dwar din il-gżira u n-nies tagħha.

Kuba u r-Rivoluzjoni

Din is-sena taħbat il-ħamsin sena anniversarju tar-Revoluzjoni Kubana li bdiet mit-2 ta’ Diċembru tal-1956 u ntemmet fl-ewwel tas-sena tal-1959. Kienu l-aħwa Castro, l-Arġentin Che Guevara u grupp ta’ rivoluzjonarji eżiljati li nvadew il-gżira bl-iskop li jwaqqgħu d-dittatur Fulgencia Batista. Dawn ir-rivoluzjonarji ħelsu lill-pajjiż mill-korruzzjoni mid-dittatura militari u rreżistew l-Istati Uniti milli tindaħal fil-politika Kubana. Qabel seħħet ir-Rivoluzjoni n-nies soffrew poverta’ u dittatura brutali. Che Guevara huwa simbolu importanti għall-pajjiż. Huwa figura kontroversjali, storika u signifikanti li rnexxilu jagħmel bidla radikali fl-istorja ta’ Kuba permezz tar-Rivoluzjoni. Kien permezz tal-konvinzjoni u d-determinazzjoni tiegħu li rnexxilu jagħmel dan u jeħles lill-pajjiż mid-dittatura. 

Attivitajiet u Fund Raising

Qed isiru diversi tħejjijiet u attivitajiet biex jinġabru fondi sabiex iż-żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol ta’ volontarjat. Xi wħud minn dawn jinkludu lotteriji u bejgħ ta’ T-shirts. Barra minn hekk se tiġi organizzata Lejla Amerikana-Latina għall-pubbliku mill-istess membri. Għal iktar informazzjoni fuq l-għaqda Malta Kuba tistgħu żżuru l-websajt: www.maltacuba.org. Hawnhekk tistgħu ssibu l-programm tal-Brigada Jose’ Marti ta’ din is-sena, riflessjonijiet ta’ Fidel Castro u kif wieħed jista’ jissieħeb bħala membru.

Articles Main Page