Il-Vapuri li joqtlu - Andre’ Callus

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Ix-xena ta’ vapuri tal-gwerra barranin ħerġin u deħlin fil-Port il-Kbir saret komuni ħafna. Iżda l-Moviment Graffitti għadu jemmen bis-sħiħ fl-importanza li jkun hemm oppożizzjoni għal dawn iż-żjarat, li ma huma xejn ħlief propaganda minn ċertu pajjiżi biex juru s-saħħa militari tagħhom. Dan deher biċ-ċar meta kien hawn il-USS Barry, destroyer kbir Amerikan, li għamel xi ġimgħa fil-port u li miegħu kien hemm kampanja ta’ ftaħir dwar il-qawwa Amerikana. Din kienet tinkludi wkoll recepetion għal dinjitarji Maltin fuq dan il-vapur; reception li aħna morna għaliha u ftaħna banner bil-kitba ‘Warships Kill’ filwaqt li urejna ritratti ta’ nies maqtula u midruba fil-gwerra.

Kien ta’ dispjaċir kbir għalina li naraw dinjitarji Maltin jieħdu sehem f’ċerimonji fuq dan il-vapur militari. Bl-azzjoni tagħhom dawn in-nies qegħdin japprovaw il-politika tal-vjolenza u jpoġġu lil pajjiżna kompliċi fi gwerer. Fil-mument li dawn in-nies kienu  qed jiddevertu fuq dan il-vapur armat sa snienu, ħafna nies oħra qed ibatu l-konsegwenzi ħorox ta’ gwerer inġusti li jsiru biex jiddefendu l-interessi ta’ ftit nies.

Għalhekk il-Moviment Graffitti jemmen illi pajjiżna qiegħed jagħti messaġġ ferm negattiv meta jilqa’ vapuri tal-gwerra. Dan meta l-Kostituzzjoni Maltija tgħid mhux biss li pajjiżna huwa newtrali, iżda wkoll li għandu attivament jaħdem għall-paċi. Aħna nistaqsu: kif qatt pajjiż jista’ jaħdem favur il-paċi meta huwa stess qiegħed jilqa’ fi ħdanu makkinarji tal-gwerra li jħallu eluf ta’ mwiet innoċenti kull sena?

Wieħed jista’ ukoll jinnota li meta jidħlu dawn il-bastimenti tal-gwerra dejjem jingħad li l-azzjonijiet tagħhom huma marbutin ma’ affarijet bħall-‘ħidma umanitarja’, ‘il-ġlieda kontra d-droga’ jew ‘il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari’, biex b’hekk jinħeba l-fatt li l-iskop ewlieni tagħhom jibqa’ dak li jipparteċipaw fi gwerer. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li ħafna minn dawn il-bastimenti li qed jiġu fil-portijiet Maltin ħadu sehem attiv fil-gwerra u l-okkupazzjoni ta’ l-Iraq. Meta qed nilqgħu dawn il-vapuri mimlijin armi tal-gwerra f’artna aħna qed inkunu kompliċi f’dawn it-tip ta’ gwerrer għaliex inkunu qed naċċettaw il-validita’ ta’ dawn il-kunflitti vjolenti.

Andre’ Callus
għall-Moviment Graffitti
info@movimentgraffitti.org

Articles Main Page