Aktar tentufiet mill-Mater Dei - Christopher Cutajar

Zminijietna Harga Jannar – Marzu 2008

 

Fl-aħħar ħarġa ta’ Żminijietna kelli l-opportunita’ nuri l-għadab tiegħi rigward in-nuqqas ta’ pjanar fl-istruttura tal-Mater Dei, u anke rigward in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, bl-emfasi ssir fuq dawk li jieħdu ħsieb is-sigurta’ u anke fuq il-‘care workers’. Xtaqt li kieku smajt reazzjoni tal-kumpanija Support Services Ltd. jew inkella tal-Group 4, għal dak li ktibt jien, iżda dan ma sarx.

Did-darba beħsiebni nitfa’ ħarsti fuq aspetti oħra li jħufu madwar dan l-iljunfant bajdani li d-demokristjani għoġobhom isemmu Mater Dei. Fl-emerġenza ta’ St. Lukes kien ikollok madwar 250 pazjent li ta’ kuljum jidħlu biex jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn, illum il-ġurnata ġewwa l-Mater Dei sar għandek madwar 430 persuna tidħol ta’ kuljum ġewwa l-emerġenza. Din is-sitwazzjoni ħoloqha l-Gvern Nazzjonalista stess, u ngħidilkom għaliex. Tella’ billboards fit-toroq bil-messaġġ tagħhom ikun; “Emerġenza? Mil-lum mur Mater Dei” Huwa minnu li lin-nies trid tinfurmahom, iżda l-iskop moħbi tagħhom kien li ssir propaganda sottili ta’ dan l-isptar. Dan ħajjar lin-nies sabiex meta tidħlilhom fraka f’għajnejhom jew skalda f’subgħajhom imorru jżanżnu dan l-isptar ‘state of the art’. Biex tkompli tgħaxxaq kollox il-Gvern ħa d-deċiżjoni bażwija li jagħlaq il-polikliniċi tal-Furjana u tal-Gżira mill-ħamsa ta’ filgħaxija lil hemm, bil-ħsieb li juża l-istaff mediku għal ħtiġijiet li jinqalgħu bil-lejl fl-Emerġenza tal-Mater Dei. Dawk deċiżjonijiet! Traqqigħ tal-pannu bil-qargħa ħamra. Ma jafx il-Gvern li b’dan il-mod, flok inaqqas il-pressjoni fuq il-Mater Dei se jkun qed iżidha. Ma jafx li b’hekk se jkompli jiċċentralizza u jitfa’ pressjoni żejda fuq il-ħaddiema tal-Mater Dei.

Bejn l-1999 u l-2006 il-Gvern Nazzjonalista għoġbu jnaqqas il-flus għaċ-ċentri tas-saħħa bi 80% (minn Lm150,000 għal Lm25,000), u fl-istess żmien għoġbu jalloka 85% anqas fi flus għall-immodernizzar taċ-Ċentri tas-Saħħa (minn Lm100,000 għal Lm16,000). Il-kura tas-saħħa Primarja telquha għal riħha, ġew jaqgħu u jqumu minnha, basta bnewlna monument li xorob il-kaxxa ta’ Malta aktar milli kienet mixruba. Jiena mhux talli ma rridx li ċ-ċentri tas-saħħa jingħalqu, talli ngħid li wasal iż-żmien li nikkunsidraw li fiċ-ċentri tas-saħħa nagħmlu swali li jesgħu għaxar pazjenti, u li fihom min ikollu bżonn kura li mhix ta’ natura akuta jew gravi jinżamm hemmhekk u il-pressjoni fuq il-Mater Dei tittaffa.

Il-Mater Dei sar qisu Pressure Cooker (borma tal-pressjoni). Pressjoni tfisser li jkollok is-sala ta’ l-Emerġenza tispiċċa tiffunzjona bħala sala bil-pazjenti fissi fuq il-‘couches’, flok sala li tinvestiga d-dijanjożi tal-pazjent u tibgħat il-pazjenti fis-swali li jgħoddu għalihom jew id-dar (dan ġara fl-aħħar ta’ Jannar u fil-bidu ta’ Frar, u għandu jibqa’ jiġri jekk ma jkunux attwati soluzzjonijiet permanenti). Pressjoni tfisser li swali tal-kirurġija jispiċċaw jilqgħu pazjenti bi problemi mediċi. Pressjoni tfisser li pazjenti li jkunu jafu d-data ta’ l-operazzjoni tagħhom, jgħidulhom li se jippostponu d-data ta’ l-operazzjoni tagħhom. Pressjoni tfisser li jkollok ‘Senior Registrars’ (tobba mlaħħqa aktar minn oħrajn, awtorizzati li joperaw) li jkunu jridu joperaw b’mod urġenti u ma jkollhomx tijatru ta’ l-operazzjonijiet lest għalihom biex jagħmlu dan.

Meta tara din il-pressjoni kollha fuq il-ħaddiema, nistaqsi fejn huma t-trejdjunjins ta’ l-infermiera u l-qwiebel u dik tat-tobba. Jaqaw mindu dawn għamlu l-ftehim imsejjaħ bħala storiku mill-Gvern, biex ikollhom paga għola, waqgħalhom rixhom kollu? L-Assoċċjazzjoni Medika Maltija (MAM), l-unjin tat-tobba, għaliex mhux qed tqajjem dawn il-punti (li semmejt jien hawn fuq) fil-beraħ? Ma nagħmlux mod li fl-eventwalita’ li jkun hemm il-Partit Laburista fil-gvern, beħsiebha tisfoga miegħu dan l-inkwiet kollu hux? Jekk il-MAM beħsiebha tirrepeti l-istorja tas-sebgħinijiet/tmeninijiet, jien ngħidilha li tkun l-akbar ġifa li qatt tkun rat l-istorja tat-Trejdjunjoniżmu Malti. Min-naħa l-oħra, l-MUMN, li tiġi l-unjin ta’ l-infermiera u l-qwiebel, ukoll donnhom qiegħdin f’nagħsa papali, u xejn ma jien nara pressjoni biżżejjed sabiex il-Gvern jingaġġa aktar nies fis-settur. Swali sħaħ li jirnexxilhom jibqgħu għaddejjin bis-saħħa ta’ l-infermiera u n-nursing aides li jaħdmu l-overtime. Li kieku ma kienx għall-ħinijiet żejda li jagħmlu dawn il-ħaddiema, kieku nini nini, mhux jibqa’ għaddej l-isptar.

Il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod ġewwa l-Mater Dei qed tkun iffaċċjata ta’ kuljum fil-Mater Dei. L-awtoritajiet kienu jafuh dan, għaliex fejn qabel kellek swali tal-Mediċina jokkupaw fihom mat-42 sodda ġewwa l-isptar San Luqa, issa s-swali saru jesgħu medja ta’ 24 sodda. 825 sodda għall-isptar nazzjonali tagħna ma humiex biżżejjed, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern għażel li minn flok ikabbar is-servizzi fil-kommunita’ ċekkinhom kif diġa’ għidna qabel. Ma naf bl-ebda miżuri li ttieħdu sabiex l-MMDNA (l-infermiera li jagħtu l-kura fid-djar tan-nies) ikollhom aktar riżorsi biex jaħdmu f’dan il-qasam. B’hekk kollox jitħalla għaddej għal riħu. Bħal vapur li l-ekwipaġġ tiegħu telqu f’nofs ta’ baħar.

Quddiem dawn l-ispejjeż kbar li daħal għalihom il-Gvern, il-mistoqsija l-kbira tibqa’ waħda; Nistgħu nibqgħu nagħtu s-servizzi tas-saħħa b’xejn? Jien ngħid li iva nistgħu nagħmluh dan. Jekk ma nibqgħux nagħmlu dan nispiċċaw nitfgħu f’periklu serju s-saħħa ta’ dawk li huma neqsin mill-flus. Jien nipproponi miżura li għandha tittieħed sabiex is-sistema tas-saħħa tibqa’ sostenibbli, u din tkun waħda minn mitt miżura tafux, u mhux is-soluzzjoni sħiħa. Dawk li għandhom saħħithom inxurjata b’polza ta’ l-assikurazzjoni privata, għandhom iħallsu permezz tal-polza ta’ l-assikurazzjoni tagħhom, kull meta jużaw is-servizzi tas-saħħa tal-Gvern. Persuna li taħdem f’kumpanija ta’ l-assikurazzjoni spjegatli kif il-kumpaniji ta’ l-assikurazzjoni jippreferu li l-klijenti tagħhom jużaw l-isptar tal-Gvern għaliex ma jkollhomx jagħtu lura ħlas kbir, bħal fil-każi meta jintużaw l-isptarijiet privati mill-klijenti tagħhom. Minnflok, bħala speċi ta’ ringrazzjament lill-klijent li ma jkunx uża sptar privat, il-kumpanija ta’ l-assikurazzjoni tagħti madwar 47 ewro (Lm20) ta’ kull lejl li l-pazjent ikun qatta’ fl-isptar tal-Gvern. Tali miżura tkun qiegħda tinkoraġġixxi lil dawk li għandhom poloz ta’ l-assikurazzjoni jużaw is-servizzi privati u fl-istess ħin tħallihom fil-liberta’ li jużaw is-servizzi tal-Gvern. B’hekk il-pressjoni li semmejna qabel, ta’ ħafna pazjenti jirrikorru għall-Mater Dei, ukoll tkun qed tiġi ndirizzata.

Dan l-artiklu xtaqt nispiċċah billi nirringrazzja lill-Gvern tal-fuljett li rċevejt minn għandu, li jagħtini l-informazzjoni dwar kif għandi nuża l-Mater Dei, kif nagħraf il-ħaddiema ġewwa dan l-isptar, u x’numri tat-telefon għandi nuża. Dan irċevejtu fl-aħħar ta’ Jannar 2008. La rċevejtu fl-aħħar ta’ Jannar sinjal li l-isptar ma ilux li fetaħ mill-aħħar ta’ Ġunju li għadda. Sinjal li dawk il-murtali li nħarqu u ċ-ċekċik tat-tazzi, kien qed isir biss għall-manikkini li kien hemm fuq is-sodod. Iridu jbellgħuhilna li l-importanti mhux kif tkun, iżda kif tidher! Dawn it-tentufiet li wrejtkom semmejthom apposta, biex tkunu tafu x’inhu jiġri fil-verita’ ġewwa l-isptar Mater Dei, mingħajr qatt tintlibes il-maskra ta’ l-imbierka kelmiet ‘state of the art’.

Articles Main Page