Il-Futur tal-GWU - Michael Briguglio

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

Hekk kif il-General Workers’ Union qiegħda tiċċelebra l-ħamsa u sittin annivesarju tagħha tajjeb li wieħed ifakkar il-kisbiet ta’ din l-unjin għall-klassi tal-ħaddiema. Biżżejjed wieħed isemmi li din l-unjin kienet protagonista fil-kostruzzjoni tal-welfare state Malti, liema welfare state għen biex il-ħaddiema Maltin ikollhom dinjita’ u jirbħu bosta drittijiet. Iżda f’din il-kontribuzzjoni jien nixtieq niffoka fuq il-futur tal-GWU, speċjalment jekk il-GWU għandha tibqa’ mutur ewlieni għall-kisbiet tal-ħaddiema f’Malta.

Il-General Workers’ Union għandha taddatta għall-bidliet ekonomiċi, politiċi u soċjali f’Malta, liema tibdil għandu impatt qawwi fuq id-dinja tax-xogħol. L-ekonomija Maltija għaddejja minn tibdil qawwi fejn fost affarijiet oħra, qed jikbru l-oqsma tas-servizzi u fejn il-manifattura m’għandhiex id-dominanza li kellha xi snin ilu.

Il-klassi tal-ħaddiema għadha teżisti bħala klassi universali, u jeżisti sfruttar kbir f’oqsma varji, speċjalment fix-xogħol prekarju li qiegħed jiżdied. Iżda fl-istess klassi hemm pluralita’ sħiħa ta’ kategoriji soċjali u ta’ xogħolijiet partikolari. Hemm ħaddiema full-time fis-settur pubbliku u oħrajn fis-settur privat. Hemm ħaddiema part-time u oħrajn fuq kuntratt. Hemm ħaddiema żgħażagħ u oħrajn anzjani. Hemm maġġoranzi bħall-ħaddiema irġiel, iżda hemm ukoll minoranzi kbar bħall-ħaddiema nisa, u oħrajn żgħar bħall-ħaddiema omosesswali, transesswali, eks-priġunieri u b’diżabilita’. Unjin li għandha appell popolari, għalhekk, għandha tagħraf dawn ir-realtajiet strutturali bil-għan li l-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali ikunu fuq l-aġenda soċjali tal-pajjiż flimkien ma’ prioritajiet ekonomiċi bħall-produttivita’.

Iżda jeżistu wkoll realtajiet li għandhom x’jaqsmu mall-perċezzjonijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ l-individwi. F’soċjetajiet moderni, in-nies huma influenzati minn ideoloġiji dominanti li jimbottaw stili ta’ ħajja bħall-konsum. Iżda fl-istess ħin, l-individwi huma riflessivi u kapaċi jagħmlu l-għażliet tagħhom. Il-ħaddiema jista’ jkollhom interessi komuni, iżda dan ma jfissirx li l-ħaddiema huma ta’ fehma waħda. Riċerka soċjoloġika f’Malta turi li n-nies iħalltu valuri ‘materjalisti’ u dominanti bħall-paga u s-sigurta’ ma’ dawk ‘post-materjalisti’ bħad-drittijiet ta’ l-individwu u l-għażla, u fejn fl-istess persuna, l-identita’ tal-ħaddiema hija identita’ waħda fost oħrajn, li jinkludu wkoll identitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ konsum, politika, familja, twemmin, u oħrajn.

Għalhekk, unjin li tappella għall-masses ta’ ħaddiema ma’ tistax tassumi li kull ħaddiem għandu l-istess aspirazzjonijiet. Fiż-żminijiet tal-lum, l-unjins għandhom sfida biex jgħaqqdu l-interess kollettiv tal-ħaddiema ma’ l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull ħaddiem.

Apparti r-realtajiet soċjoloġiċi li semmejt hawn fuq, nixtieq nitkellem ukoll dwar għażliet politiċi li l-GWU għandha quddiemha.  Naħseb li l-Unjin għandha tkun miftuħa aktar għall-pluraliżmu politiku, kemm fi ħdanha kif ukoll fir-relazzjonijet esterni tagħha. L-eżiġenzi politiċi tal-lum huma differenti minn dawk tas-sebgħinijiet, fejn soċjetajiet moderni huma karatterizzati minn diversita’ ikbar fis-soċjeta’ ċivili. Politikament, dan qed jiġi rappreżentat mill-fatt li żdiedu bosta għaqdiet u movimenti li jitkellmu fuq temi bħall-ekoloġija u drittijiet ċivili. Hawn min jaħseb li temi bħall-dawn forsi m’humiex relatati max-xogħol. Iżda altru minn hekk! Jekk wieħed jitkellem dwar l-ekoloġija, malajr jara x’relazzjoni hemm max-xogħol, f’affarijiet bħall-ħolqien ta’ impjiegi f’oqsma bħall-enerġija. Hija xi ħaġa ta’ l-iskantament kif f’pajjiżna għandna ħaddiema tas-sengħa u klima Mediterranja, iżda m’għandniex produzzjoni ta’ solar panels! L-ekoloġija hija relatata max-xogħol ukoll f’affarijiet immedjati bħall-prezz li qed iħallsu l-ħaddiema għall-konsum ta’ l-elettriku u mad-dħaħen u perikli oħra li jiffaċċjaw ta’ kuljum il-ħaddiema. Fuq ta’ l-ewwel, tajjeb li jiġi emfasizzat, li per eżempju, il-kontijiet tad-dawl u ilma għandhom jippenalizzaw il-ħela u mhux il-konsum bażiku. Dan huwa qasam li l-GWU verament imissha tidħol għalih sabiex jinstabu soluzzjonijiet kemm immedjati kif ukoll iktar fit-tul għal xogħol u kwalita’ ta’ ħajja aħjar tal-ħaddiema. Għalhekk tajjeb li jiġu mistħarrġa l-possibilitajiet ta’ alleanzi ma’ għaqdiet attivi f’dan il-qasam.

Jeħtieġ ukoll li l-GWU tiġġieled il-perċezzjoni li għandha xi rabta privileġġjata mal-Partit Laburista. Ma rridx ninftiehem ħażin. Kif diġa’ għedt, il-Moviment tal-Ħaddiema bena l-welfare state Malti fis-sebgħinijiet, fost kisbiet kbar oħra. Iżda żbalji saru wkoll, u ż-żwieġ bejn l-Unjin u l-Partit inħall, avolja kultant jidher li xorta hemm relazzjoni intima. Il-pożizzjoni li kienet ħadet l-Unjin fil-kwistjoni ta’ sħubija ma’ l-UE hija xhieda ta’ dan, u l-unjin tilfet xi kredibilita’ ma’ kategoriji ta’ nies li huma iktar ‘awtonomi’ mill-politika tradizzjonali. Għalhekk, filwaqt li naraha xi ħaġa naturali li unjins u partiti tax-xellug ikunu alleati ma’ xulxin fi kwestjonijiet varji, dan m’għandux ifisser li l-partijiet għandhom ikunu qishom struttura waħda monolitika.

Tajjeb ukoll li l-GWU tinvolvi ruħha iktar f’alleanzi globali, speċjalment meta Malta hija membru ta’ l-UE. Jekk l-ekonomija u l-interessi ta’ l-industrija qed jaħdmu b’mod globali, allura l-istess għandu jsir f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-interessi tal-ħaddiema. Kien hemm każijiet meta l-Unjin għamlet dawn it-tip ta’ alleanzi, iżda tajjeb li dawn ikunu iktar organiċi u konsistenti. Il-ħaddiem Malti għandu x’jigwadanja minn dan kollu! Iżda dan m’għandux ifisser li l-politika nazzjonali tintesa!

U hawnhekk wieħed bilfors irid isemmi sfida kbira li għandha quddiemha mhux biss il-GWU, iżda kull unjin oħra f’Malta – il-ħolqien ta’ Trade Union Council.  Sabiex l-interessi u d-drittijiet tal-ħaddiema jistgħu jiġu promossi permezz ta' moviment kollettiv, u mhux permezz ta’ unjins li ħafna drabi huma karatterizzati minn firda. L-unjins lesti jkollhom kuraġġ u jaħdmu għal dan il-għan?

Tajjeb ukoll li l-GWU tinvolvi ruħha iktar fi proposti t’affarijiet bħall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, sabiex jiġi żgurat li filwaqt li dan iseħħ sabiex il-ħaddiema jaddattaw għar-realtajiet tal-lum, l-istess ħaddiema jiġu żgurati li jkollhom dinjita’. Il-ħaddiema huma protagonisti u mhux numri!

Minn qalbi nawgura futur mill-isbaħ lill-General Workers’ Union, u lill-ħaddiema, fil-ħolqien ta’ soċjeta’ aħjar.  

Articles Main Page