Fl-UE l-Unjins qed jispiċċaw b’idejhom marbutin  - David Pisani

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

"Huma qalulna li dritt ta’ strajk hu fundamentali, imma mhux daqshekk fundamentali daqs il-liberta tal-moviment tas-servizzi 
Is-Segretarju ta’ l-ETUC John Monks lill-Parlament Ewropew

Fil-preżent id-dritt tal-ftehim kollettiv qed jiġi mhedded. Il-każ Vaxholm, dak tal-Viking u ħafna oħrajn huma eżempju ta’ dan. Il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropej qed tiġġieled fuq livell Ewropew sabiex id-direzzjoni li qabdet l-Ewropa tinbidel għal waħda favur Ewropa Soċjali li tħaddan fiha l-prinċipju ta’ dritt għal ftehim kollettiv min-naħa ta’ l-Unjins. S’issa l-orizzont jidher imċajpar, u jekk ma tinbidilx din il-politika jkun ifisser il-bidu ta’ tkissir tas-saħħa tal-Unjins. Id-dritt ta’ l-Unjin li tidħol għal ftehim kollettiv qed ikun imċaħħad f’diversi pajjiżi Ewropej grazzi għad-deċiżjoni msejsa mill-ħsieb Neo-liberali li qed tieħu l-Qorti Ewropea vis-a-vis l-Unjins f’diversi pajjiżi. It-triq tan-niżla bdiet mid-direttiva dwar is-servizzi 2006.

It-Trattat ta’ Liżbona jekk jgħaddi fl-Irlanda jibqa’ msemmi fl-istorja bħala l-ewwel Kostituzzjoni Ewropea li stipulat politika neo-liberali legalment u kostituzzjonalment. It-Trattat ta’ Liżbona żgur li mhux ser jgħin f’dan ir-rigward, anzi jkompli jsaħħaħ dan l-atteġġjament negattiv meħud mill-Qorti Ewropeja.

It-Trattat ta’ Liżbona jinforza l-politika ta’ privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi, kif ukoll jirrestrinġi d-dritt ta’ Strajk. Dan tikkonfermah l-istess Qorti Ewropea. Fl-2007 il-Parlament Ewropew ivvota favur liberalizzazzjoni totali fis-servizz tal-Posta li jrid jkun daħal fis-seħħ sa l-2011. Il-qasam tas-saħħa wkoll jinsab taħt theddida mill-‘Health Directive 2008’ sabiex il-privatizzazzjoni tinfiltra wkoll f’dan il-qasam.

Hija tal-mistħija meta tisma’ esponenti barranin li jgħidulek li t-Trattat ta’ Liżbona mhuwiex ta’ theddida għall-ħaddiem. Imma min-naħa l-oħra naqbel li liġijiet tax-xogħol taħt iċ-‘Charter’ Soċjali huma ta’ ġid għall-ħaddiem, bl-aħħar waħda titratta l-ħaddiema b’kuntratt u dawk part-time. Imma x’jiswa’ jekk is-saħħa tal-Unjins tispiċċa.

Fil-Każ Laval, il-Qorti Ewropea ħarġet verdett kontra l-Unjins Svediżi talli dawn ippressaw ħalli kumpanija Latvjana tħallas l-istess paga ta’ ħaddiema Svediżi. Din ġiet irrifjutata mill-qorti Ewropea. Filwaqt li fil-Każ Viking il-Qorti Ewropea ħarġet ukoll verdett kontra l-Unjins li ma’ jistgħux jitolbu strajk kontra kumpanija li rebħet tender u ġabet ħaddiema mill-pajjiż tagħha u ħadmithom b’inqas paga. Fil-Każ Ruffert il-Qorti Ewropea ma ħallietx lill-Unjins jimponu kumpanija barranija f’kuntratti pubbliċi biex tħallas għallinqas il-paga minima ta’ dak il-pajjiż.

Fuq livell Ewropew għaddejja kampanja mill-Grupp tax-Xellug flimkien ma’ l-ETUC u Movimenti Xellugin li f’Malta Żminijietna – Leħen ix-Xellug tagħmel parti sabiex it-trattat ta’ Liżbona jiġi rtirat u emendat mill-ġdid.  

Articles Main Page