Il-Bżonn ta’ Politika u Azzjoni Kulturali għal Malta - Korrispondent dwar il-kultura

Zminijietna Harga Jannar – Marzu 2008

 

F’artiklu li deher fis-suppliment kulturali Showtime ta’ The Times tat-2 ta’ Novembru 2007, Adrian Wirth, veteran tax-xena artistika u kreattiva f’Malta, jirrakkonta ċajta li mhix ċajta – kemm għax seħħet tassew, imma fuq kollox għax mhix tad-daħk. Tlieta min-nies jiltaqgħu jieħdu grokk u wieħed jgħid „Smajtuha dik tal-kumpanija teatrali li rebħet il-fondi kulturali mill-UE?“

Wirth, permezz ta’ ftit intervisti sempliċi, ikompli jispjega kif kumpaniji teatrali u organizazzjonijiet ta’ l-arti, ma jeħdux għajnuna finanzjarja mill-UE għax-xogħol tagħhom, għax jew ma jafux bihom, jew għax ma jafux kif għandhom jorganizzaw ruħhom biżżejjed biex jikkwalifikaw għall-fondi. U għandu raġun, għax mill-2002, mindu Malta saret eliġibbli li tgawdi mill-fondi kulturali Ewropej, sal-lum; l-għaqdiet mill-qasam tal-arti u l-kultura li ħadu minn dawn il-fondi huma ftit, u l-ammonti nfushom huma ftit meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Issib il-British Council, li kien minn tal-bidu li għaraf jikkollabora ma’ organizazzjonijiet ikbar barranin (hekk imsejħa lead partners) biex gawda mill-fondi tal-programm Kultura. Bħalissa, għandek l-assoċjazzjoni letterarja Inizjamed li qed tħaddem sistema simili fi ħdan l-istess programm. Ma nistax ma nsemmix l-aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-wirt kulturali Heritage Malta, li għamlet użu relattivament tajjeb mill-possibilità tal-fondi, kif ukoll iċ-Ċentru tal-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Madanakollu, hemm ħafna aktar li jista’ jintlaħaq, u dawk l-elementi pożittivi li jeżistu għandhom jixprunaw lil min hu responsabbli għall-viżjoni ta’ l-arti u l-kultura f’Malta biex isaħħaħ il-qafas t’għajnuna finanzjarja u strutturali li tingħata lill-artisti u lill-gruppi artistiċi.

U min hu responsabbli minn dan? Jiddependi x’temmen. Jekk temmen li kulħadd għandu jkun ħieles li jopera bil-mod kif irid, mingħajr la ndħil u lanqas għajnuna mis-settur pubbliku, allura kull artist jew grupp artistiku għandu jaħseb għal rasu, jifforma lilu nnifsu, u jipprova jinvesti fih innifsu bl-aħjar mod li jista’. U f’Malta ssib ħafna li jagħmlu dan – minn min isostni x-xogħol artistiku tiegħu bil-business tiegħu stess jew ta’ ħaddieħor bl-isponsorship, sa min joħloq alleanzi mas-settur pubbliku, privat jew artistiku, kemm lokali kif ukoll barrani, bl-għan li jifforma kollaborazzjoni fit-tul.

Madanakollu, jekk int, bħali, tħallas it-taxxa, u jekk int, bħali, tixtieq tara parti minn dal-kontribut finanzjarju jmur mhux biss fil-qasam tas-saħħa, tat-trasport, tal-pensjonijiet u ta’ l-edukazzjoni, imma anke f’dak ta’ l-iżvilupp ta’ l-arti u l-kultura f’Malta, taf tistenna l-Gvern jilgħab irwol importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politika kulturali.

L-aħbar il-ħażina hija din: minkejja dokument maħruġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fl-2002 fi xbieha ta’ strateġija għall-kultura, u minkejja sforz mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura fl-2006 li joħroġ politika kulturali, Malta għad m’għandhiex politika nazzjonali kulturali. Wieħed mill-għanijiet ta’ politika kulturali huwa li jfassal il-qafas li fih dak il-pajjiż iwettaq l-għażliet kulturali tiegħu u b’hekk jagħti struttura lill-azzjonijiet governattivi, kif ukoll dawk maħduma bi sħab ma’, jew b’appoġġ lis-soċjetà ċivili u lis-settur privat, fil-qasam tal-kultura. Dan ma jfissirx li mingħajr politika kulturali pajjiż m’għandux l-iżvilupp kulturali għal qalbu. Per eżempju l-Iskozja, mingħajr politika kulturali tagħha stess imma b’dik tar-Renju Unit biss, tinvesti ħafna riżorsi fit-taħriġ u l-espressjoni kulturali ta’ l-identità nazzjonali tagħha għax temmen li din tgħin lill-poplu Skoċċiż jagħraf aktar lilu nnifsu fil-partikolaritajiet, kif ukoll fid-diversitajiet, tiegħu, billi jsostni dawn is-sorsi ta’ kreattività, u  jagħmel impatt fuq livell Ewropew.

Wieħed jittama li l-iżviluppi fl-infrastuttura kulturali ta’ Malta li saru f’dan l-aħħar żmien jiżdiedu, biex investimenti bħall-Fond għall-Kultura ta’ Lm100,000 fis-sena għal tliet snin f’idejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura ikun jista’ jħalli effetti fuq il-firxa tal-komunità kulturali, tas-soċjetà in ġenerali, u għal tul ta’ żmien . L-opportunitajiet fil-qasam lokali u f’dak Ewropew qegħdin jiżdiedu, u hemm il-ħtieġa li Malta tidħol għalihom bi pjan u azzjonijiet serji.

Articles Main Page