Demokrazija tal-Ġungla  - A. Pert

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

Is-suq komuni Ewropew (EEC) twaqqaf ħamsin sena ilu bit-trattat ta’ Ruma, bil-għan li jiffaċilita l-kummerċ bejn is-sitt stati li oriġinawh. Ir-rabta kummerċjali evolviet u espandiet ukoll fil-qasam   ekonomiku u politiku. F`erba fażijiet ta espansjoni, kibret f`għaqda ta 27 stati msejħa Unjoni Ewropeja.

L-UE ħadet bixra ta’ entita’ kummerċjali multinazzjonali, intiża biex tikkompeti mall-blokka kummerċjali ġganteska l-oħra ta’ l-Istati Uniti, u ma’ l-intrapriżi tal-Lvant li jipproduċu bi spejjeż ferm orħos. Għal din l-ambizzjoni bbażata fuq l-aspettattivi tal-kummerċjanti u s-sidien il-kbar, l-UE qegħda titfa’ l-interessi soċjali u ndustrijali tal-ħaddiema f`post lura fil-lista tal-prijoritajiet tagħha.

Mil-lat industrijali, l-UE tinsa’ għal kollox id-demokrazija, u tiffunzjona fuq bażi ta’ intrapriża multinazzjonali, fejn id-deċiżjonijiet jinżlu minn fuq kif jaqbel lill-propjetarji, bla ebda konsultazzjoni jew kunsiderazzjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tan-nies tas-saffi l-oħra tal-intrapriża.                     

Allaħares ma kienetx l-għaqda tat-trejdjunjins Ewropej (ETUC) li b`ħidma kollaborata bil-għaqal rażżnet id-“direttiva tas-servizzi”, u b`azzjonijiet intelliġenti f`waqthom ta’ solidarjeta fil-portijiet madwar l-Ewropa, salvat darbtejn lill-ħaddiema tax-xatt, minn miżuri degradanti li riedet timponi kontrihom l-UE, għall-gwadann tan-negozjanti l-kbar. Aktar ma l-ħaddiema jsaħħu s-solidarjeta’ ta’ bejniethom fuq skala Ewropeja, aktar iżommu mrażżna dik il-kilba inumana tal-allat tal-flus.

Politikament l-UE ilha tipprova ddaħħal dan l-istess stil awtoritarju, billi tgħaġen l-operat fuq mudell ta’ superstat, li bil-poter ċentralizzat f`idejn nies appuntati u mhux eletti, jiddeċiedi l-politika barranija, soċjali, fiskali, monetarja, u tad-difiża komuni, ‘l fuq u ‘l barra mis-sovranita’ ta’ l-istati membri ndividwali. Dan għadu ma seħħx kif pjanat għax il-popli ta’ Franza, l-Olanda u l-Irlanda, ma approvawhx meta tressqilhom f`referenda separati.

Meta tliet snin ilu ċ-ċittadini Franċiżi u Olandiżi rrifjutaw dawk il-kundizzjonijiet miktuba f`kostitu-zzjoni, tekniċi tal-UE kitbuhom bl-istess sustanza fi kliem ieħor irtokkjat, f`abbozz ta ftehim kuntratt-wali. L-irjus ta’ l-istati membri approvaw l-abbozz bil-ftehim ta’ Liżbona, u bl-eċċezzjoni ta’ l-Irlanda ddeċidew li jirratifikawh fil-parlamenti rispettivi, biex jidħol fis-seħħ bla ma jippreżentawh għal approvazzjoni tal-poplu. Daqstant tirrispetta d-demokrazija l-makna politika ta l-UE !

Fortunatament għal min jemmen fil-prinċipji demokratiċi, il-gvern Irlandiż irrispetta l-intelliġenza u s-sens ta responsabilta taċ-ċittadini tiegħu, billi talabhom jiddeċiedu f`referendum dwar ir-ratifika. Il-maġġoranza ta’ l-Irlandiżi qalu le għat-trattat. Stqarrew li ma jridux tbagħbis man-newtralita ta’ pajjiżhom u li ma jridux jiġu mplikati f`pattijiet militari, u li ma jridux iċedu s-sovranita politika/monetarja/legali  tagħhom lil-poter ċentralizzat ta’ l-UE, li fid-deċiżjonijiet li jieħu ma jkollhomx ħlief sehem remotissmu anke fejn jinvolvi lill-Irlanda.                                                                                                      

Smajna politiċi prominenti jheddu lil-Irlandiżi, u oħrajn qed imexxu l-ħarira biex il-proċess tar-ratifika jitkompla qisu ma ġara xejn. Veru unjoni demokratika li tqanqal l-għira ta’ l-abitanti tal-ġungla. Irid ikun it-tisħiħ ta’ moviment ġenwin xellugi fi ħdan l-unjoni, biex jeħles lill-istituzzjoni minn din l-inumanita u biex jinnewtralizza r-reżistenza tal-lemin għal politika ta “Ewropa Soċjali” li jrid ix-xellug.

Apparti li jistonaw doppjament meta jiġu min-nies li m`humiex demokratikament eletti, dawn il-kundizzjonijiet ta’ impożizzjoni tal-poter ċentralizzat barrani, jolqtu negattivament lill-istati membri kollha b`impatt li jvarja skond il-karatteristiċi partikolari ta’ kull stat. Per eżempju, aktar ma stat ikun żgħir, iżjed tisfaxxalu s-sovranita’. Aktar ma pajjiż ikun ‘l barra fil-periferija tal-għaqda, u/jew f`pożizzjoni etnikament jew militarment strateġika, iżjed jitlef sigurta’ bit-telf tan-newtralita.

Dawn huma biss tnejn mil-kundizzjonijiet li fuqhom l-Irlandiżi rrifjutaw it-trattat ta Liżbona. Lilna jolqtuna wisq iżjed fil-laħam il-ħaj, għax aħna ħafna iżgħar mill-Irlanda u ninsabu f`qagħda strateġika ferm aktar delikata minn ta’ l-Irlandiżi.
                                                                                                   
Imma fl-opinjoni ta’ l-onorevoli parlamentari tagħna (f`Malta), aħna m`għandniex intelliġenza u sens matur ta responsabilta bħall-Irlandiżi. Anzi bħat-tekniċi ta’ l-UE, l-MP`s f`Malta ma jaqblux ma min irrispetta ċ-ċittadini b`referendum, u jsostnu li fejn intilef il-każ jerġa jittieħed vot għal kemm il-darba jkun meħtieġ, sakemm tgħaddi tal-unjoni. U l-popli jħallsu għall-propaganda sfrenata li tassigura dik il-mira. Din hija demokrazija tal-ġungla, fejn l-annimal il-kbir jibqa’ jippersegwita u jiġri wara l-vittma, sakemm jgħajjieh u jiddominah.                                                                                                        

F`Malta nsolentawna iżjed minn hekk, għax mhux biss ma ttollerawx referendum, imma talli lanqas kellhom diċenza jsemmu xejn mit-trattat, ħlief li bih Malta tirbaħ siġġu ieħor fi Brussell. Dik stima lejn l-intelliġenza taċ-ċittadini! Bħalma jgħodd għal ħafna gvernijiet oħra membri tal-UE li jibżgħu mid-demokrazija daqs il-gvern Malti, il-parlament tagħna jqisna tajbin biss biex nagħżlu deputati parl-amentari bravi u mnebbħin minn fuq, biex imexxuna minn imnieħerna b`għajnejna magħluqin.

Tgħid ir-riżultat elettorali ndeċiż ta Marzu`08, li ma ta poter maġġoritarju parlamentari lil ebda partit, jirrappreżenta xi element tar-reazzjoni popolari ntelliġenti, kontra dan l-insult ripetut anti-demokratiku taż-żewġ naħat ta’ l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna?

 

Articles Main Page