Għal ħobżna ta' kuljum - Steve Borg

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Ir-realtà ta’ kuljum turina li l-ħajja tagħna hija ħafna drabi miżgħuda b’inġustizzji, li nkunu rassenjati nieħdu bħala l-ordni naturali. Ftit ġimgħat ilu tħabbar li mitejn u għoxrin ħaddiem tat-tarzna ingħataw kumpens ta’ flus, wara l-intervent tal-General Workers Union, minħabba li sofrew danni f’saħħithom minħabba l-kankru msejjaħ mesothelioma. Dan kien trabba wara li kienu esposti għall-asbestos fuq vapuri Amerikani fit-tarzna ħafna snin ilu. Illum l-Ewropa hija konxja mis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem.

Imma jidher li dak li mhux tajjeb għall-Ewropa huwa tajjeb għall-Ażjatiċi. Waħda mill-aktar affarijiet inġusti hija t-tqassim tal-ġid naturali bejn il-popli u l-esplojtazzjoni sfaċċata ta’ popli foqra u batuti. Li kieku twelidna max-xatt ta’ xi xmara Ażjatika, kien ikollna ħajja kważi kkundannata nfittxu mpjieg naħdmu ġewwa xi ħanut tat-tessuti, niżirgħu r-ross jew inqattgħu l-vapuri tal-azzar għall-iskrap bħala għixien. Tiftakruh il-każ tal-fabbrika tal-kimika Amerikana Union Carbide f’Bhopal, l-Indja, meta fl-1984 nixxa’ likwidu tal-pestiċidi li qatel mal-għoxrin elf ruħ.

Każ qisu jixbaħ lill-każ tat-tarzna ta’ Malta qed iseħħ fil-belt ta’ Chittagong. Din hija t-tieni l-akbar belt tal-Bangladexx, magħrufa sew bħala ċ-ċimiterju ta’ ħafna vapuri kbar li jittieħdu hemm biex jitqattgħu. Minħabba n-nuqqas kbir ta’ xogħol fil-pajjiż, il-ħaddiema jkollhom jaċċettaw jaħdmu mingħajr protezzjoni għal saħħithom. Imutu bħad-dubbien u qisu qatt ma kien xejn.

Fl-2004, l-aircraft carrier Franċiża Clemenceau kienet se tintbgħat f’Alang, l-Indja biex tiġi skrapjata. Wara l-protesti tal-Greenpeace li tkellmet dwar il-perikli tal-asbestos, merkurju u materjal tossiku, din ġiet ordnata biex tirritorna lejn Franza mill-President Jacques Chirac. Is-Soċjalisti Franċiżi kienu akkużawh li filwaqt li Franza trid tgħallem id-dinja dwar il-ħarsien ambjentali, imbagħad tibgħat vapur ġgantesk mgħobbi materjal tossiku lill-Indjani. Is-saga ta’ dan il-vapur ma waqfitx hawn, peress li ħaduh f’Hartlepool l-Ingilterra biex is-seba’ mitt tunnellata tal-asbestos jitneħħew mill-kumpanija Able UK, taħt il-monitoraġġ tal-liġijiet stretti tas-Saħħa u Sigurtà Ingliżi.

Sentejn ilu żort Hartlepool. Hija belt sajma mill-kummerċ u x-xogħol, b’hekk il-wasla tal-vapur u oħrajn bħalu qed jagħti tama ġdida li min hu qiegħed. U dan minkejja l-periklu. Tliet kittieba li kkummentaw ħafna fuq il-qagħda soċjali f’pajjiżhom u li nqabbel ma' xulxin huma Juan Mamo, l-Indjan R.K. Narayan u l-Ingliż Alan Sillitoe. L-inġustizzji mal-foqra u t-tbatijiet tagħhom dejjem kienu ċ-ċentru tal-ħsibijiet tagħhom. Ikun xieraq li taqraw il-kitbiet tagħhom u taraw l-analoġija tal-esplojtazzjoni tal-batut li għal ħobżna ta’ kuljum jispiċċa jagħmel kollox.

Is-Sur Borg sejjer jikkontesta l-elezzjoni tal-PE f’Ġunju li ġej f’isem il-Partit Laburista.

Articles Main Page