Il-kwestjoni tax-xogħol u dawk in kwestjoni - Christopher Cutajar

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Jekk fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-kwestjoni tax-xogħol ma kienetx fil-quċċata ta’ l-aġenda taż-żewġ partiti l-kbar f’Malta, issa qed jindunaw li ċertament din il-kwestjoni jixirqilha dan il-post. Sena ilu, Żminijietna kienet ippubblikat poster maħruġ minn Żminijietna Żgħażagħ tax-Xellug fejn kien jagħti messaġġ ċar li “Id-Dritt tax-Xogħol huwa Dritt Fundametali”. Dan id-dritt fundamentali qed jiċċaħħdu minnu aktar persuni f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Għalkemm huma s-26 ħaddiem tal-FAL Malta Ltd., il-102 sensji tat-Trelleborg u l-450 sensja pjanata fl-ST, l-iżjed li jagħmlu ħoss f’pajjiżna, hemm sensji li qed jingħataw lil dawk li jkunu rreġistrati bħala self-employed. Persuni li jkunu mġiegħlha jirreżenjaw minn posthom sabiex jagħtu lok għal impjiegi b’inqas kundizzjonijiet. Jew agħar minn hekk, għal impjieg anqas fis-suq tax-xogħol.

Dawn is-sensji jdaħħlu lil familji sħaħ f’inċertezzi kbar, u ċertament jimminaw il-kwalita’ tal-ħajja ta’ min ikun milqut. Bil-kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma, u bl-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi (MRA) minn għaliha li tista’ tiddieħek f’wiċċ l-Unjins li qed jippillaw magħha rigward il-piżijiet eżaġerati tat-tariffi, il-ħaddiema milquta mis-sensji jħossuhom bħal dak il-ħmar il-magħkur li dar għalih id-dubbien.

Ħaddiema oħra li ġew milquta huma ċertament dawk l-2008 minn disa’ kumpaniji differenti. Dawn ġew sfurzati jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa, b’inċertezza jekk l-impjieg tagħhom hux sejjer jinżamm jew le. Quddiem dan kollu l-ħaddiema Maltin għandhom raġun iħossu lill-immigranti rregolari, hafna minnhom Afrikani, f’pajjiżna bħala theddida għall-ħobża ta’ kuljum. Bl-istess mod jitqiesu dawk li jiġu minn pajjiżi bħas-Serbja, l-Bulgarija u r-Rumanija sabiex jaħdmu f’Malta b’kundizzjonijiet anqas minn dawk permessi bil-liġi.

Ma jidhirlix li l-Gvern Malti qed jaħdem biżżejjed sabiex jirregolarizza aktar is-suq tax-xogħol. Tali regolamentazzjoni ġġib lill-ħaddiem Malti lest li jidħol għal xogħol li għalkemm assoċċjat ma’ tbatijiet fiżiċi, ikun jirrendi qliegħ diċenti lilu u lill-familja tiegħu/tagħha. Suppost kellna nersqu biex ikollna aktar xogħol u xogħol aħjar. Bil-pajjiż jaffaċċja anqas impjiegi, il-Gvern għandu jagħmel l-għalmu tiegħu aktar biex jara li l-ispazji tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna ikunu kollha addattati għall-ħaddiem Malti u anke għal dak li jiġi minn barra. Inkella inkunu biss qed nagħtu lok għal tipi ta’ ‘no go zones’ fis-suq tax-xogħol Malti liċ-ċittadini Maltin.

L-Unjoni Ewropea tidher li qed tibgħat messaġġi kontradittorji dwar il-kwestjoni tax-xogħol. Il-Qorti Ewropea qed tieħu deċiżjonijiet li jagħtu lok għall-esportazzjoni ta’ kundizzjonijiet inferjuri ta’ xogħol  bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea infushom, bħal fil-każ Laval Vaxholm (Aqra l-artiklu ta’ David Pisani). Min-naħa l-oħra għandek il-Parlament Ewropew li beħsiebu jgħaddi liġi li tikkastiga bl-aħrax lil dawk li jħaddmu l-immigranti b’mod illegali. Fost il-penali hemm il-ħlas ta’ pagi b’lura f’livelli mitluba mil-liġi; li jkunu mċaħħda milli jidħlu għal tender pubbliku fl-UE; u li ma jirċevux għajnuna mill-istat. Ħabs u multi għoljin huma wkoll imsemmija. Nisperaw li liġijiet bħal dawn, meta jkunu approvati jibdew ikunu wkoll infurzati.

Dawn il-kontradizzjonijiet jagħmlu għajb lill-UE, u għalhekk l-għajta ta’ Ewropa Soċjali mill-Partiti Ħodor u Xellugin f’Ġunju li ġej għandha mnejn tinstema’ bħal eku għas-sentiment tal-ħaddiema. Liema ħaddiema qed jaraw is-sitwazzjoni tagħhom fis-soċjeta’ b’ħafna anqas xinxilli milli kienu jarawha qabel faqqgħet il-maltempata tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija.

F’Diċembru li għadda l-qgħad f’Malta laħaq is-6,373 persuna, u fiż-żmien li għadda s’issa, is-sitwazzjoni ċertament li ma marritx għall-aħjar. Il-GWU hija l-aktar unjin li qed ikollha tħokk rasha f’dan il-mument, peress li l-kategoriji ta’ ħaddiema li tirrapreżenta ġejjin mill-aktar settur milqut mit-tqaċċit u t-tnawwir tal-impjiegi, ċjoe’ dak tal-manifattura. Ma nagħtix tort lill-unjins li jħossuhom mexjin f’għalqa mimlija mini, li lesti jisplodu ma’ kull rifsa żbaljata. Jekk l-unjins juru ruħhom li għandhom saħħa akbar milli verament għandhom, jistgħu inaffru l-impjiegi minn pajjiżna. Filwaqt li jekk juru ruħhom dgħajfa jkunu qed jagħtu spazju għat-twettieq tal-pjani mingħajr ħniena li s-sidien tal-kumpaniji jkollhom fi ħsiebhom. Jagħmlu dan mingħajr ma jqisu s-saram li jkunu se jdaħħlu fih lill-familji u lil koppji żgħażagħ. Min ikun miexi fuq ħabel stirat, iżidulu n-nar jaħraq tielgħa minn taħtu.

Għalhekk ma niddejjaqx intenni dak li Żminijietna ilha tħambaq fuqu, ċjoe’ li tissaħħaħ l-għaqda bejn l-unjins. Għandna l-fortuna li fejn pajjiżi oħra, huma 62% tal-ħaddiema li qiegħdin f’unjin (statistika tal-2005). Għalkemm dan in-numru huwa iċken minn tal-pajjiżi Nordiċi, jaqbeż sew il-medja tal-pajjiżi fl-UE li qiegħda 25%. Fl-aħħar mill-aħħar ma humiex dawn in-numri li jgħoddu, iżda kemm ikollok xenarju fejn il-ħaddiema lesti jistinkaw biex jieħdu dak li jmisshom fil-mument tal-ħtieġa. Mingħajr unjins magħqudin, dan ix-xenarju se jibqa’ jinħass fil-bogħod. Il-UĦM għandha turi aktar disponibilita’ f’din il-kwistjoni, għaliex il-logħba tat-trampolin ma tagħmilx ġieħ lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Il-Gvern imissu jaf illi billi joqgħod jilgħab bin-numri ta’ kemm se jitkeċċew ħaddiema mill-ST, m’hu se jkun qiegħed isolvi l-ebda problema. Ikun aħjar li jxammar il-kmiem u jgħolli l-kalzetti biex flok ikompli jippersisti li jkabbar l-ekonomija bil-logħob ta’ l-azzard, is-servizzi finanzjarji u b’xi ħofra kbira fil-Belt, ikabbar l-ekonomija b’attivita’ produttiva li tpoġġina f’qagħda li nimportaw anqas u nesportaw aktar.

www.xellugi.blogspot.com

Articles Main Page