Huma u Ahna - Alfred Consiglio

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

Politiċi, akkademiċi u kummentaturi politiċi qiegħdin kontinwament jgħidulna li fid-dinja moderna m’hemmx aktar dak li nafu bħala klassi.  Kunċetti li tappartjeni lill-klassi tal-ħaddiema huma, jgħidulna, li għadda żmienhom u jappartjenu ż-żmien tal-brieret, fabbriki u tarznari.  Madankollu, minkejja ‘l ħafna drabi li jgħidulna hekk, aħna determinati li nibqgħu ma nemmnuhomx.

Ċaħdiet bħal dawn mill-politiċi u akkademiċi ta’ dak li huwa żgur huma riflessjoni waħda ċara tal-lotta tal-klassi; oħra hija l-inugwaljanza li hija mxerrda fl-aspetti kollha ta’ pajjiżna.  Huwa b’dan f’moħħna li rridu nħarsu lejn il-qasma li hawn f’dak li huwa faqar u aċċess għal servizzi tas-saħħa.

Mod ieħor kif il-qasma qed timmanifesta ruħha hija kif il-poplu qed ikun ittrattat meta l-affarijiet imorru ħażin.  Jew biex inpoġġuha mod ieħor – regola waħda għalihom u regola oħra għalina.

X’tistenna li jiġri li kieku kellek tħarbat kompletament ix-xogħol tiegħek jew titlef postok fil-parlament?  Tislima u għotja sabiħa ta’ eluf ta’ ewro kif ukoll penzjoni tajba ħafna?  Forsi le iżda dak li mexxa l-Voice of the Mediterranean u wara li l-istazzjon falla u kellu jagħlaq, ingħata pożizzjoni prestiġjuża bħala ambaxxatur. Jew xi sitt xhur salarju lill-ex-ministri li tilfu posthom jew ma reġgħux inħatru fil-Kabinett.  Mhux hekk imma ġew ittrattati l-eluf ta’ ħaddiema li tilfu ħobżhom wara li l-fabbriki fejn kienu jaħdmu għalqu.

X’tistenna li jiġri li kieku tinqabad twarrab u tissifuna eluf ta’ ewro billi timpjega lil tal-familja u l-ħbieb? Forsi sospensjoni, u wara qiesu qatt ma ġara xejn.  Kuntrast verament jispikka għat-trattament lil dawk li jinsabu taħt il-linja tal-faqar li jkunu suspettati li qed iqarrqu fit-talbiet għall-għajnuna soċjali.

Dawn huma ftit mill-eżempji l-aktar prominenti kif is-sistema hija vantaġġjata favur il-mexxejja tagħna u l-bosses.  Dawn in-nies mhux biss jieħdu trattament differenti, huma jemmnu li assolutament huma intitolati għal dan.  U bit-tnaqqis ekonomiku li riesaq, aqta’ min taħseb li se jbati l-konsegwenzi?

L-attakki diġa’ bdew.  It-tneħħija ta’ l-għajnuna biex jissewwew galleriji ta’ l-injam, il-liberalizazzjoni  tal-prezz tal-ħobż, u r-reviżjoni ‘l fuq tas-‘’surcharge” fuq il-“fuel”. Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass. Żieda fil-liċenzji tal-karozzi li ma jirriflettux id-dhul tas-sewwieqa tagħhom.

Jekk l-attakki tal-gvern fuq il-ħaddiema jridu jkunu mreġġa’ lura, l-attivisti sindikalisti u attivisti oħrajn fuq il-post tax-xogħol iridu jużaw l-għadab u l-momentum li qed jinħmew biex iqajmu u jistabbilixxu mill-ġdid ħoloq bejn il-postijiet tax-xogħol li jmorru lil hinn mill-qasmiet imposti mit-trejdunjins riformisti.

Hija din ix-xorta ta’ pressjoni dejjem tiżdied għal azzjoni li tista taħtaf il-kontroll tal-ġlieda mill-mexxejja moderati, timpedihom milli jagħmlu ftehim ta’ kafkaf u inadegwat minn wara daharna.

Lil hinn mill-fabbriki, it-tnaqqis fl-ekonomija żgur sa jħarrax b’mod inevitabbli l-inugwaljanza tat-titwib, li snin ta’ ħakma Nazzjonalista serviet biss biex twessa’.  Madankollu, hemm sinjali ta’ tama ta’ kultura dejjem tikber ta’ reżistenza.  Żvilupp li jispirak jinvolvi l-użu ta’ prinċipji ta’ azzjoni diretta biex jgħelbu uffiċjali u illegalita’ f’oqsma bħal “housing”.  Il-potenzjal għal din ix-xorta ta’ avviċinament, li jagħti setgħa lill-ħaddiema għal deċiżjoni diretta għall-offensiva anti-ħaddiema tal-gvern Nazzjonalista, huwa ċar ħafna.

Articles Main Page