Kif timla’ spazju vojt - Reno Cardona

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Agħmel eżerċizzju żgħir miegħi. Ġib quddiem għajnejk spazju vojt, mhux kbir, imma vojt, fid-daħla tal-belt kapitali ta’ pajjiż li wkoll żgħir imma li bl-ebda mod m’hu vojt. Anzi, dan pajjiż ippakkjat bil-bini antik u ġdid, it-toroq, il-karozzi u n-nies li jaslu sa kull xatt. Iva, kif indunajt, din gżira, u l-gżira hi Malta. Issa, immaġina li int ċittadin li tħossok irrappreżantat mill-figuri pubbliċi li jgħidu li fil-fatt jirrappreżentawk: politiċi, ġurnalisti, kittieba, nies fix-xandir, nies fuq bordijiet imwaqqfa mill-gvern u oħrajn. Inti tisma’ x’għandhom x’jgħidu dawn kollha dwar kif dak l-ispazju żgħir fid-daħla tal-belt kapitali għandu jimtela’, imma tħoss li wħud minn dawn il-figuri pubbliċi, speċjalment dawk li għandhom id-deċiżjonijet f’idejhom, għandhom bżonn jimlew vojt ieħor qabel dak tal-belt kapitali.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat id-dibattitu dwar x’għandu jsir fis-sit tad-Dar Rjali tal-Opri l-Belt kien qawwi. Min ikkontribbwixxa għad-diskussjoni ppreżenta bosta perspettivi u offra ħafna ideat differenti. Dawn l-ideat jistgħu jinqasmu bejn wieħed u ieħor f’żewġ kampi: dak li jaqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern li s-sit jilqa’ l-Parlament  illi għandu jitlaq mill-bini tal-Palazz, u ieħor li jħoss li din id-deċiżjoni ntlaħqet b’nuqqas ta’ sensittività għall-bżonnijiet tal-Belt, partikolarment dawk artistiċi u kulturali.

Ħafna aspetti tad-dibattitu kienu validi. Ikolli ngħid li min tkellem favur li s-sit isir dak tal-Parlament billi uża argumenti favur it-tqarrib tal-poter politiku lejn iċ-ċittadin u aktar viżibilità u għalhekk trasparenza tal-operat tal-Parlament laqatni. Madanakollu, għalkemm li jinbena’ il-Parlament fis-sit tad-Dar Rjali tista’ tkun idea tajba, propju għall-mod kif ma ġiex diskuss dan l-aspett fl-iżvilupp tal-Belt, din l-istituzzjoni politika li tħaddan fiha l-gvern ma ħaqqhiex u ma missiex tieħu post prinċipali daqskemm pożizzjoni aktar imbiegħda li tirrefletti n-nuqqas ta’ ftuħ u relazzjoni mill-viċin maċ-ċittadini.

Mill-banda l-oħra, min ippropona li dan is-sit jilħaq il-potenzjal tiegħu billi jservi ta’ ċentru tal-arti, partikolarment tal-opra u tat-teatru, ukoll għamel każ tajjeb. Madankollu, kellu jiffaċċja l-argument li fil-Belt diġà jeżistu numru ta’ siti ddedikati għall-kultura, fosthom teatri; fuq kollox, iċ-Ċentru għall-Kreattività l-Kavallier ta’ San Ġakbru qiegħed żewġ passi bogħod mis-sit innifsu. Filwaqt li argument a bażi tal-kwantità ta’ siti kulturali huwa diffiċli biex jintrebaħ, dak marbut mall-funzjoni ta’ dawn il-binjiet u l-viżjoni tagħhom huwa differenti għal kollox. Filwaqt li swali għat-tijatru jeżistu ma’ Malta kollha, inkluż il-Belt, sal-lum il-ġurnata l-istat naqas milli jinvesti b’mod serju fl-isfrastruttura u fit-taħriġ tat-tijatru kontemporanju li, fost l-oħrajn, ma jistax jittella’ fi swali bħal dawk tat-Teatru Manwel jew iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. U filwaqt li l-Kavallier ta’ San Ġakbu għandu teatru, dan, bħall-bqija tal-bini rristrutturat taċ-ċentru, għandu karatteristiċi partikolari li ma jilqax ħafna forom kontemporanji ta’ teatru. Barra minn hekk, it-teatru mhuwiex biss il-palk u l-awditorju, iżda l-istruttura u l-infrastruttura kollha li jmorru magħhom. Għalhekk, kif ilu jiġi diskuss is-snin mill-prattikanti tat-tijatru f’Malta, ċentru tat-tijatru għandu joffri anke l-ispazji fejn l-atturi, il-professjonisti tat-tijatru u l-istudenti ta’ din l-arti jistgħu jaħdmu u jibnu l-kreazzjonijiet tagħhom.

L-argumenti tal-komunità artistika ma kinux limitati għat-tijatru. Oħrajn, fosthom il-kantant tal-opri Joseph Calleja, appoġġja l-idea ta’ dar ta’ l-opri fil-Belt, hekk kif għandhom ħafna bliet kapitali mad-dinja kollha. Oħrajn ipproponew li l-bini l-ġdid jgħaqqad din il-funzjoni ma’ oħrajn billi jinkludi spazju kreattiv u interattiv għall-artisti u ż-żgħażagħ li jipprattikaw varjetà ta’ forom artistiċi. Ta’ min ukoll isemmi s-suġġerimenti li jiġi stabilit mużew tal-arti moderna – li f’Malta huwa nieqes – jew librerija moderna, kif ipproponiet il-MaLIA (Malta Library and Information Association).

Filwaqt li minix ser nagħmel suġġerimenti oħra jew nagħti appoġġ favur idea u mhux oħra, nixtieq nikkonkludi billi nirrefletti fuq il-fatt li r-reazzjoni b’saħħitha għad-deċiżjoni tal-Gvern turi mill-anqas żewġ affarijiet: l-ewwel, li ħafna ċittadini m’apprezzawx la l-mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni u l-anqas id-deċiżjoni nnifisha; u t-tieni, li hemm ħafna nuqqasijiet fix-xena kulturali li l-komunità artistika u ċ-ċittadini in ġenerali ilhom iħossuhom u  għalhekk jaħsbu li dan l-ispazju prezzjuż għandu jiġi użat biex ftit minn dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati. Jalla li din ir-reazzjoni ikollha impatt fuq l-implimentar tad-deċiżjoni tal-Gvern li jista’ jieħu din l-opportunità biex jimla’ vojt mhux biss b’bini ieħor imma b’viżjoni.

 

Articles Main Page