“Ħidma flimkien fis-Soċjeta’ Ċivili” - Rapport dwar diskussjoni organizzata minn Żminijietna

Zminijietna – Harga Jannar - Marzu 2009

 

Id-diskussjoni dwar ħidma flimkien fis-soċjeta’ ċivili seħħet fil-15 ta’ Novembru 2008, u kienet l-għaxar minn sensiela ta’ diskussjonijiet pubbliċi dwar temi politiċi u soċjali li qed jiġu organizzati minn Żminijietna.

F’din id-diskussjoni, attendew bosta kelliema li huma msieħba ta’ għaqdiet u partiti bħal Żminijietna – Leħen ix-Xellug, Alternattiva Demokratika, Ramblers’ Association, l-Għaqda Malta-Kuba, Alleanza Liberali, Moviment Graffitti, Gioventu’ Democratica Nazionalista, Grupp Universitarji Għawdxin u Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali.

Id-diskussjoni ġiet immexxijja mill-ġurnalist Kurt Sansone, li qajjem punti varji dwar il-ħidma fis-soċjeta’ ċivili. Fost affarijiet oħra, huwa saqsa jekk l-għaqdiet non-governattivi humiex lesti jaħdmu ma’ partiti politiċi. Saqsa ukoll jekk l-għaqdiet mhux governattivi humiex jgħinu biex jonqos il-partiġġjaniżmu politiku u jekk l-għaqdiet humiex lesti jirrakkomandaw lil min wieħed għandu jivvota f’elezzjonijiet bħal tal-Kunsilli Lokali.  Barra minn hekk, saqsa jekk l-għaqdiet humiex lesti jilħqu iktar lis-soċjeta’ ċivili, mhux biss permezz ta’ ittri fil-gazzetti, iżda, fost oħrajn, billi jaħdmu flimkien b’mod konkret.

Mario Mifsud ippropona li ssir analiżi storika ta’ l-għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili. Qal li jeħtieġ li l-għadiet għandhom ikunu hemm għall-membri u mhux għall-persuni individwali. ‘Fl-istess ħin, jeħtieġ li ninqatgħu mill-qasma f’pajjiżna ta’ kollox tajjeb jew kollox ħażin’.  Mifsud saħaq li Alternattiva Demokratika imissha tagħti viżibilta’ lill-għaqdiet mhux governattivi kontra s-sistema ta’ poter.

David Pisani innota t-tendenza li organizazzjonijiet ikollhom strutturi u mexxejja li jibqgħu hemm għal żmien twil. Filwaqt li saqsa jekk hijiex prassi demokratika, saħaq li hemm bżonn demokratizzazzjoni ta’ l-istrutturi ta’ dawn l-organizazzjonijiet. Pisani innota li qed jiżdied is-settarjaniżmu fost għaqdiet ambjentali, unjins u għaqdiet universitarji fost oħrajn. Iżda il-verita’ hi li għaqdiet għandhom x’jirbħu billi jaħdmu flimkien. ‘Għaqdiet bħall-Żminijietna u Graffitti jistgħu jagħtu kontribut lill-għaqdiet ambjentali f’affarijiet bħal tagħrif soċjoloġiku’, ‘Bosta għaqdiet inbelgħu mill-istituzzjonijiet’, saħaq Pisani u qal li n-nuqqas ta’ kritika ta’ xi għaqdiet ta’ l-ambjent lejn il-mod xejn konsultattiv ta’ kif il-Gvern appunta l-kumitat dwar it-tibdil fil-klima huwa eżempju ta’ dan.

David Pisani innota ukoll li hemm għaqdiet li qed jidħlu fl-għalqa ta’ ħaddieħor u li ħafna qed jaħdmu għal rashom. Minkejja li hu pożittiv li l-għaqdiet jistgħu jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea, dan qed jgħin biex dawn il-problemi jikbru. Pisani appella sabiex l-għaqdiet jaħdmu flimkien permezz ta’  alleanzi.

Joe Agius qal li hija inevittabli li l-kariżma tal-mexxejja ikollha effett. L-istess jingħad għall-effett tal-media. Barra minn hekk, l-għaqdiet għandhom problema jsibu attivisti li għandhom biżżejjed ħin. Chris Mizzi qal li s-soċjeta’ ċivili tmur oltre’ mil-Lemin u Xellug politiku. Żied li l-għaqdiet għandhom l-istrutturi tagħhom u li xi mexxejja għandhom saħħa anke fil-media. Mizzi żied li l-Moviment Graffitti ipprova jagħmel struttura iktar demokratika billi jkun hemm ‘rotating chairperson’, iżda l-istituzzjonijiet huma strutturati b’mod li jagħmlu pressjoni biex l-għaqdiet ikunu riġidi fl-istrutturi tagħhom.

Michael Briguglio qal li fl-għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili teżisti djalettika bejn il-prinċipji ta’ l-għaqda u l-valuri tan-nies fis-soċjeta’. Osserva ukoll li jista’ jkun hemm il-periklu ta’ burokratizzazzjoni u istituzzjonaliżmu żejjed li permezz tagħhom l-għaqdiet isiru inqas demokratiċi u jiġu nkorporati fl-istituzzjonijiet ta’ l-istat. Briguglio qal li filwaqt li fil-Front Kontra l-Golf Kors kellek diversita’ sħiħa ta’ għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili, xi għaqdiet illum huma inqas disposti li joħolqu alleanzi ma’ oħrajn.

Michael Camilleri qal li l-akbar problema li għandha x’taqsam ma’ ħidma flimkien fis-soċjeta’ ċivili hi dik tal-partiġjaniżmu politiku. Semma’ l-kwistjoni tal-unjins tal-ħaddiema bħala eżempju ta’ dan.

Alfred Vella qal li filwaqt li l-għaqdiet non-governattivi qed jagħtu kontribut lis-soċjeta’, teħtieġ iktar koperazzjoni bejn l-għaqdiet fejn dawn jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u ma jeskludux ċertu kwistjonijiet mill-ħidma tagħhom. Qal li l-mexxejja ta’ l-għaqdiet għandhom ikunu b’saħħithom iżda fl-istess ħin, il-membri m’għandhomx iħalluhom jisfruttaw lill-għaqda. Vella qal li Żminijietna Leħen ix-Xellug tista’ taħdem kemm ma’ partiti politiċi kif ukoll ma’ għaqdiet non-governattivi.

Arnold Cassola qal li s-soċjeta’ ċivili f’Malta għandha xi karatteristiċi simili għal ta’ pajjiżi oħrajn u karatteristiċi oħra li huma partikolari għal pajjiżna. Per eżempju, hemm tendenza li għaqdiet kbar għandhom ħabta li jaħdmu flimkien u jeskludu għaqdiet iżgħar. Il-kwistjoni tal-personalitajiet dominanti tinħass iktar minn barra u l-istess jingħad għal pożizzjonijiet li jieħdu l-għaqdiet vis-à-vis partiti. Dwar din ta’ l-aħħar, Cassola semma’ kif għaqdiet ambjentali f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea jagħmlu pressjoni fuq kandidati politiċi u jsaqsuhom għall-opinjonijiet tagħhom biex imbagħad jgħidu liema kandidati u partiti huma l-iktar konxji f’affarijiet ekoloġiċi. F’Malta, l-għaqdiet iħossuhom mhedda mill-pariti.

Cassola tkellem ukoll dwar il-fondi li jirċievu l-għaqdiet mill-UE u mill-Gvern Malti. ‘Filwaqt li dan hu pass pożittiv, min-naħa l-oħra dan jista’ jorbot lill-għaqdiet. Ninnota ukoll li filwaqt li l-Gvern jgħin lill-għaqdiet kbar b’impjegati, dan ma jsirx ma’ għaqdiet iżgħar’. Għalhekk, teżisti dikotomija bejn għaqdiet kbar u dawk żgħar. Arnold Cassola fakkar ukoll li Alternattiva Demokratika għamlet l-almu tagħha biex għaqdiet żgħar jiġu inklużi fil-MEUSAC, il-kumitat nazzjonali Malti li jiddiskuti proposti li ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-pressjoni ta’ AD kellha riżultat pożittiv.

John Zammit qal li għaqdiet li jittrattaw kwistjonijiet bħad-divorzju bħall-Alleanza Liberali isibu ħafna xkiel minn bosta setturi tal-media, b’eċċezzjoni għal gazzetti bħall-Malta Today u Illum. Bħala eżempju, qal li l-PBS ma rraportax aħbar importanti bħal dik dwar iż-żjara ta’ politiku Liberali Daniż. Zammit qal li għaqdiet bħal dawn isibuha diffiċli biex jieħdu fondi mill-istat, iżda fl-istess ħin qal kif irċieva formola tat-taxxa.

Edric Micallef Figallo spjega kif hu ġej mill-kamp lemini - mill-għaqda Gioventu’ Democratica Nazionalista – u li hu inspirat mill-ħsibijiet politiċi bħal Nerik Mizzi u Herbert Ganado. Qal li hemm ħafna konformita’ ġewwa l-partiti politiċi, iżda fl-istess ħin, l-għaqdiet non-governattivi huma karatterizzati minn diversita’ u vuċijiet differenti. Semma’ l-ħtieġa ta’ iktar komunikazzjoni u qal li teżisti l-problema tat-tiċpis, fejn wieħed jiċċappas ma’ partit anke jekk jaqbel ma’ pożizzjoni waħda tiegħu.

Anthony Briffa qal li l-problema tat-tiċpis laqtet lill-Għaqda ta’ l-Universitarji Għawdxin, fejn l-eżekuttiv preċedenti kien jiġi ttimbrat bħala wieħed li jxaqleb lejn il-P.N., filwaqt li dak preżenti qed jiġi ttimbrat li jxaqleb lejn il-P.L.

Henry DeMarco qal li l-ikbar kwistjoni għall-għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili hi l-bżonn ta’ għaqda biex tiġġieled l-Unjoni Ewropea.

Andre’ Callus tkellem dwar numru ta’ problemi u sfidi li jsibu ma’ wiċċhom l-għaqdiet mhux governattivi. Dawn jinkludu r-riżorsi, speċjalment jekk membri jkollhom xogħol ieħor; u diskors, li kemm il-darba jiġi ssimplifikat fil-media, fejn tiġi mibnija stampa ta’ ‘favur’ jew ‘kontra’. Callus qal li meta l-Moviment Graffitti tkellmu dwar l-immigrazzjoni f’ċentri taż-żgħażagħ, id-dibattitu kien milqugħ, għax kien hemm l-ispazju fejn dan iseħħ b’mod tajjeb.

F’dan id-dibattitu ħarġu bosta punti interessanti, iżda fuq kollox, kien hemm rieda minn dawk preżenti sabiex ikun hemm iktar ħidma flimkien. Nittamaw li dan iseħħ!

Articles Main Page