Id-Dritt Fundamentali tad-Divorzju - Victor Degiovanni

Zminijietna Harga Lulju – Settembru 2008

 

Iċ-ċittadini Maltin illum jinsabu diskriminati bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Knisja Kattolika li għandha eġemonija fuq il-mentalita’ tal-poplu Malti hi r-raġuni prinċipali għal dan il-fatt. Il-ġerarkija kattolika Maltija dejjem saħqet  assolutiżmu fejn jidħol it-tagħlim tagħha, u anki użat sanzjonijiet morali fl­-1961 sabiex tiżgura li  żgur ma jinbidel xejn. Kaġun ta’ hekk il-poplu Malti in ġenerali ma jiddistingwix bejn dak li huwa dritt fundamentali u dak li hu obbligu,  kif ukoll ma jagħrafx  dik li hi liberta’ tal-kuxjenza. Fid-dinja moderna tal-lum din is-sitwazzjoni m’hix aċċettata, kull individwu għandu dritt ta’ l-għażla ħielsa fejn tidħol il-liberta’ tal-kuxjenza. Din il-liberta’ hija waħda fejn l-għażla ta’ xi twemmin, jew  jekk wieħed joqogħdx għar-regoli mposti min xi twemmin, tkun f’idejn l-individwu u ħadd ma jindaħallu dwarha.

Iċ-ċittadin għandu d-dritt li jipprattika kull twemmin reliġjuż u li joqgħod għar-regoli tal-grupp jew gruppi li jkun jappartjeni għalih/om, dejjem sakemm ma tkunx ta’ ħsara għal saħħtu  jew saħħet ħaddieħor, eżempju m’għandux ikollu dritt li ma jingħatax demm jew li ma jħallix lil ħaddieħor jingħatalu d-demm bħal ma tirrikjedi s-setta tal-Jehova. Imma għandu dritt li ma jiddivorzjax, u ma jwettaqx abort. Imma dan id-dritt m’huwiex estiż sabiex jiġi eżerċitat fuq individwi oħra. Bħal ma kull prattikant għandu dawn id-drittijiet, ħaddieħor għandu dritt għal-liberta’ tal-kuxjenza, li ma joqgħodx għar-regoli reliġjużi u jagħmel bil-kontra.

Niġu issa għas-suġġett attwali  ta’ dan l-artiklu, id-dritt tad-divorzju, li qiegħed jiġi miċħud liċ-ċittadin Malti minn liġijiet antikwati li ma jgħoddux għas-sitwazzjoni preżenti li llum ninsabu fiha bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Kull ċittadin ta’ l-UE, inkluż iċ-ċittadini ta’ l-Irlanda li huma kattoliċi bħaċ-ċittadini Maltin, għandhom aċċess għad-divorzju, minnbarra ċ-ċittadini Maltin. Id-divorzju u kull ħaġa oħra li taqa’ taħt dik li hija magħrufa bħala liberta’ tal-kuxjenza, ma għandha qatt tkun marbuta ma’ referenda. Ir-rieda tal-maġġoranza m’għandha qatt timponi fuq ir-rieda ta’ l-individwu hawnhekk. Min jirraġuna bil-kontra sempliċiment m’huwiex demokratiku imma jkun biss qed jimponi r-rieda tiegħu fuq ħaddieħor. L-argument li d-divorzju ikun qed jiġi mponut fuq il-poplu Malti jekk jgħaddi sempliċiment b’leġiżlazzjoni ma jżommx ilma, għaliex kull min ma jridx jiddivorzja sejjer jibqgħalu dan id-dritt. Għalhekk id-divorzju ma jkunx qed jiġi mponut, imma sempliċement ikun qiegħed hemm għal kull min ikollu bżonnu.

Issa li reġgħet feġġet fostna  diskussjoni dwar dan is-suġġett nistennew mil-leġislatura preżenti li mingħajr ebda preġidizzju u ħafna inkwiet żejjed, temenda l-liġijiet matrimonjali u tneħħi l-għanqbut li jeżisti biex ma jkomplux iwaqqgħuna għaċ-ċajt u ż-żufjett bil-pożizzjonijiet li jieħdu fil-Parlament Ewropew. Din il-liġi għandha tkun konformi ma’ pajjiżi oħra ta’ l-UE  sabiex id-divorzju jkun finalment aċċessibli għal kull ċittadin Malti li jkun jixtieq jużah sabiex jirranġa is-sitwazzjoni infeliċi li jkun qiegħed fiha. B’hekk il-poplu Malti jkun qed jagħmel pass ‘l quddiem f’dawk li huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, fejn fl-aħħar mill-aħħar il-liberta’ tal-kuxjenza tkun ipprattikata, xi ħaġa li l-Maltin ġew imċaħħda minnha minn wara li b’mod żbaljat kienu keċċew lill-Franċiżi u l-kleru tħalla jiddomina x-xena Maltija.

Articles Main Page