Il-kultura u x-xellug - Michael Grech

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Problema ewlenija li għandu x-xellug f’Malta, hi problema kulturali. B’kultura hawnhekk mhux qed nifhem kunċerti, mużewijiet, drammi u l-bqija; kif spiss tiġi wżata din il-kelma. B’kultura qed nifhem il-modi ta’ kif grupp/i jaġixxu, jorganizzaw ħinhom u ħajjithom; ifasslu lil u jintrabtu mal-istituzzjonijiet tagħhom; jikkunsidraw it-tajjeb u l-ħażin; u jħarsu lejn u jagħmlu sens mid-dinja ta’ madwarhom.
 
F’soċjetà hemm aktar minn kultura waħda. Il-kultura jew il-kulturi li wieħed isib f’soċjetà, għanda/hom rabta mal-klassijiet li f’soċjetà wieħed isib; mir-rabtiet, konflitti u r-relazzjonijiet ta’ bejn klassi/jiet u oħra/jn. Issa hemm kulturi jew aspetti ta’ kulturi li fis-soċjetà huma apprezzati u privileġġjati; u hemm oħrajn li huma mbarrija jew meqjusa b’mod ħażin. B’xi mod dan hu marbut mar-rabtiet ta’ bejn il-klassijiet.

Hemm ukoll fenomeni kulturali li jroddu saħħa lil klassi u jgħakksu lil oħra. Mhux bilfors kull aspett jew fenomenu kulturali marbut ma’ klassi jirrapreżenta il-ġid jew l-interessi ta’ din. Hemm, ngħidu aħna, bosta fenomeni kulturali tal-klassi tal-ħaddiema li flok iwieżnu l-interessi ta’ din jew jgħinuna tibdel il-fasla tas-soċjetà favura, jġielgħuha taċċetta l-fasla soċjali preżenti li qed tbarrija mill-poter. Il-festi ngħidu aħna, għal ħafna snin kienu jirriproduċu dinja fejn hemm qasma bejn min hu ‘midluk’, hu iċ-ċentru tal-avveniment u jmexxi u jordna, u min jagħmel xogħol tal-id, jagħmel parti mill-folla u jagħmel ix-xogħol ta’ akkoltu li jdawwar il-protagonist. L-istess jistà jingħad għall-kaċċa, li apparti l-problema tal-vjolenza li d-delizzju jinvolvi, tirriproduċi t-twemmin li min iqis lilu innifshu ‘superjuri’ għandu dritt jaħqar lil min mhux, u jafferma s-superjorità tiegħu billi jgħakkes lil min iqis li hu inferjuri għalih.  Sfortunatament, ħafna milli jipprattikaw dan id-delizzju u li allura jirriproduċu dan it-twemmin, huma dawk li fis-soċjeta jsofru minn tip ta’ twemmin; din id-draba f’rabta li tinvolvi persuni u klassijiet soċjali.

Lejn fejn tħares?

U l-politika xellugija? Spiss f’pajjiżna hemm żewġ tipi ta’ attitudni minn għaqdiet u istituzzjonijiet xellugin.

Fuq naħa hemm dawk li ġeneralment m’għandhomx attitudni kritika lejn dak li l-maġġoranza tal-poplu jew tal-ħaddiema jaħsbu. Meta issue tqum, jimxu kif jidrilhom li qed jonfoħ ir-riħ; kif il-maġġoranza qed tħoss jew raħseb. Il-partit Laburista, u xi drabi l-General Workers Union, spiss wrew din l-attitudni. Hekk jekk dawn kien jidhrilhom li l-maġġoranza jew numru kbir ta’ ħaddiema jew ta’ dawk li jivvotawlhom huma favur il-kaċċa, huma kontra l-immigranti (stmerrija li hi wkoll marbut ma fenomeni kulturali bħal ideat żbaljati li dawn huma ta’ xi ċiviltà inferjuri, u n-nuqqas ta’ għarfien li dawn ukoll huma sfruttati u li dawk li qiegħdin Malta jaħdmu huma wkoll parti mill-klassi tal-ħaddiema), jew ma jħossux il-bżonn li jużaw diskors inklussiv; dawn jew ma jikkommetux ruħhom jew saħansitra jappoġġaw impliċitiament jew espliċitament dawn il-pożizzjonijiet kulturali żbaljati. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu ikunu diversi; ma jarawx dawn il-problemi minħabba limiti kulturali; opportuniżmu politiku, u raġunijiet oħra.

Hemm tendenzja oħra, ħażina daqs l-ewwel waħda; tendenza li bdiet tidher mhux ħażin dan l-aħħar snin. Din hi t-tendenza li dawn il-kwestjonijiet kulturali jiġu mifhuma waħidhom; b’mod astratt u bla ebda rabta mas-soċjetà magħmula minn klassijiet li fiha dawn il-fenomeni kulturali jseħħu. Din hi tendenza li spiss hi mrewħa mill-media u mill-gażżetti bl-Ingliż, fosthom korrispondenti li kontra l-kaċċa u favur l-immigranti, imma li jqisu lin-nies tan-naħa t’Isfel ta’ Malta, l-aktar lill-Laburisti, bħala xi speċi inferjui li jkun aħjar għal nies bħalhom li ma jitħalltux wisq magħhom. Ovvjament, dawn il-media ma jindunawx li bosta minn dawk li qed jitkażaw bihom qed jirriproduċu l-istess mudelli ta’ esklużjoni u ħakma li min hu sid din il-media u interessi oħra alleati lejhom imponew fuq dawn li finalment huma vittmi.

Spiss hemm it-tentazzjoni li argumenti bħal dawn jew xi verżjoni tagħhom jiġu mħaddna minn għaqdiet u istituzzjonijet xellugin għal diversi raġunijiet. Raġuni tistà tkun l-oriġini borgiża ta’ wħud li f’dawn l-għaqdiet jaħdmu. Raġuni oħra, miġjuba l-aktar minn partiti u gruppi qrib dawn, tistà tkun li b’hekk tiġi mirbuħa l-hekk imsejħa ‘klassi tan-nofs’. Issa kull analiżi li tħalli barra l-kunċetti ta’ klassi, sfruttar u oħrjan, mhux biss hi soċjoloġikament ħażina, imma tradiment għal dawk il-klassijiet u gruppi li għalihom il-partiti u l-gruppi tax-xellug suppost twaqqfu.

Allura?

Ix-xellug għalhekk għandu kemm jaġġorna ruħu f’dik li hi analiżi ta’ fenomeni kulturali. Ix-xellug għandu jħoss li hemm xi ħaġa ħażina meta juża d-diskors u l-kategoriji tal-ħsieb tal-kultura dominanti; joqgħod b’sebgħa mitt għajn meta juża kliem spiss qarrieqa bħal ‘nazzjon’, ‘ġid komuni’ u ‘patrija’, u mingħajr dommatiżmi jagħraf mill-ġdid li l-analiżi Marksista m’għaddhiex żmiena, anzi hi attwali aktar minn qatt qabel.

Għandu jaġġorna ruħu wkoll, jekk mhux saħansitra jibda mix-xejn, djalogu veru mal-klassijiet soċjali u mal-gruppi li għalihom jeżisti; ma dawn kif jeżistu fir-realtà u mhux fil-kotba. Il-problema hi l-partit ewlieni tax-xellug jippreferi televiżjoni banali u attivitajiet tal-massa li huma verżjoni l-aktar reċenti ta’ xalata, waqt li gruppi iżgħar inbidlu fi kważi settet li jippriedkaw biss li min ġa ikkonverta. L-isfida hi, l-aktar issa li l-kriżi tal-kapitaliżmu ser tinħass sew, kif ser nagħmlu biex nilħqu l-ħaddiem u lil oħrajn li m’għandhomx setgħa qabel ma jidħol ħaddieħor?

Articles Main Page