It-18-il Kungress tal-Partit Kommunista Portugiż - Victor Degiovanni

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

It-18-il-Kungress tal-Partit Kommunista Portugiż  sar bejn  id-29 ta’ Novembru u  l-1 ta’ Diċembru  ta’ l-2008 ġewwa Liżbona. Il-Kungress beda x-xogħol tiegħu billi ddiskuta t-teżi preżentata. Din kienet analiżi tax-xogħol siewi imwettaq bejn is-17-il kungress u dak li kien msejjaħ din id-darba. Jien kont qiegħed hemm nirrapreżenta lill-Partit Kommunista Malti

Fost affarijiet oħra din it-teżi kienet qed iġġib għall-attenzjoni il-kriżi kapitalista preżenti fejn l-isferi  kollha tal-ħajja soċjali qiegħdin ikunu kkummerċjalizzati u privatizzati. Kull ħaġa li tista tħalli ritorn fuq il-kapital bħal Saħħa, Edukazzjoni, Sigurta’ Soċjali u Kultura, kif ukoll neċessitajiet għall-eżistenza umana bħal ikel, ilma u ambjent qiegħdin ikunu mibdula f’negozju b’modi ta’ produzzjoni kapitalisti li qed jirriżultaw f’diżastri għall-ambjent.

L-isfruttament tal-klassi tal-ħaddiema qed tiġi ntensifikata bl-iskop li l-klassi kapitalista taħtaf porzjon akbar tal-valur miżjud u b’hekk tkabbar il-profitti. L-oġġettivi ta’ din l-offensiva huma l-istaġnar, it-tnaqqis fil-pagi reali u t-tneħħija tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol. B’hekk l-istess ħinijiet ikunu jistgħu jiżdiedu. Għanijiet oħra huma ż-żieda fl-eta’ ta’ l-irtirar u fl-istess ħin it-tnaqqis fil-pensjonijiet, kemm dawk ta’ l-irtirar kif ukoll dawk ta’ diżabilita. L-Attakk fuq bażi ta’ klassi immirat lejn it-Trejdjunjins, bil-miri li jfarrku il-ftehim kollettiv. Dawn huma l-espressjonijiet ta’ l-offensiva imperjalista u tal-korporazzjonijiet multinazzjonali.

Ir-rinfurzar tal-Unjoni Ewropea bħala blokk imperjalista mingħajr ebda stima tal-kuntradizzjonijiet tal-proċess ta’ l-integrazzjoni kapitalista, inkixfet aktar aħjar bħala biċċa għodda tan-negozjanti l-kbar Ewropej u l-potenzi l-kbar, u sfaxxat għal kollox iż-żewġ ideat ċentrali li bihom iridu jidħku bil-masses. Waħda li bl-integrazzjoni kapitalista ta’ l-Ewropa ixxejjen l-eċċessi tal-globalizzazzjoni, u li l-politika barranija u s-sigurta’ komuni sejra tagħmel l-Ewropa aktar imħarsa. Imma li qiegħed jiġri b’pass sorprendenti hu l-intensifikar u l-irfinar ta’ politika neo-liberali sabiex tkabbar l-isfruttament u l-poter tal-kapitalist il-kbir.

Articles Main Page