Ix-Xellug u l-Politika ta' Sussidjarjeta’ - David Pisani

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

Il-Gvern Malti qed jimbarka lejn politika fejn l-użu ta' sussidji iridu jispiċċaw minn kull qasam ta' servizzi. Fil-fatt qed imur lejn politika neoliberali li fuq livell Ewropew jimbuttawha ħafna ‘l quddiem il-partiti tal-Lemin. Illum, wieħed jista' jargumenta minn lenti politika fuq l-użu ta' sussidji u n-neċessita’ tagħhom. Fil-fatt diversi movimenti, trejdjunjins u partiti tax-Xellug jargumentaw li l-użu ta' sussidji hu bżonn soċjali u li għandhom jissaħħu u jiżdiedu. Huma jkomplu billi jargumentaw li servizzi ta' natura soċjali ma' jistgħux jitkejlu skond kif jimxi jew jaħdem is-suq. Il-kumpaniji li qed joffru servizz qiegħdin hemm biex jagħmlu profitt, u hekk għandu jkun. Imma servizzi fejn huma klassifikati bħala bżonn neċessarju u bażiku, dawn għandhom jibqgħu jiġu protetti mill-istat.
 
Eżempju tipiku hu l-qasam tad-djar f'Malta fejn is-suq huwa liberalizzat, imma fejn qed nesperjenzaw problemi kbar biex koppji żagħżagħ jixtru l-ewwel dar. Il-gvern, għax hekk hu fi dmir u dan ix-xellug jemmen fih ħafna, ħareġ somma ta' flus f'sussidji lill-koppji żagħżagħ li ser jixtru l-ewwel dar, li kif nafu f'temp qasir ta' żmien is-somma allokata ittieħdet kollha. Jidher allura li s-suq mhux qed jaqdi l-funzjoni soċjali tiegħu. 
 
Riċentement b’vot parlamentari l-Gvern tefa’ l-qasam tal-gass fis-suq liberalizzat. L-użu tal-gass ukoll iġorr miegħu l-użu neċessarju bażiku u soċjali li familja teħtieġ għall-ħajja ta' kuljum. Kemm għall-ġid fit-trobbija ta' tfal, għall-għixien ta’ l-anzjani u anke għall-kumplament tal-membri tal-familja. Li ħareġ mill-Parlament hu li l-prezz tal-gass ser jirdoppja jew jittrippla u li sussidji (għajnuna jew protezzjoni mill-istat) fuq il-prezz tal-gass ser jispiċċaw ukoll. Partiti Leminin fl-Ewropa, b'filosofija neoliberali jemmnu li s-servizzi ma għandhomx ikunu protetti mill-istat, imma jkun is-suq li jipprovdihom, b'konsegwenza li min jiflaħ iħallas u min ma' jistax jara kif ikampa hu. Politika neoliberali ilha titħaddem fl-Amerika ta’ Fuq, fejn għandek 45 miljun persuni jgħixu fil-faqar. Ta' min isaqsi, din il-politika li rridu f'Malta jew fl-Ewropa? Irridu jew le, li jkollna Ewropa Soċjali?
 
Riċenti, wara l-kollass finanzjarju, Movimenti, trejdjujins u Partiti Xellugin qed jappellaw sabiex il-gvernijiet jerġgħu jieħdu kontroll ta' ċertu setturi fl-ekonomija. Fl-Amerika u fl-Ewropa diversi Banek ġew nazzjonalizzati. Qed jappellaw ukoll sabiex l-istat jibqa' protettur ta' ċertu servizzi li huma klassifikati bħala ta' natura soċjali. Dan jagħmlu billi, jew jipprovdihom l-Istat, jew billi l-gvern jgħin bl-użu ta' sussidji. Dan isir permezz ta’ regolamentazzjoni f’saħħitha mill-gvern sabiex is-servizz jibqa' wieħed li jaqdi l-funzjonijiet soċjali tiegħu, bħalma hu t-trasport pubbliku f'Malta.

Articles Main Page