L-Arcisqof Mons Cremona ikellem lil Zminijietna Lehen ix-Xellug

Zminijietna Harga Lulju – Settembru 2008

 
Fil-passat kien jeżisti bosta tħassib dwar il-mod li bih kienet titmexxa l-Knisja.  Mit-tneħħija ħesrem tal-kapillani sa affarijiet wisq aktar importanti, kienet teżisti l-impressjoni li l-Knisja taġixxi b’mod xejn trasparenti. Sena wara l-ħatra tiegħek ser tagħmel xi ħaġa biex l-aġir tal-Knisja mhux biss ikun aktar trasparenti, imma jkun jidher li hu aktar trasparenti?

Naħseb li l-kelma ‘trasparenti’ fil-Knisja għandha diversi tifsiriet. Hemm it-trasparenza ta’ dawk li jridu jkunu jafu biex jaraw, u din għandha l-importanza tagħha. Iżda hemm ‘trasparenza’ oħra li bniedem ta’ fidi, inkluż Isqof, irid josserva. Din hi t-‘trasparenza’ quddiem Alla l-Imbierek. Jien irrid ngħati każ ta’ din ukoll, forsi aktar, għaliex fuqha rrid niġi ġġudikat quddiem Alla.

Semmejt il-kappillani: Jien ukoll kont kappillan u patri, u naħseb li dejjem żammejt quddiem għajnejja li jien darba f’ħajti offrejt lili nnifsi lejn Alla biex naqdih. Ovvjament mhux dejjem fhimt lis-superjuri tiegħi (bħalma jien ċert li mhux dejjem u kulħadd fehem id-deċiżjonijiet tiegħi meta kont superjur). Dejjem obdejt, għaliex fl-aħħar mill-aħħar Hu akbar minn kull deċiżjoni tas-superjur, hu se jħarisni.

Ma tistax tifred ‘it-trasparenza’ mill-Fidi ħielsa, u l-‘commitment’ li wieħed ikun għamel. U naħseb ukoll li kultant wieħed ikollu jieħu deċiżjonijiet li jweġġgħu; jew għall-ġid tal-komunità Nisranija, jew għall-ġid tal-persuna stess. Min jagħmel deċiżjoni jrid iġorr it-toqol tagħha mingħajr ma jiddefendi lilu nnifsu minħabba l-kunfidenzjalità u l-prudenza. Biss, li hu żgur hu li dak li kultant jidher li qed isir ‘ħesrem’ mhux dejjem ikun hekk. Ġieli jkun hemm żmien mhux qasir fejn id-deċiżjoni tkun qed tiġi kkunsidrata qabel ma tittieħed deċiżjoni li tiġi kkomunikata fl-aħħar.

Jiġifieri, biex ma ningħalqux fuq każ partikulari tal-kappillani, minħabba li t-trasparenza tirreferi għal bosta affarijiet oħra fosthom proċeduri marbuta ma’ kuntratti, deċiżjonijiet  oħra, il-mod kif uffiċjali tal-kurja jitrattaw u jinfurmaw il-pubbliku, eċċ, fis-sena u ftit aktar li ilek Arċisqof rajt kif jimxu l-proċeduri u l-personal li sibt meta dħalt, u taħseb li l-affarijiet kif jinsabu huma fundamentalment tajba?

Minn dak li rajt s’issa naħseb li hemm x’tirranġa, bħalma min jiġi warajja se jkollu x’jirranġa. Iżda fil-biċċa l-kbira sodisfatt. Hemm policies li ħafna minnhom jirriflettu prinċipji li s-Santa Sede tħaddem, u dwar l-uffiċjali tal-Kurja naħseb li dawn huma nies ta’ ġudizzju u li wieħed irid jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda istituzzjoni ma tistà tiżvela dak kollu li jsir internament lill-pubbliku; l-ebda partit jew istituzzjoni oħra ma tagħmel hekk. Madanakollu tajjeb ngħid li billi kull ma ilni hu ftit aktar minn sena, għadni f’perjodu li fih qed niskopri.

F’intervista li tajt, sostnejt li “…policies marbuta ma’ l-emigrazzjoni …jiġu deċiżi mill-politiċi... din hi kwestjoni politika…li finalment trid tiġi deċiża mis-soċjetà Maltija u mhux mill-Knisja…ma nistgħux nindaħlu f’dak li għandu x’jaqsam ma policies tal-istat…” (This is a political question …which should be ultimately determined by Maltese society and not by the Church … we cannot interfere when it comes to state policies …” ) Dan ma tantx jidher jaqbel mad-disponibilità li spiss turi lejn l-immigranti u ma pożizzjonijiet ċari li ħadu nies bħall-Kardinal Martino li kkundanna politika speċifika addottata mill-gvern Malti; dik tad-detenzjoni.  Wieħed jistà jissusspetta li qiegħed attent biex ma turtax poplu mill-aktar devot li hu, b’mod kontradittorju, wieħed mill-aktar razzist. Veru dan?

Naħseb li importanti naraw il-kwotazzjoni kollha li tgħid: “The Archbishop makes a clear distinciton between policies regulating immigration which should be decided by politiicans and the Church’s message against racism and prejudice. ‘This is not a question of the Church saying that Malta should accept a million people. This is a political question which should be decided with Christian love but which should be ultimately determined by Maltese society and not by the Church. This reflection must be done by the people. But this reflecion should not be based on fear but on concrete realities…Political expression cannot ever be based on any form of discrimination. We must clearly denounce any political message based on promiting racial discirimation. But of course we cannot interfere when it comes to state policies on immigration.

Din il-kwotazzjoni għidtha fid-dawl ta’ l-Enċiklika tal-Papa preżenti Deus Caritas Est: “L-ordni ġust tas-soċjetà u l-istat hija r-responsabilità ċentrali tal-politiċi (Mt, 22, 21; GS 36)….il-Knisja ma tistax, u m’għandhiex tieħu fuqha nfisha l-ġlieda politika biex iġġib l-aħjar soċjetà possibli. Hi ma tistax u m’għandhiex tieħu post l-istat.” U “il-formazzjoni ta’ strutturi ġusti mhuwiex id-dmir dirett tal-Knisja….għandha dmir indirett…il-purifikazzjoni tar-raġuni u l-qawmien mill-ġdid tal-qawwa morali…Id-dmir dirett biex jaħdem għal ordni ġust fis-soċjetà, min-naħa l-oħra, huwa propju tal-lajċi nsara…li jieħdu parti fil-ħajja pubblika fil-kapaċità  personali tagħhom.” (n.29)

Dak li ridt infisser. Fil-fatt, il-Knisja kemm il-darba tkellmet fuq id-dinjità personali ndaqs ta’ kull persuna li qed tfittex il-Kenn (asylum sekeers); taħdem (mhux titkellem biss) biex tagħmel il-ħajja tagħhom, sakemm idumu fuq dawn il-gżejjer, dinjituża (Il-Kummissjoni Emigranti tieħu ħsieb ta’ 400 persuna; il-Laboratorju tal-Paċi ta’ 30 persuna; il-Jesuit Refugee Service iżżurhom u tiġġieled għad-drittijet tagħhom b’mod speċjali dawk li hemm fiċ-ċentri ta’ ditenzjoni). Jien stess żort kemm l-Open Centre, kemm ċentri ta’ detenzjoni u kemm djar immexxijin mill-Knisja.  Naħseb li l-Knisja qed tgħati dawl u xhieda (anke jekk qatt ma tkun biżżejjed) li fuqhom il-politiċi għandhom ifasslu il-politikatagħhom, u biex tneħħi mill-moħħ u l-qalb ta’ kull nisrani u ta’ kull Malti, kull razziżmu u kull diskriminazzjoni. Dan l-aħħar sar seminar ukoll organizzat mill-Kummisjoni Pastorali fid-Dinja tax-xogħol, li fih kienu mistednin il-Korpi Soċjali kollha, biex dawk mill-‘asylum seekers’ li għandhom id-dritt tax-xogħol u qed jaħdmu, ikollhom l-istess kundizzjonijet tax-xogħol ta’ ħaddiema Maltin.

Jiġifieri jekk qed nifhmek sewwa i) il-Knisja m’għandhiex tipproponi tip ta’ politika lill-gvern; ii) għandha tgħati dawl u xhieda li fuqhom il-policies tal-politiċi jistgħu jitfasslu; u iii) ma teskludix li tikkritika policies ta’ l-istat li jkunu kuntrarji għal dan id-dawl u din ix-xhieda.

Eżattament.

U dwar il-policy ta’ detenzjoni taħseb li din tirrifletti dan id-dawl u xhieda?

Bosta istituzzjonijiet Kattoliċi kritikaw it-tul ta’ detenzjoni, u wħud minnhom il-politika ta’ detenzjoni innifisha, u dawn naħseb juru fejn qiegħda tħabbat qalb il-Knisja fuq din il-politika.

Il-kuntratti tax-xogħol temporanji saru xi ħaġa ta’ kuljum.  Dawn iġibu lill-ħaddiem mill-aktar vulnerabbli, u jżommuh milli jibda proġetti bħall-bini ta’ familji u t-twelid tat-tfal. Dan flimkien mall-prezzijiet tal-bini, il-perikli fuq ix-xogħol, u l-bqija, li jolqtu ħażin lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà tagħna. Sforunatamment, dawn in-nies huma minsija minn kważi l-istituzzjonijiet kollha.  Għandha l-Knisja tkun il-leħen li jgħajjat fid-deżert?

Il-Knisja tagħraf il-problema tax-xogħol prekarju, u problemi oħra li jġib miegħu, kif ukoll tal-prezzijiet tal-bini. Dawn huma punti li l-Knsija kemm il-darba tkellmet fuqhom. Fis-Sinodu kien hemm din id-dikjarazzjoni li tiġbor l-impenn tal-Knisja li tkun vuċi fis-soċjetà favur il-ħaddiema. Is-Sinodu jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali kollha sabiex ikomplu jaħdmu b’riżq l-iżvilupp ta’ kundizzjonjiet dejjem aħjar għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom (Dokument dwar id-Djakonija u l-Ġustizzja n.15).

Ovvjament is-soluzzjonijiet prattiċi għall-problema tax-xogħol prekarju u tal-prezz tal-bini ma jistgħux jiġu mill-Knisja iżda mill-Istat, anke jekk fil-passat il-Knisja għenet fi problemi li kien jiffaċċja l-pajjiż, bħal meta bniet djar għall-ħaddiema, tat plots bi prezz issussidjat għal bini ta’ terraced houses u inizjattivi oħra. Anke meta l-Knisja għaddiet il-propjetà tagħha lill-Istat Malti (18 ta’ Frar, 1993) kien hemm fil-Ftehim li: “Il-Gvern għandu juża l-propjetà trasferita lilu skond dan il-ftehim biex iġib ‘il quddiem il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-iżvilupp tal-biedja, u biex iwieġeb għall-ħtiġijiet soċjali l-aktar qawwija tal-pajjiż , bħalma huma bżonnijiet soċjali ta’ djar u servizzi pubbliċi , kif ukoll skopijiet umanitarji, edukattivi u kulturali”. Tajjeb insemmi wkoll, li ftit ilu, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knsija, ħarġet dokument fuq il-housing.

Ma jidhirlekx li jkun aktar effettiv kieku inti tagħmel intervent dirett permezz ta’ ngħidu aħna ittra pastorali, bħalma f’pastoralijiet diġà tkellimt fuq issues bħall-abort?

Fuq l-issues tal-prezzijiet tad-djar u tax-xogħol prekarju tkellem is-sinodu, li hu ogħla minn pastorali ta’ l-Isqfijiet, għax mhux qed jitkellem l-Isqof biss, imma qed titkellem il-Knisja Maltija. Naħseb li dan hu l-aqwa xhieda ta’ kemm il-Knisja Maltija għandha għal qalba dawn il-kwestjonijiet.           

Ħafna Kattoliċi sinċiera huma mdejqa mill-fatt li l-festi huma l-qofol tal-ħajja Nisranija ta’ ħafna kattoliċi oħra, inkluż ta’ ħafna reliġjużi, li jirriduċu r-reliġjon għal ċerimonjaliżmu vojt . Il-karatteristiċi negattivi ta’ manifestazzjonijiet bħal dawn; il-fanatiżmu, il-qima permezz ta’ l-idolatrija ta’ l-istatwi u l-qaddisin, it-twemmin eretiku li wieħed qiegħed iżid il-glorja tal-qaddisin billi jirriskja ħajtu fil-post tan-nar (ħaġa li turi li mhux veru ngħatu valur lill-ħajja) - jgħelbu bil-wisq lil dawk pożittivi. Barra minn hekk, in-nies li huma mdaħħlin f’dawn l-attivitajiet spiss jipretendu li jiddettaw dak li jsir fil-parroċċi f’numru ta’ kwestjonijiet importanti. Int ser tkun dak li jaffaċċja l-problema mill-għeruq jew għandna nistennew lil ħaddieħor?

Inti hawn semmejt biss il-parti negattiva tal-Festi li jsiru fil-Knejjes tagħna, li huma veri wkoll, sfortunatament f’xi postijiet. Iżda ma naħsibx li nkunu ġusti jekk nagħmluhom universali. Il-problema tinqalà meta nifirdu l-Fidi mill-Kultura u l-manifestazzjoni esterna biss, għaliex din imbagħad titmexxa mhux mill-valuri tal-Fidi, iżda mill-gosti ta’ dak li jkun. Naħseb li għall-bniedem li jemmen, ma hemm xejn ħażin li juri anki l-qima lejn Alla b’manifestazzjonijiet esterni.

Għandna episodju sabiħ anke jekk doloruż f’Kapitlu mill-Vanġelu ta’ San Ġwann. Ikun hemm waħda mara li għax ħabbet lill-Mulej Ġesù, xtrat żejt iqum ħafna u bih ħaslet ir-riġlejn tal-Mulej Ġesù. Ġuda skandalizza ruħu, iżda mhux għax ħabb lill-Mulej Ġesù, iżda għax f’qalbu ma riedx jara dik il-wirja esterna. Jistà jkun hekk ukoll f’qalb xi wħud minn dawk li jikkritikaw dan l-aspett.

Nispera li mhux qed tqabbel lil kull min jikkritika l-festi  ma’ Ġuda, anke għaliex skond San Ġwann, Ġuda ma qabilx mhux għax kien kontra l-manifestazzjonijet esterni imma għaliex kien ħalliel?

Qiegħed ngħid dan mhux biex niġġudika lil xi ħadd, għaliex f’soċjetà pluralistika kulħadd jistà jgħid dak li jħoss fuq kull aspett tal-ħajja soċjali, iżda biex nuri l-fatt li l-isbaħ kritika u dik li tistà tkun l-aktar oġġettiva, tiġi minn min f’qalbu għandu x-xewqa jara Knisja verament aħjar għaliex jara u jħoss il-valur tagħha, anki fl-aspetti tal-fidi tal-membri tagħha li jintwerew ukoll fl-aspett reliġjuż u estern. Dan jgħodd għal kollox: partiti politiċi, pajjiż, eċċ.

Ovvjament f’xi parroċċi teżisti sitwazzjoni fejn il-piki jew l-eżaġerazzjonijiet huma ta’ tfixkil kemm għall-ħajja nisranija ta’ min jidħol fihom kif ukoll għall-parroċċi nfushom u għall-Kappillani. Bħal f’kull ħaġa oħra, dan jitlob mixja flimkien biex inneħħu  dak li mhux Kristjan fil-festi tagħna. Il-Knisja minn dejjem tħabtet kontra dawn is-sitwazzjonijiet. Ħarġet normi sa mis-snin Tletin. Ħarġet Regolament dwar il-Festi Esterni fl-2004, u ġieli kellha tieħu wkoll passi dixxiplinari.  Fid-dawl ta’ din il-mixja, diġà kelli żewġ laqgħat ma’ dawk li jieħdu sehem fil-Festi, u se jkolli laqgħat mall-membri tal-Fratellanzi u taż-żgħażagħ li jgħatu s-sehem tagħhom fil-Festi.

X’inhuma r-realtajiet pożittivi tal-festi Maltin li qed tirreferi għalihom?

Hemm realtajiet ta’komunitajiet Insara f’parroċċi miġbura flimkien jesprimu l-ferħ Nisrani tagħhom. U dan naħseb hu sinjal tajjeb ħafna. Għalkemm jien qatt ma trabbejt fil-festi, niftakar żewġ episodji li għallmuni li huma wkoll għandhom il-valur ġenwin tagħhom, meta jsiru sew. Wieħed minnhom kien ta’ żewġ xebbiet anzjani li jitolbu ħafna, jagħmlu ħafna karitajiet moħbija, jgħinu fil-Knisja, li kienu juruni l-ferħ tagħhom meta tiġi l-festa tar-raħal tagħhom. Fil-każ tagħhom il-festa ma kenitx tfixkel, anzi tgħin il-ħajja Nisranija tagħhom. Episodju ieħor huwa ta’ raġel li darba kien jaħdem ħafna għall-Festa iżda mbagħad telaq biex jingħata għall-ħidma pastorali tal-parroċċa. Darba meta kien hemm ċans li l-festa ma ssirx qalli: “Le, Kappillan, tajjeb li l-paroċċa jkollha l-festa tagħha, għaliex tgħaqqadna lkoll fil-ferħ”. Dawn huma żewġ tagħlimiet li jien ħadt.

U dwar dawk li huma mdaħħlin f’dawn l-attivitajiet u li jippretendu li jiddettaw dak li jsir fil-parroċċi f’numru ta’ kwestjonijiet importanti, tagħraf li jeżistu u beħsiebek tagħmel xi ħaġa dwarhom?

Iva. Nagħraf li jeżistu realtajiet bħal dawn f’xi parroċċi, imma żgur mhux f’kollha. Fejn jeżistu, dawn ovvjament ma jistgħux jitħallew jagħmlu kif għidt fil-mistoqsija, għalkemm il-mod li bih irrid nitratta magħhom hu b’mod meqjus u bl-imħabba, u mhux billi ngerrex. Dan anke min jidgħi; irrid nurih li qed jiżbalja u li m’għandux jibqà jagħmel hekk. Ma naħsibx imma li s-soluzzjoni tkun li ngħidlu “Isma, itlaq l’hemm u tersaqx aktar lejn il-Knisja.”

Il-Knisja spiss twiddeb kontra l-abort, li Malta kull ma jriduh huma biss erbgħa qtates, tant li int u l-kollega tiegħek t’Għawdex ħriġtu stqarrija meta Dr. Gomperts ġiet Malta. Qatt imma ma faħħartu n-newtralità u/jew ħriġtu stqarrija meta f’pajjiżna jidħlu vapuri tal-gwerra li ma tantx jirrispettaw il-valur tal- ħajja. Ma tarax li hemm kontradizzjoni f’dan kollu?

Naħseb li l-abort u n-newtralità huma żewġ realtajiet differenti. L-ewwel nett ma naħsibx li xi ħadd se jiddispjaċih li l-Knisja qed tgħolli leħinha kontra l-abort. Huwa privileġġ għal pajjiżna li ma ċappasx idu bid-demm ta’ l-innoċenti u dawk li ma jistgħu jiddefendu rwieħhom.  Ovvjament jibqà l-impenn u l-obbligu biex ngħinu lil dawk li jkunu mbuttati biex jagħmlu l-abort minħabba xi problema soċjali u finanzjarja. Dan, il-Knsija dejjem għamlitu, u trid tkompli tagħmlu aktar.    

Ma naħsibx li l-abort u n-newtralità huma l-istess ħaġa. Fil-każ  ta’ abort m’hemmx kunflitt fil-kuntest ta’ aggressur u difensur: hija għażla biss min-naħa waħda biex tneħħi lil xi ħadd li għax għadu ma twelidx, wieħed jistà jikkunsidrah mhux milqugħjew iqisu ta’ tfixkil, u allura joqtlu. Fil-każ tan-newtralità għandek id-dinja komplessa fejn sfortunatament hemm aggressur u dawk li jistgħu jiġu aggrediti. Id-duttrina tal-Knisja dejjem kienet li l-ebda pajjiż ma jistà jkun aggressur: din tiġi gwerra inġusta.

Allura l-kunċett tan-Newtralità meta ġie mdaħħal fil-Kostituzzjoni ta’ Malta kien jagħmel ħafna sens, meta l-pajjiż  setà jidħol  f’waħda miż-żewġ alleanzi tal-Gwerra Bierda li setgħu ikunu aggressivi. Forsi dan il-kunċett jistà jiġi elaborat fil-Parlament  u f’diskussjoni pubblika aktar ġenerali fil-kuntest tar-realtà ġdida globali (li hija differenti mill-Gwerra l-Bierda, allavolja xi kultant jibda jberraq), u fil-kuntest tad-daħla ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Jekk Malta tistax u għandhiex tagħti kontribut għall-paċi billi tagħti s-sehem tagħha, anke miltari, fil-kuntest ta’ aggressjoni ċara kontra pajjiż aktar dgħajjef (kif ngħidu aħna ġara kontra l-Kosovo).

F’April ta’ l-2003 George Bush kien irringrazzja lill-gvern Malti ta’ l-għajnuna li kien ta lis-sitt flotta Amerikana u għas-sehem tiegħu fil-gwerra kontra t-terroriżmu (“I am grateful to you and the Maltese people for your support to the United States Sixth Fleet, and for your efforts to combat global terrorism.” The Times April 23, 2003). Issa f’dan iż-żmien, il-mod li Bush kien qed jiġġieled it-terroriżmu kien permezz tal-gwerra ta’ l-Iraq, gwerra li kulħadd, bil-Vatikan fuq quddiem, kien jirrikonoxxi li m’hix ġusta. Jekk tqum sitwazzjoni fejn pajjiżna jgħati appoġġ loġistiku għal gwerra li m’hix ġusta, toħroġ stqarrija bħalma ħriġt fil-każ ta’ Dr Gomperts?

Naħseb li din hi sitwazzjoni ipotetika, u m’għandix nirrisopondi fuq sitwazzjoni ipotetika.  Hi bħallikieku tistaqsini kif tirreaġixxi jekk ikun hemm nies fil-qamar…

Taħseb li hi sitwazzjoni ipotetika, u mhux xenarju possibli fil-kuntest li qiegħdin fih?

(Nota: L-Arċisqof ma weġibx għal din it-tieni mistoqsija)

Riċentament ilmentajt li l-vuċi tal-Knisja hi l-unika waħda li qed tiġi mxekkla minn ċerti medja. Issa l-Knisja Maltija għandha mezzi biex twassal il-messaġġ tagħha li l-ebda Knisja oħra m’għandha. Jekk wieħed jiġbor flimkien in-nies li jattendu l-quddies tal-Ħadd fejn jitwasslilhom il-messaġ tal-kleru, jikseb numru li l-istituzzjonijiet l-oħra jistgħu biss joħolmuh. Barra minn hekk, il-Knisja tikkontrolla żewġ stazzjonijiet tar-radju u tippublika gazzetta. Wieħed jistà jsemmi wkoll il-bosta programmi reliġjużi li jittellgħu b’mod regolari fuq it-televiżjoni u r-radju, fejn fi wħud wieħed jistà jismà kuljum ir-reċtar tar-rużarju. Barra minn hekk, il-Knisja hi l-unika istituzzjoni li għandha għalliema mħallsa mit-taxxi tal-poplu biex iwasslu l-messaġġ tagħha fl-iskejjel ta’ l-istat darbtejn fil-ġimgħa (isiru lezzjonijiet tar-reliġjon aktar minn dawk ta’ l-istorja). Il-kattoliciżmu hi l-unika reliġjon li l-iskejjel u l-medja jagħrfu, anke meta jiddiskutuha. Ma jidhirlekx li, meta wieħed iqis dan, l-ilmenti tiegħek huma xi ftit fiergħa?

Ovvjament, f’pajjiż demokratiku kulħadd juża l-media. Naħseb li hu ovvju, u mhux privileġġ, li fejn il-parti l-kbira tal-popolazzjoni huma Kattoliċi, jkun hemm aktar ‘output’ ta’ l-istess Knisja minħabba li n-numru ta’riżorsi huma akbar. F’dan is-sens li l-Knisja Kattolika tirrifletti l-aderenza tal-poplu lejha anke fil-media. Ma naħsibx ukoll li hi eżatt tgħid li l-Istat iħallas l-għalliema tal-Knisja biex jgħallmu r-reliġjon Kattolika. Ir-reliġjon Kattolika hija r-reliġjon ta’ l-Istat, għaliex hija parti mill-għażliet li għamel il-poplu Malti. Fit-tagħlim tar-reliġjon Kattolika, l-Istat qiegħed jara li ż-żagħżagħ tiegħu jitrawmu f’komportament tant importanti tal-karattru u t-tradizzjoni Maltija li hija t-twemmin Nisrani, bħalma jrawwimhom, fuq l-Ewropa, l-Istorja, eċċ. U huwa fatt, li meta nitkellmu fuq manifestazzjonijet esterni tar-Reliġjon, bħalma huma l-Festi, dawn jiġu mxandra sew għaliex il-poplu jieħu gost bihom.     

Jien meta għamilt il-kumment li tirreferi għalih int, kont qed nitkellem fuq realtà oħra. Hija r-realtà li f’soċjetà li dejjem aktar qed issir pluralistika, hemm dibattitu aktar wiesà fuq suġġetti etiċi li l-Knisja trid tidħol fuqhom bħala vuċi oħra. Dawn huma valuri li, meta ħafna fis-soċjetà Maltija u Ewropea jaqblu fuqhom allura jiġu rraportati fedelment, bħalma huma issues marbuta mal-protezzjoni tal-Ambjent, eċċ. Hemm imbagħad issues oħra li wkoll huma importanti ħafna għaliex jitrattaw iż-żwieġ u l-familja, u l-ħajja umana fl-aktar mumenti dgħajfa tagħha, fil-ġuf jew fl-anzjanità u l-mard, li huma issues li ma jaqblux mall-kultura prevalenti, li l-pożizzjoni tal-Knisja fil-media ‘ħielsa’ jew ma jiġux rappreżentati sew, jew jingħażel xi ħadd li ma jaqbilx mall-pożizzjoni vera tal-Knisja biex jirrapreżentaha, jew li meta tiġi ppreżentata tiġi proposta flimkien ma’ xi ħadd li jipprova jwaqqagħha mall-ewwel, u jgħajjar li huma stupidi, jew fundamentalisti (ma nafx eżatt xi tfisser ħlief li wieħed jgħid dak li jemmen, b’rispett għal ħaddieħor – hemm fundamentalisti fuq in-naħa tat-tagħlim nisrani, iżda wkoll fuq in-naħa liberali). Jien f’dan il-kuntest li semmejt li l-Knisja trid tifhem li hija vuċi fost il-ħafna f’soċjetà pluralistika, u ma tistax tibqà taħt xokk li tiġi attakkata; u li dawk li jmexxu l-media ħielsa jaċċettaw li jistà jkun hemm vuċi li m’hix politikament jew kulturalment korretta b’rispett, mingħajr ma jwaqqgħuha għaċ-ċajt. Il-liberaliżmu jistà jkun intolleranti daqskemm tistà tkun intolleranti (u kienet) il-Knisja bil-membri tagħha.

Għamilt kuntrast bejn il-valuri liberali u dawk Insara. Taħseb li t-tnejn huma inkompatibbli?

Dejjem skond x'nifhmu bil-kliem li qed nużaw. Jekk b’ “Liberali” qed nifhmu rispett lejn kull opinjoni, allura hija ħafna kompatibbli mal-valuri Nsara. Jekk b’ “Liberali” nifhmu idejoloġija li hija magħquda mar-relattiviżmu, hekk li m’hemmx prinċipji u valuri universali, allura ma tistax tkun kompatibbli mal-valuri insara.

Ftit taż-żmien ilu Dr Carmel Borg irrefera għall-eżami tal- Common Entrance li bih studenti huma jidħlu fi skejjel Kattoliċi u nnota li l-inkonsistenza ta’ din il-proċedurà mal-għażla preferenzjali għall-foqra li l-Knisja suppost tħaddan. Dak in-nhar int weġibt li ridt ftit żmien biex taħseb fuq il-qagħda u tifforma l-opinjoni tiegħek.  Dan it-tħammim għamiltu jew le?

Fil-fatt, għalkemm mhux kulħadd jaqbel magħha, id-dħul fil-klassijiet iż-żgħar ta’ l-iskejjel immexxijin mill-Knsija f’Mlata isir permezz ta’ polza (ballot) li fih kulħadd għandu ċ-ċans li jidħol f’dawn l-iskejjel tal-Knisja. L-uniċi li huma ‘preferuti’ huma dawk li għandhom kundizzjoni soċjali jew fiżiċi li jitolbu trattament speċjali, jew inkella l-aħwa, minħabba l-konvenjenza li min għandu aktar minn wild ta’ l-istess sess, ikun jistà jwassalhom flimkien fl-iskola, u juża l-istess affarijiet wżati fl-istess skejjel.

Sfortunatament l-iskejjel tal-Knisja m’għandhomx post għal dawk kollha li jixtiequ jidħlu fihom. Hemm żewġ fatturi li tajjeb wieħed jaħseb fuqhom. L-ewwel fattur hu l-kontinwità, hekk li min jidħol fl-iskejjel tal-Knisja jkollu dritt li jibqà miexi sal-klassijiet sekondarji milli hemm fl-iskejjel primarji tal-Knisja. Minħabba hekk għal xi wħud mill-iskejjel tas-subien biss, kien hemm bżonn eżami (il-common entrance) biex jintgħażlu dawk biex jimlew il-postijiet fil-livell sekondarju. Dan ifisser li għall-bniet m’hemmx common entrance u għal xi wħud mill-iskejjel tas-subien lanqas hemm common entrance.

Dan l-eżami, għalkemm kien jagħti ċans lil kulħadd biex joqgħod għalih, dawk li ġejjin mill-iskejjel tal-Knisja u dawk mill-iskejjel oħra, ovvjament kien okkażjoni ta’ pressjoni żejda fuq it-tfal u l-familji tagħhom. Din is-sitwazzjoni hija l-istess bħall-eżami tad-dħul fil-Junior Lyceums. Bħal kull eżami, jiddependi fuq l-intelliġenza tat-tfal. Bħalissa, l-iskejjel tal-Knisja qed jieħdu sehem f’diskussjonijiet mat-Taqsima ta’ l-Edukazjzoni dwar il-futur ta’ dawn iż-żewġ eżaminjiet li jissejħu Eleven Plus. Għaddejjin ukoll b’diskussjonijiet bejniethom biex jaraw kif din is-sitwazzjoni tistà titranġa. Ovvajment dan jitlob ħafna ħsieb u pjanar.

Taħseb li wieħed jistà jitkellem dwar valuri bħal solidarjetà, imħabba, rispett u fedeltà meta qed ngħixu f’soċjetà kapitalista fejn il-ġid jinħoloq bil-kompetizzjoni, bl-individwaliżmu u bis-suq ħieles fejn l-importanti hi l-gratifikazzjoni li wieħed jieħu u l-qliegħ li wieħed jagħmel? Is-sempliċi priedki u appelli huma biżżejjed, jew forsi għandna nibdew naħsbu fuq mudelli alternattivi għall-kapitaliżmu?

Il-Knisja m’hi marbuta ma’ ebda sistema soċjali waħda, u dan qalitu kemm il-darba. Li jinteressaha hu l-bniedem, bid-drittijiet kollha tiegħu fis-soċjetà. Il-Knisja fid-Duttrina Soċjali tagħha dejjem analizzat iż-żewġ sistemi prinċipali li kien hemm fis-soċjetà sa ftit snin ilu.  Kienet tanalizza l-istat mil-lenti tal-Komuniżmu Soċjali u kienet tara l-effetti pożittivi bħalma huma ħafna drabi, illi l-ġid kien imqassam aħjar bejn kulħadd, iżda rat ukoll li ħafna drabi il-prezz kien il-libertà taċ-ċittadini fl-espressjoni, fin-nuqqas ta’ l-elementi tas-sehem tal-poplu f’sistema ta’ elezzjoni. Dawn in-nuqqasijiet xi drabi taw bidu għal sistemi ta’ dittatorjat.

Is-sistema l-oħra hi l-Kapitaliżmu Liberali, u l-Knisja minn dejem rat ukoll l-elementi pożittivi ta’ din is-sistema, iżda rat ukoll il-possibiltà ta’ inugwaljanza u inġustizzji bejn il-membri tas-soċjetà, kemm fil-pajjiż bejn membri differenti ta’ l-istess soċjetà u kemm fuq livell globalizzat bejn pajjiż u ieħor. Dan hu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-kapitaliżmu “Jekk b’kapitaliżmu nifhmu sistema ekonomika li tagħraf ir-rwol fundamentali u pożittiv tal-kummerċ, is-suq, il-propjetà privata u r-responsabilità li toħroġ minn dan, għall-mezzi tal-produzzjoni, kif ukoll il-kreattività umana ħielsa fis-settur ekonomiku, allura t-tweġiba hija pożittiva, anke jekk ikun aħjar li nitkellmu dwar eknomija tan-negozju, tas-suq, jew sempliċiment ekonomija ħielsa. Iżda jekk b’kapitaliżmu nifhmu sistema li fiha l-libertà fis-settur ekonomiku ma jitqiegħdx ġewwa struttura ġuridika qawwija li tqiegħdu fis-servizz tal-libertà umana fit-totalità tagħha, u li taraha bħala aspett partikulari ta’ dik il-libertà, li l-qalba tagħha hi etika u reliġjuża, allura t-tweġiba hi ċertament negattiva.” (Ġwanni Pawlu II, Centesimus Annus, 1991, n.42)  

Iżda tajjeb li wieħed jibda jara mudelli alternattivi għas-soċjetà u jaħseb fuqhom, u jipproponihom għall-attenzjoni tal-poplu tagħna u għal dibattitu fis-soċjetà.  F’dan ir-rigward naħseb li spiss issir kritika tal-mudell ekonomiku prevalenti imma ftit naħsbu f’alternattivi. Hawnhekk tajjeb ikun hemm dibattitu u fora, anke bħall-ġurnal tagħkom. Fuq livell internazzjonali hemm esperimenti bħal ta’ Chavez fil-Veneżwala u Lula fil-Brażil li nistgħu inħarsu lejhom bħala mudelli ġodda, li wieħed għandu jistenna ħa jara x’joħroġ minnhom.

Home Page