Editorjal

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Gonzi li jwaqqa’ l-proġett imħejji għall-Katidral ta’ San Ġwann tat ħafna spunti x’wieħed jixtarr. Fatt kurjuż minn din il-kwestjoni hija li d-deċiżjoni li jitwaqqaf kollox ittieħdet mill-Arċisqof flimkien ma’ Gonzi, fuq il-premessa li dan il-proġett kien ser “ikun element li jifred il-poplu Malti”. Il-premessa kienet żbaljata, għax il-poplu deher magħqud fil-ħsieb tiegħu kontra dan il-proġett.

Il-kuxjenza ambjentali tal-poplu m’għadhiex xi ħaġa li wieħed jagħmel sottovalutazzjoni tagħha. Flimkien għal Ambjent Aħjar qdew il-funzjoni tagħhom b’mod tajjeb billi b’mod prattiku spjegaw lill-poplu x’effetti negattivi kien se jġib miegħu proġett bħal dan. Li tagħmel ħofra bħal dik wara li għadek kemm għamilt il-pavimentar ta’ Triq il-Merkanti huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ pjanar min-naħa tal-Gvern. Bid-dewmien żejjed li proġetti tali għandhom il-ħabta jdumu, żgur li għal tan-negozju fil-madwar seta’ jsarraf ta’ doċċa kiesħa fuq oħra. Ċerti proġetti qed ikunu maħsuba biss sabiex jinġiebu l-fondi minn Brussell, u minnhom igawdu kuntratturi li jidhru spiss fit-twettieq ta’ proġetti mill-Gvern.

Bit-tmexxija ta’ Muscat, il-PL qiegħed jagħmel sforz ġenwin biex isaħħaħ il-kredenzjali ambjentali tiegħu. Il-fatt li għamel l-għalmu tiegħu fil-Parlament, permezz ta’ mozzjoni maħsuba sabiex il-proġett ma jitwettaqx, juri wkoll li lest juża l-għodod li għandu f’idejh sabiex jaħdem bil-fatti fuq kwestjonijiet ambjentali. Meta kien sar it-twessiegħ taz-zoni ta’ żvilupp, l-Oppożizzjoni għalkemm kienet tkellmet ħafna, kienet ħadmet ftit. Din id-darba weriet sens ta’ għaqda u ħidma attiva kontra dan il-proġett. Min-naħa tiegħu il-Gvern aktar beża’ mill-konsenturi fi ħdanu, milli bl-għaqda li kien qed jaffaċċja, u għalhekk waqqa’ l-proġett siegħat qabel kien se jittieħed il-vot fuq il-mozzjoni mressqa fil-Parlament.

M’hix l-ewwel darba li Gonzi rrevoka proġetti li ġabu magħhom nuqqas ta’ qbil min-naħa tal-poplu. Kien hemm il-ħsieb li jitneħħa l-monument ta’ Manwel Dimech minn quddiem Kastilja. Malli l-Gvern ra li kellu oppożizzjoni minn ħafna li kitbu fil-gazzetti u minn għaqdiet bħall-Moviment Graffitti, biddel ir-rotta li kien beħsiebu jieħu. U mn’alla, għax il-memorja ta’ Dimech jixirqilha post prominenti, meta tiftakar li dan kien bniedem li ried lill-Malta Indipendenti u Repubblika fl-istess waqt li ħaddieħor kien moħħu biex jitwaħħad ma’ kolonja jew oħra.

Każ ieħor kien dak tal-Korsa tal-Golf fix-Xagħra l-Ħamra, viċin ir-Ramla tal-Mixquqa. Wara pressjoni sfiqa l-Gvern dawwar dan is-sit f’Park Naturali mmexxi min-Nature Trust u Din l-Art Ħelwa. L-Alternattiva Demokratika flimkien mal-għaqdiet ambjentali ħadmet tajjeb sabiex il-proġett propost ta’ bini ta’ vilel fir-Ramla l-Ħamra jkun imwaqqa’. Intweriet ir-reżistenza u l-proġett treġġa’ lura.

Dawn l-episodji, li bħalhom hemm oħrajn, jgħallmuna kemm hi importanti r-reżistenza min-naħa tas-soċjeta’ ċivili. Min jistinka biex jirbaħ kawża għandu mnejn jitlifha, iżda min jagħżel li ma jistinkax ikun diġa’ tilifha. B’hekk il-parteċipazzjoni taċ-ċittadin quddiem kwestjonijiet bħal dawn għandha tkun waħda attiva sabiex jintwera fid-deher l-għadab jew il-qbil rigward deċiżjonijiet li jkun hemm il-ħsieb li jittieħdu. Wara kollox x’inhi d-demokrazija mingħajr parteċipazzjoni!

Articles Main Page