“Kollox jista’ jkun” għal Cassola - Intervista mal-Prof. Arnold Cassola (Chairperson ta’ l-AD) mill-gazzetta Żminijietna.

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

F’intervista li Żminijietna għamlet maċ-Chairperson ta’ l-AD, Żminijietna daret dawra mall-politika li tħaddan l-AD f’diversi oqsma. Cassola jidher li huwa ħerqan li jibda l-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għaliex jasal biex jagħti spjegazzjoni ta’ kif se jissuġġerixxu lin-nies biex jivvotaw f’din l-elezzjoni.

Meta mistoqsi jekk kienx lest li jikkonsidra koalizzjoni mall-Partit Laburista huwa qal li “Kollox jista’ jkun”. Hawnhekk naraw kif iċ-ċirkostanzi politiċi jinbidlu, u l-istess partit li fittex li jagħmel koalizzjoni mall-PN mingħajr suċċess qabel l-elezzjoni ta’ l-2003, issa wasal biex jiftaħ aktar dirajgħ lejn l-MLP.

L-abbuż mid-drogi, id-drittijiet ċivili, ir-riforma fis-sistema elettorali li qed jipproponu l-AD, il-kriżi tal-Kapitaliżmu Neo-Liberali u t-tariffi tad-dawl u l-ilma ukoll isibu l-ispazju tagħhom f’din l-intervista li Żminijietna għamlet mall-Prof. Cassola.
Intervista mal-Prof. Arnold Cassola (Chairperson ta’ l-AD) mill-gazzetta Żminijietna.

1)   Ir-rapport li analizza r-riżultat elettorali ta’ l-AD fl-Elezzjonijiet ta’ Marzu, li ġie ppubblikat fis-7 ta’ Ġunju li għadda, propona li l-Alternattiva għandha tiżviluppa “diskors aktar wiesa’” u ma tibqax iffukata biss fuq l-Ambjent u d-Drittijiet Ċivili. Taħseb li minn mindu inti qed tmexxi l-AD id-diskors politiku tagħkom qed jitwessa’?

      Naħseb u nittama li twessa’. Qed inqajmu aktar issues ta’ natura soċjali, milli nkunu strettament marbuta ma’ l-Ambjent. Għandna kelliema kapaċi f’diversi oqsma u li jirnexxilhom iwasslu l-messaġġ b’mod tajjeb. L-Ambjent xorta jibqa’ t-tema ewlenija. Jekk tieħu l-aħħar baġit t-temi ekonomiċi u soċjali li ssemmew fih kollha kellhom xi tip ta’ rabta ma’ l-ambjent.

2) Taqblu mad-divorzju, lesti tirrikonoxxu koppji ta’ l-istess sess u anke l-konkubinaġġ eterosesswali. X’benefiċċju taħseb li jista’ jkollha s-soċjeta’ u l-istat b’leġiżlazzjonijiet bħal dawn?

Il-familja għandha tkun il-bażi tas-soċjeta’. Għandna naraw li nindirizzaw n-nuqqas fl-istrutturi meħtieġa, bħall-ħolqien ta’ aktar ‘child-care centres’. Irridu naraw li l-koppji jkunu aktar ħienja u b’anqas stress. Fl-istess waqt nemmnu illi bid-divorzju persuna tkun qed tingħata t-tieni ċans biex tibni familja. Dawn il-leġiżlazzjonijiet jagħtu assikurazzjoni ta’ sigurta’ soċjali lil persuni li ma jgħixux fi struttura ta’ familja traddizzjonali bħalma huma dawk li jghixu ma’ ħuthom jew mall-ġenituri tagħhom.

3) Taqbel ma’ l-ideja li Dr. Joseph Muscat beħsiebu jagħti ‘free vote’ lill-Membri Parlamentari Laburisti fl-eventwalita’ li jressaq ‘private member’s bill’ biex ikun imdaħħal id-divorzju?

Naqbel li jingħata ‘free vote’. M’għandux ikun hemm iribit ideoloġiku. Dan huwa vot li m’għandux ikun impost. Ir-riskju ta’ ‘free vote’ huwa dak li hu, u l-element ta’ riskju dejjem ikun hemm. Id-dibattitu dwar id-divorzju altru milli irridu nibdewh bħalma qed jgħid il-Prim Ministru Gonzi, iżda issa huwa eżawrit. Illum teżisti l-ħtieġa li nirrikonoxxu il-każijiet soċjali li nibtu f’aktar familji f’Malta. Ma naqbilx ma’ Muscat illi sejjer jistenna biex ikun fil-Gvern biex idaħħal id-divorzju. Dan ghal Malta jkun ifisser li rridu nistennew ta’ l-anqas sa l-2013. Ma nifilħux nistennew daqshekk. Muscat għandu jressaq ‘private member’s bill’ quddiem il-Parlament biex tiddaħħal il-liġi tad-divorzju.

4)   Tema li ma tantx baqgħet moda mall-politiċi Maltin hija dik ta’ l-abbuż mid-drogi. Illum qisna aċċettajna dan il-fenomenu bħala stat ta’ fatt. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ittieħdu 739 siringa kuljum mill-polikliniċi tagħna minn dawk li huma addict għall-eroina. L-AD x’taħseb li għandha tkun l-għażla li għandna nieħdu quddiem il-problema tad-drogi – nillegalizzaw aktar jew nikkastigaw aktar?

      Il-pożizzjoni ta’ l-AD m’hijiex dik li tillegalizza. L-AD trid li tiddikriminalizza l-użu personali ta’ ‘soft drugs’ bħal marijuana biex flok kundanna l-ħabs tibda tingħata sanzjoni ta’ xogħol fil-kommunita’. Jidher li hemm malesseri fis-soċjeta’; l-ambjent li ngħixu fih ċertament mhux qed joffri l-antidoti sabiex ikunu kombattuti d-dwejjaq u l-istress tal-ħajja.

5 )   Fatturi soċjali u ekonomiċi wasslu lil 17-il tifel u tifla mill-iskola Primarja ta’ Bormla biex ma jirnexxilhomx jgħaddu mill-eżami tal-Junior Lyceum. B’hekk din is-sena ħadd minn din il-lokalita’ ma għadda għall-Junior Lyceum. Intom ta’ l-AD li temmnu f’Ewropa Soċjali, kif taħsbu li għandha tinbidel is-sistema edukattiva biex it-tfal ta’ Bormla jibdew jirnexxu fl-iskola daqs dawk tas-Swieqi?

      L-AD għandha pożizzjoni ċara kontra l-istreaming. Tista’ tgħid li l-istudji xjentifiċi kollha juru li l-istreaming iwassal biex l-istudenti jirnexxu anqas. Nirrikonoxxi li l-ambjent ta’ l-iskejjel tjieb u dak huwa fattur li jgħin. Aħna ta’ l-AD nixtiequ li l-iskejjel jibdew ikunu miftuħin jum sħiħ sabiex diversi faċilitajiet li jinsabu fl-iskejjel; bħal-gyms u libreriji jibdew jintużaw f’ħinijiet oħra barra dawk li fihom ikun hemm l-istudenti fil-klassi.

      Personalment naħseb li fis-sekondarja is-subien u l-bniet għandhom ikunu mħalltin. Dan jista’ jwassal biex ‘l quddiem fil-ħajja ikunu evitati ċertu diffikultajiet.

      Taqblu mall-mod kif qed jirriforma s-sistema edukattiva l-Gvern? Temmnu li din se twassal għal sistema komprensiva ta’ edukazzjoni meta tqis li l-iskejjel privati u tal-knisja qed jitħallew barra minn dan il-proċess?

      L-orjentament nazzjonali li ġej mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali għandu jibqa’ dejjem hemmhekk għal kull skola. Hemm skejjel privati li huma avvanzati fit-tip ta’ edukazzjoni li joffru, u li qed jagħtu l-frott. Il-Gvern għandu jara li jgħaġġlu aktar dan il-proċess.

      Il-fatt li l-eżerċizzju beda huwa diġa’ pożittiv u għandu jgħolli l-istatus ta’ l-iskejjel tal-Gvern. Dan għandu jwassal biex tikber il-fiduċja tal-ġenituri fl-iskejjel pubbliċi.

6)   Inti ħeġġiġt lill-imsieħba soċjali biex jagħmlu protesta nazzjonali quddiem iż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Il-Ministru Tonio Fenech qed isejjaħ dawn iż-żidiet fil-kontijiet bħala l-mediċina meħtieġa. Min-naħa tagħkom għaliex qed tqisu dawn iż-żidiet bħala “velenu” għall-ekonomija Maltija?

      Iva, aħna ħeġġiġna lill-imsieħba soċjali biex jorganizzaw protesta nazzjonali li fiha aħna nkunu lesti nsegwuhom. Dawn iż-żidiet ifissru xokk kbir għall-Industrija, l-Entrepreneurs, u l-Familji. Il-ħasra hi li ma sar l-ebda studju ta’ l-Impatt Soċjoekonomiku ta’ dawn it-tariffi qabel ma ddaħħlu. Biex tasal li tneħħi l-capping u s-sussidji hemm bżonn li tippremja n-nuqqas ta’ konsum u mhux tispiċċa tagħmel bil-maqlub bħalma qed jagħmel il-Gvern.

Bħalissa qed naraw l-ikbar daqqa li qatt ħa l-kapitaliżmu neo-liberali.Gvernijiet bħal dak Franċiż u Ġermaniż lesti joffru għexieren ta’ biljuni ta’ ewro biex isaħħu l-kapital tal-banek ħalli ma jikkrollawx. Jidher li l-flus tat-taxpayer m’humiex qed jintużaw b’mod ġust. X’taħseb dwar dan?

Din hija l-mediċina ta’ Gordon Brown (Prim Ministru Ingliż preżenti). Din il-kriżi ġiet fuqna minħabba nuqqas ta’ regolamentazzjoni. It-teorija tas-suq isuq u jirregolarizza ruħu waħdu ma ħadmitx. Minħabba din il-kriżi li nqalgħet dan l-intervent kien meħtieġ. In-nies għandhom kull dritt iħarsu lejn il-Gvern tagħhom u jargumentaw li “flus biex isalva l-banek għandu, iżda biex jirranġa kwesjonijiet soċjali m’għandux.” Il-valur tal-ħajja u ta’ l-attivita’ produttiva ħarġu rebbieħa quddiem l-ispekulazzjoni fis-swieq. 

      Idealment il-flus għandhom imorru għal kwestjonijiet soċjali, iżda b’mod pragmatiku soluzzjonijiet għall-kriżijiet finanzjarji għandhom jinstabu wkoll biex ikunu evitati problemi akbar.

7)   F’Settembru inti preżentajt riforma fis-sistema elettorali fejn il-kwota distrettwali tibqa’ 16.6%, filwaqt li l-kwota nazzjonali tiġi ekwivalenti għal-żewġ kwoti distrettwali. L-AD f’Marzu li għadda ġabet biss ‘l fuq minn 3810 voti fl-ewwel għadd fuq livell nazzjonali. Żewġ kwoti bejn wieħed u ieħor ikunu jfissru 7400 vot. Ma taħsibx li l-istess riforma elettorali li qed tipproponu intom se terġa’ twassalkom biex tibqgħu barra mill-Parlament meta tasal elezzjoni oħra?

      Idealment għandu jkollok kwota nazzjonali ta’ siġġu, jiġifieri 1.45% tal-voti kollha. Din iġġib biża’ fost il-Partiti l-Kbar minħabba kwestjonijiet ta’ governibilita’, peress li b’siġġu wieħed ikun hemm iċ-ċans li twaqqa’ gvern. B’aktar minn 3800 vot f’Marzu li għadda aħna ma ġibniex siġġu, iżda nfakkar li l-aħħar siġġu meħud fil-parlament f’Marzu li għadda kien jiswa’ anqas minn 1800 vot. Is-sistema li qed nipproponu aħna hija bbażata fuq is-sistema Ġermaniża u tħalli il-kwoti fid-distrett bħal dawk li huma. Din is-sistema żgur li tkun ħafna aktar ġusta għalina u għall-pajjiż.

8)   Jekk tgħaqqad il-voti li ġabet l-AD (1.31%) ma’ dawk ta’ l-MLP (48.79%) f’Marzu li għadda, kieku ftit xhur ilu konna naraw ir-reġim Demokristjan (PN – 49.34%) jikkrolla. Meta ressaqt ir-riformi elettorali kont għidt li jekk il-liġi elettorali ma tinbidilx l-AD “ma jkollhiex triq oħra ħlief li tfittex metodi ġodda biex tkun rappeżentata fil-Parlament”.

Ridt tfisser li tibda taħdidiet serji ma’ l-MLP biex tifforma koalizzjoni magħhom jew qed nifhem ħażin?

      Kollox jista’ jkun. Meta tifhem is-sistema kif taġixxi għandek tesplora kull sistema kif tkun elett u tiġbor il-voti, għax wara kollox dak hu xogħol il-politiċi u l-partiti.

Fl-2003 donnkom li kontu wasaltu biex tagħmlu koalizzjoni mall-PN, x’wassalkom biex ma jirnexxilkomx?

      Fl-2003 il-PN ried li aħna u huma nagħmlu lista’ komuni taħt il-logo tal-maduma. Aħna konna lesti li nagħmlu koalizzjoni dejjem jekk l-identita’ taż-żewġ partiti tinżamm, u għalhekk spiċċajna ma qbilniex.

9)   Fl-2004 kkontestajt biex titla’ bħala Membru Parlamentari Ewropew. Dak inhar ġibt 22,938 vot, ironikament ġibt aktar voti minn Louis Grech u minn David Casa fl-ewwel għadd. Huma telgħu u inti bqajt tittewweb. Did-darba taħseb li ċ-ċans tiegħek li tkun elett se jkun akbar jew anqas?

      Se tkun diffiċli iżda mhux impossibli. Fl-2004 kollox kien għadu ġdid. Issa doqna mill-ġid ta’ l-UE u anke minn affarijiet li ddiżappuntaw lin-nies. Peress li did-darba se nkunu tnejn li noħorġu għall-AD il-voti jista’ jkun li jinqasmu. Mill-banda l-oħra sodisfatt li fiċ-ċokon tagħna se jkollna lista li tagħti każ il-‘gender balance’ b’mod sħiħ.

      Aħna qed inħeġġu lin-nies jgħatu n-numru wieħed u tnejn lilna, u jekk iridu jkomplu fuq kandidati oħra. Vot għalina ta’ l-AD ikun qed joffri ċ-ċans biex Malta tkun tista’ tinfluenza 50 Membru Parlamentari Ewropew aktar, dawk tal-European Greens, b’hekk il-pressjoni ma tibqax issir biss fuq dawk tal-Partit Soċjalista u dak Popolari Ewropew.

10) In-nannu tiegħek John F. Marks, li inti tqisu bħala “pijunier tal-laburiżmu Malti” baqa’ mfakkar li fl-1928 organizza għall-ewwel darba f’Malta il-festa ta’ l-1 ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem, fl-Isla. Għalxhiex beħsiebu jibqa’ msemmi n-neputi tiegħu; li daħħal lill-AD fil-Parlament Ewropew, li daħħal lill-AD fil-Parlament Malti jew inkella għal ħwejjeġ ħafna aktar differenti minn dawn? 

Le, xejn minn dan. Nixtieq nibqa’ mfakkar bħala dak li rkupra l-ewwel dizzjunarju Malti li ma kienx magħruf sa tmiem is-snin tmenin (Regole per la Lingua Maltese) u li ppubblika l-manuskritti Ottomani dwar l-Assedju ta’ l-1565 li jinsabu Istanbul.

Articles Main Page