Memorandum lill-Partiti Politiċi - Zminijietna

Zminijietna Harga Jannar – Marzu 2008

 

Żminijietna – Leħen ix-Xellug qed tippreżenta dawn il-proposti lill-Partiti Politiċi għall-Elezzjoni Ġenerali 2008. Il-proposti ta’ Żminijietna huma mibnija fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ġustizzja soċjali u sostenibilita’. Dawn huma proposti transizzjonali li jistgħu jwasslu għal soċjeta’ aħjar.
 
Ekonomija: Nisħqu il-bżonn urġenti li Gvern ġdid idaħħal miżuri li jtaffu l-piżijiet ekonomiċi li qed jinħassu fis-soċjeta’ Maltija kaġun ta’ politika ekonomika neo-liberali, tal-privatizzazzjoni u tal-liberalizzazzjoni. Għalhekk, il-politika ekonomika ta’ Gvern ġdid għandha ġġib tkabbir, stabilita’ u ugwaljanza. Żminijietna hija favur ir-ridistribuzzjoni tal-ġid, taxxi progressivi, u politika li tiddefendi s-servizzi pubbliċi. Din il-politika tinkludi investiment pubbliku, u fejn hemm bżonn, nazzjonalizzazzjoni f’setturi b’importanza strateġika. Nemmnu wkoll f’politika li tinkoraġġixxi koperattivi tal-ħaddiema.
 
Il-livell ta' l-għixien:
Tinħtieġ politika li ġġib magħha żieda fid-dħul tal-ħaddiema, permezz ta’ politika fiskali u permezz ta’ żieda fil-pagi inkluż il-paga minima u x-xogħol bis-siegħa

Il-post tax-xogħol: Jinħtieġu liġijiet u nfurzar serju biex jiggarantixxu d-drittijiet u kundizzjonijiet ta’ xogħol lill-kategoriji varji ta' ħaddiema. Ħaddiema part-time, kuntrattwali,  każwali u ħaddiema li huma mġiegħla li jiddikjaraw li jaħdmu għal rashom għandhom igawdu mill-istess drittijiet pro-rata tal-ħaddiema full-time. L-istess jingħad għall-ħaddiema fis-settur privat meta mqabbla ma’ dawk fis-settur pubbliku. Tinħtieġ demokrazija industrijali, biex b’hekk il-ħaddiema kollha jkollhom il-fakulta’ li jissieħbu f’unjin u jkollhom dritt li jistrajkaw fost drittijiet oħra. It-tribunal industrijali għandu jitwessa’ sabiex iħares il-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku.  Tinħtieġ ukoll għajnuna ta’ l-istat u taħriġ xieraq għal kategoriji differenti tal-ħaddiema f’industriji li qed jiffaċċjaw problemi – liema taħriġ iżid is-sengħa u jirrispetta’ d-dinjita’ tal-ħaddiema, u mhux jimponi prattiċi li huma aljeni mill-esperjenzi tal-ħaddiema. Investiment f'riżorsi għall-infurzar serju dwar is-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Il-familji:Tinħtieġ politika soċjali progressiva u inklussiva li taffaċċja r-realtajiet ta' llum ta' familji b'forom differenti. Għandu jibda l-proċess sabiex f'pajjiżna jidħol id-divorzju b'mod responsabbli. Gruppi differenti mill-familja tradizzjonali ikollhom drittijet legali iżda wkoll dmirijiet lejn dawk li jgħixu magħhom. Fuq kollox, il-familja – hi x’inhi l-forma tagħha – għandha tkun imħarsa mill-piżijiet kbar ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw minn soċjeta’ iktar kapitalista. Dan hu l-aħjar mod biex tissaħħaħ il-familja, li l’hinn mir-retorika.
 
Il-housing: Tinħtieġ politika li twaqqaf l-ispekulazzjoni fil-bini u li twassal għal prezzijiet iktar affordabbli. Din tirrikjedi - sussidji fuq self għal xiri ta' l-ewwel dar u iktar housing soċjali affordabbli ipprovdut mill-istat. Neżiġu li l-ispekulazzjoni tal-bini u l-artijiet għandha tkun imrażżna. Nopponu iktar liberaliżmu fil-qasam tad-djar, liema liberalizzazzjoni ġġib magħha problemi u diffikultajiet serji għal eluf ta' familji.
 
L-ambjent: Gvern ġdid għandu jadotta politika ambjentali sostenibbli li tħares il-ġid komuni u fl-istess ħin ma titfax iktar piżijiet fuq il-ħaddiema fil-forom ta’ taxxi rigressivi, 'surcharges' inġusti, u miżuri oħra li jżidu l-inugwaljanza. Għalhekk, il-provista ta’ l-enerġija għandha tibqa’ tkun ippjanata ċentralment u propjeta’ ta’ l-istat, u għandha tinkoraġġixxi metodi nodfa, sostenibbli u affordabbli. Għandu jiżdied l-investiment fit-trasport pubbliku sabiex dan ikun iktar aċċessibli, irħas u effiċjenti. Għandha tiġi riveduta u mnaqqsa l-art li tippermetti żvilupp‘ODZ’.
 
Il-WelfareState: Il-kisbiet li għamel pajjiżna fil-ħarsien soċjali għandhom jiġu protetti u msaħħa, u l-welfare state għandu jenfasizza l-ugwaljanza, l-ġustizzja soċjali, l-effiċjenza u s-sostenibilita' permezz ta’ mudell universalista. Welfare state m'għandux ifisser biss għotjiet ta' flus – għalkemm dawn huma mportanti ħafna, iżda għandu jinkorpora wkoll affarijiet bħall-edukazzjoni, taħriġ, gwida ċara, prattiċi ta' xogħol favur il-familja, investiment fir-riżorsi umani, u nkoraġġiment għall-inizjattiva. Jinħtieġu wkoll: investiment f’oqsma soċjali bħal ‘childcare centres’ aċċessibli, kif ukoll flessibilita’ b’għażla tal-ħaddiem, biex b’hekk ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja; Garanzija ta’ penzjoni ta’ l-istat, liema penzjoni tkun ugwali għal kulħadd u bbażata fuq iċ-ċittadinanza u mhux fuq kemm wieħed qala' flus f’ħajtu; Politika ta’ saħħa li ma twassalx f’qasma bejn min jaffordja s-saħħa privata u min le;  Politika favur l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni. Pajjiżna m’għandux jadotta sistema ta’ welfare neo-liberali ibbażata fuq il-‘workfare’ u l-‘means tests’.
 
L-Edukazzjoni: Għandu jiżdied l-investiment edukattiv għal dawk il-gruppi l-iktar vulnerabbli. Fuq kollox, tinħtieġ sistema edukattiva iktar komprensiva u tul il-ħajja, għall-kuntrarju tas-sistema preżenti li hi klassista, elitista u bbażata fuq l-istreaming u li qed twassal biex ħafna żgħażagħ, speċjalment mill-klassi tal-ħaddiema, jispiċċaw mingħajr kwalifiċi. Tinħtieġ ukoll politika favur l-involviment tal-komunita’ fl-attivitajiet soċjo-edukattivi sabiex jiżdied il-kapital soċjali.
 
Konklużjoni
 
Żminijietna – Leħen ix-Xellug tisħaq ukoll li f’pajjiżna tinħtieġ politika bbażata fuq parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjeta’ ċivili, fejn, fost oħrajn, l-unjins tal-ħaddiema, għaqdiet non-governattivi, korpi kostitwiti, kunsilli lokali u akkademiċi ikollhom rwol qawwi fil-fora nazzjonali.

Articles Main Page