Kif harsu lejn ir-reliġjon missirijiet il-Marxiżmu - Andre’ Damato

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 


Huma ħafna dawk familjari mall-kliem ta’ Karl Marx fejn irrefera għar-Reliġjon bħala l-loppju tal-massa. Iżda għalkemm ovvjament kritiku tar-reliġjon, l-interpretazzjoni tiegħu għal dan il- fenomenu mhix sempliċi daqs kemm tidher.

Marx jagħraf kontradizzjoni ewlenija fir-reliġjon, fejn fit-tbatija tar-reliġjon issib it-tbatija vera tal-poplu u fl-istess ħin il-protesta kontra din it-tbatija.  Jgħidilna ukoll li r-reliġjon waqt li hija l-għajta tal-bniedem oppressat hija wkoll ir-ruħ għall- kundizzjonijiet tiegħu.  Marx ma jqisx ir-reliġjon bħala marda, iżda bħala sintomu fir-realta’ wiesgħa, tajjeb ngħidu wkoll li fis-seklu dsatax il-loppju kien użat fil-mediċina bħala kalmant tal-uġigħ, u ma kienx marbut ma’ ħolqien ta’ stat ta’ dellużjoni.  B’hekk nistgħu ngħidu li Marx iktar iqis ir-reliġjon bħala l-entita’ li tagħmel l-uġigħ tal-bniedem oppressat iktar sapportabli, milli bħala l-entita’ li toħloq tip ta’ dillerju alluċinattiv tal-poplu.

Ħafna huma dawk li jikkategorizzaw lil Marx bħala neo-Hegelian tax-Xellug (li għarfu lir-reliġjon bħala aljenazzjoni tal-bniedem) iktar milli wieħed minn tal-filosofija tal-illuminiżmu (li  sempliċiment qisuha bħala konġura tal-kleru).  Iktar minn hekk, il-kitba tiegħu ‘Kritika tal-Filosofija tad-Dritt ta' Hegel – 1844’, titqies bħala pre-Marxista għaliex ma jagħmilx referenza għall-klassijiet soċjali u l-analiżi ma tagħtix importanza lejn l-istorja.  Madanakollu, Marx xorta joħroġ il-kwalitijiet tad-djalettika fejn jagħrfilna l-karattru doppju tar-reliġjon, kemm bħala l-leġittimizzazzjoni tal-kundizzjonijet miżeri preżenti u fl-istess ħin protesta kontra dawn il-kundizzjonijiet.

Għal Marx ir-reliġjon flok tgħin sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-bniedem oppressat, iktar ittellef, ir-raġunijiet nistgħu nissimplifikawom f’erba’ karreteristiċi tar-reliġjon:

-Salvazzjoni mill-miżerja, faqar u l-esplojtazzjoni se ssir fil-ħajja mwiegħda ta’ wara l-mewt
-Twiegħed lin-nies li se jigu mpattija ta’ dak li għamlu wara mewthom
-Toffri speranza li b’intervent sopranaturali jistgħu jissolvew il-problemi ta’ din id-dinja
-Ħafna drabi tiġġustifika l-ordni u l-klassi soċjali li persuna jinsab fiha

Tajjeb ngħidu li l-Marxiżmu klassiku ma jimponix li r-religjonijet iridu jkunu suppressati bħala kundizzjoni  primarja għall-emanċipazzjoni soċjali.  L-għan ta’ Marx u Engels ma kienx li jitneħħa r-reliġjon iżda li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-estinzjoni tiegħu.  Il-kwistjoni mhix li tipprojbixxi l-loppju lin-nies, jew li żżomm lill-ivvizzjati tiegħu, iżda li twaqqaf r-relazzjonijet privileġġjati li jżommu dawk li jinnegozjawh bejn dawk li jżommu l-poter, sabiex jitnaqqsu l-effetti tiegħu fuq l-imħuħ tan-nies.

Indur għal Friedrich Engels, dan jagħti iktar importanza lill-pożizzjoni storika minn Marx fejn janalizza r-relazzjoni tar-reliġjon mall-ġlieda tal-klassijiet.  Apparti  mill-polemika filosofika tal- materjaliżmu kontra l-idealiżmu, Engels huwa interessat li jispjega  l-formazzjoni  soċjali u storika tar-reliġjon; għalih ir-reliġjon mhix entita’ separata mill-ħin u ż-żmien, iżda sistema kulturali li tiġġedded u tiżviluppa mall-perjodi storiċi.   Jagħrfilna li fis-sistema tas-skjavitu’ r-reliġjon kienet marbuta mat-twemmin ta’ l-iskjavi, wara żviluppat bħala l-ideoloġija tal-istat tal-imperu Ruman, iktar ‘l quddiem ġiet immudellata fuq il-ġerarkija fewdali u finalment addattat sabiex taqdi l-interessi tas-sistema borgiża (tal-klassi ta’ fuq).  B’hekk Engels jinterpreta r-reliġjon bħala forza simbolika li tiżviluppa b’forzi soċjali antagonisti għal xulxin; eżempju fis-seklu sittax kellek it-teoloġija fewdali kontra l-protestantiżmu borgiż u l-eretiċi tal-proletarjat. 

Engels jinterpreta r-relġijon bħala xejn ħlief purtiera fuq l-interess tal-klassijiet f’forom differenti ta’ twemmin.   Iżda, b’mod differenti mill-ħassieba tal-perjodu ta’ l-illuminiżmu għaraf  li l-kleru ma kienx entita’ soċjali ħomoġenika, iżda f’ċertu perjodi storiċi nqasam skont il-kompożizzjoni tal-klassijet tiegħu. Bħal fir-Riformazzjoni Protestanta tal-Knisja fis-seklu 16, fuq naħa kien hemm il-kleru ta’ fuq li kien fil-ponta tal-ġerarkija fewdali u fuq in-naħa l-oħra kellek il-kleru ta taħt, li dan ta’ l-aħħar issuplixxa l-idejat għar-riformazzjoni u għal moviment revoluzzjonarju tar-raħħala.
Għal dawk interessati fuq is-suġġett, arkivju elettroniku ta’ ħafna mix-xogħlijet ta’ Marx u Engels relatati mar-reliġjon jista’ jinstab fuq: http://www.marxists.org/archive/marx/works/subject/religion/
andre.damato@gmail.com

Żgħażagħ Maltin gewwa Kuba

Għat- tielet sena konsekuttiva fis-sajf li ġej l-Għaqda Malta-Kuba sejra tipparteċipa fil-Brigata Jose Marti f’Caimito, Havana - Kuba.  Din l-attivita’ annwali tgħaqqad ‘l fuq minn mija u ħamsin żagħżugħ Ewropew sabiex f’esperjenza ta’xogħol volontarju, diskussjonijiet, ħarġiet turistiċi u ambjentali, żjajjar industrijali u soċjali, visti fi skejjel u universitajiet, konferenzi, żjajjar fi provinċji oħrajn bħal Cienfuegos u Santa Klara. F’atmosfera żagħżugħa ta’ żfin u kant, f’kultura Latina, jesperjenzaw ir-realta’ Kubana b’mod uniku u differenti flimkien ma’ parteċipanti minn ‘l fuq minn għoxrin pajjiż Ewropew.

Dawk interessati u għal aktar informazzjoni jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Għaqda Malta Kuba billi jibagħtu imejl lil commando@maltanet.net  jew iċemplu fuq 79283716 jew iżuru s-sit elettroniku: www.maltacuba.org

Articles Main Page