Il-kisba tal-Movimenti tal-Ħaddiema, tax-Xellug u tal-Paċi bil-LE għat-Trattat ta’ Liżbon - David Pisani

Zminijietna Harga Lulju – Settembru 2008

 

Il-Le għat-Trattat ta’ Liżbona ta rebħa lill-Klassi tal-Ħaddiema. Il-poplu Irlandiż, li nistgħu ngħidu parti kbira minnu jifforma parti mill-klassi tal-ħaddiema esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għad-direzzjoni neo-liberali li qed issewgi l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt kienet risposta ċara wara dik ta’ l-Olanda u Franza.  Is-sitwazzjoni illum il-ġurnata m’hix waħda sempliċi. Kieku t-Trattat ġie mitfugħ għall-verdett tal-poplu, kieku żgur li ma kienetx tkun l-Irlanda biss li tivvota kontra. M’huwiex minnu meta jingħad li l-pajjiżi Ewropej huma favur t-Trattat. Huma biss l-elitisti li jridu jbellgħuna dan.

Fil-preżent f’diversi pajjiżi Ewropej qed jinfetħu diversi kawżi quddiem il-qrati. L-Awstrija u l-Ġermanja huma tnejn minnhom. Fil-fatt il-President tal-Ġermanja Kohler irrifjuta li jiffirma t-Trattat qabel il-verdett tal-qorti mressaq mill-Partit ġdid Xellugi - Die Linke u l-Unjin Konservattiva  (Christian Social Union) li qed jgħidu li t-Trattat jikser ċertu liġijiet f’diversi aspetti, fosthom il-prinċipju tad-demokrazija. Fl-Ingilterra saru kawżi simili wkoll.

Nittamaw issa li l-kapitalisti u dawk li huma ekonomikament liberali fl-UE jaċċettaw il-verdett tal-poplu Irlandiż. Ir-referendum Irlandiż jagħti tagħlima lill-Gvernijiet u lill-partiti politiċi li ċaħdu lill-popli tagħhom mid-dritt li jiddeċiedu dwar it-trattat ta’ Liżbona . Malta hija eżempju ta’ dan u nispera li ma jerġax joħroġ xi professur jgħid li ma’ għandux fiduċja fir-referenda.
  
Diversi Movimenti madwar l-Ewropa, l-aktar dawk tal-Ħaddiema, dawk favur il-Paċi, kif ukoll Movimenti Xellugin bħal Attac u anka Żminijietna – Leħen ix-Xellug qiegħdin magħqudin f’kampanja sabiex jinfurmaw lin-nies dwar l-aspetti negattivi li ser joħloq it-trattat fuq iċ-ċittadini Ewropej. Filfatt it-trattat jinkludi politika neo-liberali li ser tnaqqas ħafna gwadanji li għamlu l-ħaddiema u l-popli, permezz ta’ aktar liberalizazzjoni; permezz ta’ politika monetarja li tpoġġi l-kompetizzjoni qabel kollox għad-detriment tat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol; u permezz ta’ l-iżmantellar u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

It-trattat kif inhu propost jistituzjonalizza in-neo-liberaliżmu f’oqsma varji u jippromwovi aktar militariżmu. Għall-kuntrarju, flimkien ma’ bosta partiti u għaqdiet non-governattivi tax-xellug, Żminijietna – Leħen ix-Xellug hi kunfidenti li jista’ jkun hemm Ewropa oħra – Ewropa Soċjali ta’ koperazzjoni, progress soċjali, ekonomiku, ekoloġiku, u ta’ paċi”.

“Żminijietna – Leħen ix-Xellug laqgħet ir-riżultat tar-referndum fl-Irlanda dwar it-Trattat ta’ l-UE, u ddeskriviet dan bħala rebħa għad-demokrazija u għal Ewropa soċjali.”

Articles Main Page