Bilanċ Soċjo-Ekonomiku - Apert

Zminijietna Harga Jannar – Marzu 2008

 

Il-politika neo-liberali telimina s-sistema ta’ l-ekonomija mħallta bejn l-istat u l-privat, u twarrab il-protezzjoni tal-konsumatur mir-responsabilita’ tal-gvern. Temmen fis-suq ħieles, li jsuq bla tmun fit-­triq tiżloq tad-domanda, li minkejja kliemhom, hija kundizzjonata mill-prezz tal-provista.

Politiċi ta’ dan it-twemmin ma jaqblux mas-sehem ta’ l-istat fl-attivita’ ekonomika. Lill-istat iriduh biss jipprovdi l-infrastruttura fejn il-privat jopera bl-aħjar prospetti. Ma jaċċettawx skrutinji jew interventi korrettivi mill-istat fil-qasam tan-negozji, għax jgħidu li l-prezz ta’ oġġett jibqa’ stabbli mad-domanda għalih, jekk il-provista tiegħu ma tinbidilx fl-ammont jew fl-ispiża biex tasal fis-suq. Għalihom ma jeżistux il-krietel li jifformaw xi negozjanti biex jiffissaw il-prezzijiet fil-livelli  li jaqblilhom.

Mela n-neo liberali ma jridux parteċipazzjoni mill-istat li tistabilizza kompetittivita’ usa’ għall-aħjar prezz fin-naħa tal-produzzjoni u distribuzzjoni tal-prodott. Lanqas ma jridu nterventi tal-gvern li jassig­uraw l-orħos xiri fin-naħa tal-bejgħ għall-konsum ta’ dak il-prodott. Jiġifieri din is-sistema tas-suq assolutament ħieles tikkonċentra fuq l-interessi tal-produttur u tad-distributur bl-ingrossa u tal-bejjiegħ bl-imnut, bla ma toffri ħajt ta’ kenn lill-konsumatur f’ebda fażi mill-oriġini tal-prodott sa ma jasal f’idejn ix-xerrej. Dawn il-kunċetti ma jħallux spazju fejn il-konsumatur ikun imħares mil-perikli ta’ l-abbużi, li tista’ tagħti lok għalihom dik il-liberta’ assoluta tal-kummerċjanti, fis-suq tal-bieb miftuħ għall-kompetiz­zjoni u l-ieħor imbarrat bil-krietel li bihom jimmonopolizzaw il-prezzijiet u jilagħbu bl-imsejken popolin. Hawn tidher l-importanza li titwaqqaf għaqda tal-konsumatur soda u effettiva (NGO u mhux xi dipartiment jiddependi mill-gvern), li timmerita artiklu għaliha darb’ oħra. Biex ma jurtawx lill-konsumatur b'dawn il-veritajiet ta’ twemminhom, xi ekonomisti jinterpretaw dawn il-kunċetti tas-suq ħieles b'modi differenti, li aktarx jindikaw f’isem liema ħolqa mill-katina tal-­kummerċ ikunu qed jitkellmu.

Ekonomista bil-kappell tal-bejjiegħa tarah jaqbel ma’ forma ta’ għassa fuq l-operat tal-produtturi, u jikkundanna kull skrutinju fuq il-bejjiegħa. Ieħor li jirrappreżenta lill-produtturi, jiġġustifika liberta’ assoluta u bla kompetizzjoni statali għall-industrija privata, waqt li jirrakkomanda għassa fuq prezzijiet ta’ kull ġeneru ta’ kumpaniji li jipproduċulhom utilitajiet (servizzi) bħall-enerġija, telefon, ilma, etċ.

Allura minn dawk il-linji ta’ ħsieb joħroġ qbil dwar xi forma ta’ kontroll jew regolarizzar, fuq il­proċess li joriġina prodott u jwasslu s'għand il-konsumatur. Bil-kunċett tar-regolaturi pubbliċi, jidħol kompromess anke ma’ min jemmen f’sistemi oħra. Basta r-regolaturi ma jkunux ta’ l-isem biss, bħalma għandna llum. Ma jirrispettax l-intelliġenza taċ-ċittadini, dak il-gvern li jimla’ bord jew kumitat regola­tur b’ħatriet ta’ nies li jmorru għal għajnu u dejjem jiddefendu l-opinjoni u l-linji kontroversjali tiegħu. Dak it-tbażwir mhux aċċettabbli għal min jemmen fil-prinċipji xellugin. Ix-xellug ma jaċċettax kompromessi ta’ sistema nieqsa mir-rieda u mill-awtorita’ li tiskrutinja u tirregola b’ġustizzja, l-attivitajiet li minnhom tintgħaġen il-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini kollha.

Ir-regolaturi ma jilħqux l-iskop mixtieq jekk ma jkunux komposti min-nies nominati mill-istat u minn korpi u/jew NGO' s konċernati, u appuntati mill-parlament b’setgħat eżekuttivi, u assolutament awtonomi. Tajjeb li jkun ikkunsidrat li kull regolatur ikun rappreżentat fuq l-MCESD, li tingħata forma mibdula radikalment f’din id-direzzjoni. L-awtonomija u l-parteċipazzjoni mhux governattiva, flimkien ma’ l-awtorita’ effettiva, huma ta’ mportanza kruċjali biex regolatur jissodisfa l-aspettattivi tal-­kompromess soċjo-ekonomiku.

Fost l-oqsma tas-settur ekonomiku li l-aktar jeħtieġu li jkunu regolati bl-akbar skruplu, nsibu: Servizzi finanzjarji, marittimi, tal-kommunikazzjoni, tat-trasport, tas-saħħa, ta’ l-enerġija, ta’ l-ilma, ta’ l­iżvilupp/bini, u tal-kummerċ ġust. Dawn jirregolaw l-attivita’ ekonomika b'mod bilanċjat fis-settur tas-servizzi, imma jħallu x'wieħed jistenna aħjar fil-qasam tal-bejgħ tal-prodotti konsumabbli lill-konsumatur. Għalhekk l-istat għandu jagħraf u jawtorizza għaqda tal-konsumatur tal-forma ta’ unjin ċivili, li jkollha dritt ta rappreż­entanza fuq l-entita’ regolatur tal-kummerċ ġust, u bi drittijiet fis-settur tal-kummerċ bħalma għandhom l-unjins tal-ħaddiema fil-kamp industrijali.           
     
Il-monopolji li jostakolaw l-iżvilupp ekonomiku u jagħtu lok għall kompetizzjoni nġusta li tiddetta l-prezzijiet, jiġu mnaddfa mill-ekonomija li jiġġenera dan il-qafas regolatorju, tant li anke l-parteċipazzjoni ta’ l-istat fl-arterji strateġiċi ta’ l-attivita’ ekonomika, tista’ tkun integrata bla biża’ ta’ dominanza.

Articles Main Page