Konfederazzjoni tat-trejdjunjins - Editorjal Zminijietna

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

“Kull deni ħudu b’ġid”, jgħid il-Malti. U dan huwa minnu fil-każ tat-trejdjunjins li ddeċidew li jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex juru l-għadab tal-ħaddiema li jirrapreżentaw għall-għoli eżaġerat fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Kontijiet li bl-anqas diċenza min-naħa tal-gvern daħlu fis-seħħ xahar qabel ma ssemmew. Dan, il-gvern għamlu biex ikun jista’ jgħid li mall-kriżi dinjija jaf joħloq waħda oħra nazzjonali; fis-serje ta’ “Riċetti robusti għar-Riċessjoni”.

Aħna ninkoraġġixxu lill-unjins biex jilqgħu l-proposta ta’ Żminijietna - Leħen ix-Xellug sabiex fil-pajjiż titwaqqaf konfederazzjoni ta’ trejdjunjins. Din tkun konfederazzjoni li verament tinkludi l-unjins kollha fil-pajjiż. B’hekk meta dawk li jmexxu l-industriji, jew inkella l-gvern, ikunu beħsiebhom jgħattsu fuq waħda mill-kategoriji tal-ħaddiema f’pajjiżna, ikollna entita’ nazzjonali li lesta tiddefendihom. B’hekk id-drittijiet tal-ħaddiema ikunu emfasizzati daqs id-dmirijiet tagħhom.

Dan għandu jsir malajr kemm jista’ jkun, issa li l-mewġa ta’ l-għaqda bejn l-unjins ġiet mirkuba. Dan għandu jsir aktar u aktar meta nqisu li dawk illi għandhom il-mezzi tal-produzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-kapital f’pajjiżna diġa’ raw kif twaħħdu sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom aħjar. Il-Federazzjoni ta’ l-Industriji u l-Kamra tal-Kummerċ saru jissejħu sempliċiment “Il-Kamra”.  Il-ħaddiema ukoll jixirqilhom “kamra” għalihom.

Konfederazzjoni bħal din tkun tfisser li l-piż tal-vuċi tat-trejdjunjins jikber fit-toqol tiegħu meta jaslu quddiem il-mejda fil-fora bħalma hija l-MCESD. Ikun ifisser li l-azzjonijiet industrijali msejħa mill-unjons jibdew idoqqu qniepen akbar f’widnejn min ikun jinħtieġlu jismagħhom. Dan għaliex meta jkun jaf li wara unjon hemm saħħa ta’ konfederazzjoni, jaħsibha darbtejn ikunx intransinġenti bla bżonn f’għemilu.

Konfederazzjoni bħal din ma ċċaħħad lanqas bi ftit mill-identita’ ta’ waħda mill-unjins. Minn flok, issaħħaħ it-trejdjunjoniżmu Malti, biex bil-mod il-mod joħroġ mill-era tal-firdiet politiċi bipolari għaliex il-kwistjoni tal-kwalita’ ta’ l-għixien tal-ħaddiema ma tafx b’kuluri.

 

 

Articles Main Page