Kuba; Togħma Latina ta’ poplu qalbieni
Esperjenza ta’ tliet Maltin f’Kuba -
Christopher Cutajar

Zminijietna Harga Lulju – Settembru 2008

 

Bejn it-3 u d-19 ta’ Lulju li għaddew, tliet żgħażagħ Maltin kellhom ix-xorti jesperjenzaw is-soċjeta’ Kubana, f’mawra kulturali u edukattiva li tathom tagħlim fuq il-post dwar diversi aspetti ta’ din l-akbar gżira fil-Karibew.

David Pisani, Roderick Azzopardi u jien tgħallimna dwar il-mod kif titħaddem id-demokrazija f’Kuba, fejn ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ u n-nisa hija waħda qawwija f’kull livell, ċjoe’ fl-irħula u fl-ibliet, u saħansitra fl-Assemblea Nazzjonali li hija bħal-Parlament tagħna. Tgħallimna dwar l-istorja ekonomika li kellha tgħaddi minnha Kuba kemm qabel ir-Rivoluzzjoni mwettqa mill-Moviment tas-26 ta’ Lulju u anke mill-1959 lil hawn. Il-perjodu ta’ l-aħħar kien ikkaratterrizzat minn dipendenza kummerċjali li taqbeż it-80% f’patti bilaterali ma’ l-Unjoni Sovjetika. Il-waqa’ ta’ l-istess Unjoni li wasslet lill-Kuba tgħaddi minn perjodu diffiċli immens għaż-żamma tar-Rivoluzzjoni (l’hekk imsejjaħ Perjodu Speċjali), u r-riformi ekonomiċi li ġew fl-istess żmien għall-ftuħ lejn muniti bħad-Dollaru u anke għat-tisħiħ ta’ l-industrija tat-turiżmu kienu sors ta’ kapital bħala sostenn għar-Rivoluzzjoni. Preżentament Kuba daħlet fi proġett imsejjaħ Alba flimkien mall-Venezwela li fih qed issir għajnuna reċiproka bejn iż-żewġ pajjiżi.

Is-sitwazzjoni kerha li ħafna mill-medja tpenġi dwar Kuba ma hija xejn ħlief ħrafa. Fil-postijiet kollha li żorna, tibda mill-qalba tal-Kapitali tal-Havana sa raħal żgħir fi Cienfuegos, in-nies għandha x’tiekol u għandha x’tilbes. Għandha fejn toqgħod, titgħallem u tiddeverti. Dan għall-kuntrarju ta’ popli li qiegħdin ftit ‘l bogħod minnhom bħal Haiti, Honduras u l-Urugwaj li fihom issib nies li biex jieklu iqallbu fiż-żibel. Dan ma ngħidu bl-ebda disprezz għal dawn ta’ l-aħħar, iżda nagħmel dan bħala paragun f’loku li jpoġġi lill-Kuba u lill-Kubani fil-kuntest politiku li jixirqilhom jitpoġġew.

Ċertament li ż-żjajjar tagħna fil-Mużew tar-Rivoluzzjoni, fil-Pjazza prinċipali tal-Havana fejn jinsab il-monument iddedikat għal Jose’ Marti’ (poeta u ġellied għall-Indipendenza mill-Ispanjoli fis-seklu 19) ħallew timbru fuqna. Tħalla fuqna timbru akbar meta żorna l-monument iddedikat lil Ernesto ‘Che’ Guevara li jinsab midfun f’Santa Clara flimkien mall-gwerrillieri li marru miegħu bit-tentattiv li jwasslu r-Rivoluzzjoni fil-Bolivja fis-snin sittin. Il-mawra tagħna fejn sar it-twaqqif tal-ferrovija mimlija armi tar-reġim ta’ Fulgencio Batista, (operazzjoni mmexxija minn Che Guevara nnifsu u li waslet għar-rebħa tar-Rivoluzzjoni tlett ijiem wara), kompliet tgħinna niskopru fid-dettal l-istorja ta’ dan il-poplu.

Il-158 persuna Ewropea, li pparteċipajna f’din il-Brigata Jose’ Marti’ (li fil-parti l-kbira tagħna konna żgħażagħ), tajna kontribut b’xogħol volontarju għal erba’ nofs ta’ nhari konsekuttivi. Ix-xogħol li wettaqna kien li qlajna ħaxix ħażin f’għalqa kbira mimlija xtieli tal-jukka. Xitla, li tagħmel patata kbira li tissajjar u tittiekel f’dan il-pajjiż. Ix-xogħol li wettaqna kien apprezzat tant li fi tmiem il-jiem ta’ ħidma konna milqugħa bi żfin u mużika spettakolari fil-Kampament Julio Antonio Mella f’Caimito (60km bogħod mill-Belt Kapitali), il-lokalita’ li fiha qattajna l-biċċa l-kbira taż-żmien tagħna.

Kellna l-opportunita’ nżuru Poliklinika f’lokalita’ġewwa Cienfuegos. Fiha jingħata servizz ta’ tabib għall-viżti, servizz ta’ Emerġenza, tilqim mill-mard, fiżjoterapija, sala ta’ osservazzjoni, laboratorju biex ikun eżaminat id-demm u diversi servizzi oħra. Jekk għandna nitgħallmu xi ħaġa minn dan il-pajjiż, żgur għandna nitgħallmu nħaddmu l-Kura Primarja tagħna b’aktar riżorsi u servizzi varji, sabiex ma nkomplux inżidu l-pressjoni fuq l-isptar ċentrali ta’ pajjiżna. Wisq probabbli n-nuqqas ta’ importanza lejn il-Kura Primarja f’pajjiżna ġejja mill-imħuħ tal-politiċi li jirraġunaw li sptar ileqq jiswa’ l-miljuni, għandu mnejn jattira aktar voti lejn il-Partit fil-Gvern milli jkollok aktar servizzi preventivi u mgħammra tajjeb fuq livell lokali. Jekk dan huwa minnu, fqir huwa l-moħħ tal-politiċi tagħna!

Impressjonanti l-fatt li dan huwa poplu li f’demmu għandu msawra n-namra għall-mużika u ż-żfin, fejn tista’ tgħid kwalunkwe’ Kuban kapaċi jagħraf il-ġeneru ta’ mużika li tkun qed tindaqq u jaqleb il-pass taż-żifna tiegħu skond ir-ritmu li jkun jinstema’. Tista’ tgħid li kull familja hija skola taż-żfin. Rigward il-mużika, mhux darba jew tnejn iltqajna ma’ gruppi ta’ mużiċisti li għalkemm idoqqu f’ristorant sempliċi, ikunu ta’ kwalita’ raffinata.

Naħseb illi dan il-pajjiż jinħtieġlu aktar industrijalizzazzjoni sabiex ikun jista’ jkollu l-kapaċita’ li joħloq aktar ġid għalih innifsu u jsir dejjem aktar indipendenti. Fl-istess waqt nawgura lil dan il-poplu simpatku sabiex filwaqt li jimxi fuq dan il-perkors iħalli s-sostenibilita’ ekoloġika u ambjentali bħala waħda mill-prinċipji inaljenabbli tiegħu.

Nemmen ukoll li l-poplu Kuban għandu jkun aktar espost għal kitbiet ta’ intelletwali Xellugin oħrajn, għaliex l-influwenza ta’ Fidel Castro għadha wisq qawwija, u b’hekk nibża’ li wara l-mewt tiegħu għandu mnejn jinħoloq vojt li jaf ikun ta’ detriment fil-kuxjenza politika ta’ dan il-poplu. Il-fatt li l-ħsieb m’huwiex iddettat jew ikkundizzjonat minn dawk li għandhom il-liri huwa wieħed pożittiv ferm, u b’hekk ħadd ma jkollu jħit ħalqu minħabba kompromessi ekonomiċi li jkollha l-midja, illi sa fejn naf jien jeżistu u jeżistu sew ġewwa pajjiżna.

F’isem sħabi nirringrazzja ferm lill-Għaqda Malta-Kuba li għenitna sabiex nagħmlu din il-ħolma realta’. B’din l-esperjenza stajna nifhmu aħjar ir-realta’ Kubana, u minn x’hiex għaddej dan il-poplu qalbieni li jkollu jaffaċċja l-Imblokk Ekonomiku ta’ l-Istati Uniti minn jum għal jum, u xorta jirnexxilu jqassam il-ġid b’tali mod li kulħadd għandu ċ-ċans li jitgħallem l-iskola, igawdi minn servizz tas-saħħa li jilħaq livelli Ewropej f’ħafna mill-oqsma, u għad għandu kultura li ma hix iddettata mill-ħin u mill-flus.

 

Articles Main Page