Ix-Xjuh - Imbarazz modern ? - M. Grech

Zminijietna Harga Ottubru – Dicembru 2008

 

Ix-xjuħ - imbarazz modern?

Is-soċjetà kapitalista, imwieżna mill-gidba li hi l-fasla soċjo-ekonomika li l-aktar ħolqot ġid u hena fl-istorja tal-bniedem, hi fil-verità soċjeta li tispeċjalizza fil-ħolqien ta’ l-imbarazz.  B’imbarazz hawnhekk, ma jridx jifhem xi ħaġa li neċessarjament hi minnha nifisha ħażina jew maħmuġa, bħalma huwa l-iskart u l-ħmieġ; li minnu wkoll soċjetajiet kapitalisti jipproduċu bil-bosta; tant li qed iwassal għal problemi serji dwar il-possibiltà ta’ ħajja deċenti għall-ispeċi tal-bniedem fil-futur. B’imbarazz hawnhekk, wieħed irid jifhem xi ħaġa li timbarazza ‘l dak li jkun; li tħammarlu wiċċu u turih li dak li jgħid u jippretendi m’huwhiex minnu.

Hemm bosta kategoriji ta’ bnedmin li l-kapitaliżmu bidilhom f’imbarazz. Hemm l-immigranti li jimbarazzaw il-kuxjenżi ħżiena ta’ ħafna, u huma forsi l-aktar xhieda ċara ta’ kemm il-mudell ekonomiku kapitalista iqassam sfruttar u faqar, u mhux ġid u hena. Hemm il-ħaddiema prekarji li juru li f’soċjetà bħal din hi gidba li wieħed jorbot flimkien il-kliem xogħol, ġid u dinjità f’sentenza waħda. Hemm ukoll il-ħabsin, li l-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw imsakkra u kkastigati għax ma jilbsux il-libsa tan-‘normalità’ u l-‘legalità’ borgiża li ħaddieħor fassal. Hemm dawk li ‘ma jirnexxux’ fis-sistema edukattiva, u li l-problemi tagħhom qiegħdin isiru agħar minn sena għal oħra.

Issa hemm bosta modi ta’ kif is-soċjetà teħles mill-imbarazz tagħha. Mod l-aktar ħafif li bih is-soċjetajiet kapitalisti jneħħu min-nofs l-imbarazz tagħhom, teqirdu, tkeċċih jew taqflu. Mod ieħor hu billi tiċħad l-eżistenza ta’ dan l-imbarazz jew tgħawweġ mill-aktar l-istampa li membri oħra tas-soċjetà jkollhom ta’ l-imbarazz in kwestjoni. Hekk ngħidu aħna, f’poster tal-kampanja elettorali reċenti il-ħaddiema Maltin kienu mpenġija bħala borgiżi, puliti, ndaf, fit, bojod, żagħżagħ u mingħajr diffetti fiżiċi, waqt li bosta mill-ħaddiema veri; li jiffaċjaw xogħol prekarju, perikli ta’ kull xorta; li jilbsu boiler suit jew huma mimlijin trab; li huma kemm bojod u suwed, ħoxnin u rqaq, b’saħħithom u ħandikappati; kienu minsija.

Minn rikkezza għal rifjut

Fost il-kategoriji ta’ bnedmin li s-soċjetà kapitalista bidlet f’imbarazz hemm ix-xjuħ. Mhux għax ix-xjuħ mhux minn dejjem kienu kategorija vulnerabbli. Madankollu, hi s-soċjetà kapitalista li bidlet lil dawn f’imbarazz; li ġabithom problema minnhom infushom. L-eżistenza nfisha ta’ Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani jindika li x-xjuħija saret xi ħaġa problematika.

Ħafna drabi, f’soċjetajiet pre-kapitalisti u tradizzjonali ix-xjuħ ma kienux meqjusa bħala kategorija ta’ nies ‘emarġinati’. Il-Bibbja ngħidu aħna, tirreferi biss għar-romol, l-iltiema u l-barranin bħala gruppi dgħajfa fis-soċjetà (anke għax dawn ma kellhomx rwol ċar fir-rabtiet tribali u familjari ta’ dak iż-żmien); gruppi li wieħed kellu d-dmir minn Alla biex iħares. Anzi, minkejja d-djufija fiżika, eta’ kbira kienet meqjusa bħala sinjal ta’ barka minn Alla u x-xjuħ kienu meqjusa bħala maħżen ta’ dehen, ħila f’dak li hu ġudizzju u għerf (wisdom). 

Il-qagħda inbidlet drastikament bl-iżvilupp ta soċjetajiet kapitalisti u dan mhux b’kumbinazzjoni. Meta l-kapitaliżmu ħa xejra industrijali, l-industriji u l-ekonomija kapitalisti kellhom bżonn iġsma li, b’mod effiċjenti u mgħaġġel, jistgħu jidħlu għal ċertu taħbit, attivitajiet u rutini li l-fabbriki u l-industriji jitolbu. Riedu iġsma li jkunu jifilħu jew li setgħu jiġu ‘mtejba’ ħalli jiġu jifilħu jipproduċu ħafna bi ftit manteniment. Mhux għax fasliet ekonomiċi oħra ma kienux jeħtieġu s-saħħa fiżika biex iddur l-ekonomija tagħhom (jekk ma kienux jeħtiġuha aktar, billi kien hemm anqas makkinarju u aktar xogħol ta’ l-id). Madankollu, soċjetajiet kapitalisti kienu ikkaraterizzati minn ġibda li kull ħaġa issir jew komodità (xi ħaġa li tista’ tiġi mibjugħa u mixtrija; ikkunsmata jew użata ) jew riżorsa (xi ħaġa li tintuża jew tistà tintuża biex toħloq kommoditajiet jew prodotti). Mhux ta’ b’xejn li, meta s-siwi ta’ dak li jkun ma baqax meqjus f’termini ta’ dehen u ħila fil-ġudizzju, imma ta’ produttività, li min ma jistax jgħati kontribut ekonomiku, jispiċċa meqjus bħala piż u skomdu.

Kategoriji bħal dawk ta’ ‘sanità’ u ‘saħħa’, li f’kittieba antiki bħal Aristotli kellhom applikazzjoni differenti (skond il-kategorija ta’ nies li wieħed ikun fiha), bdew bil-mod il-mod jiddejqu fit-tifsira tagħhom. It-tifsira ta’ dawn bdiet dejjem aktar tintrabat mal-kapaċità li wieħed ikollu li jiddomestika, jadatta u jisforza lilu innifsu biex jipproduċi aktar, bl-anqas sforz u bl-anqas ħela. Issa ovvjament, il-valur ta’ ġisem imkisser mis-snin bħala riżosra, hu żgħir wisq meta mqabbel ma iġsma aktar żagħżugħa. Anke il-kelma ‘għerf’ iddejqet biex saret tfisser biss ġbir ta’ tagħrif, informazzjoni u fatti; u li bħala mudell kellhom ix-xjenzi empiriċi li lill-industriji kapitalisti moderni wieżnu. Minn dan it-tip dejjaq ta’ għerf, ix-xjuħ ftit setgħu/jistgħu jgħatu. Dan wassal biex, b’mod kważi naturali, jiġu meqjusa bħala piż; nies li jieħdu biss u li ma jgħatu xejn.

 Barra minn hekk, it-tibdil mgħaġġel fit-teknoloġija tax-xogħol, l-aktar f’dawn l-aħħar snin, jagħmilha aktar diffiċli biex xjuħ, u anki nies mhux xjuħ imma adulti li qabżu ċerta eta, li jadattaw għal ritmi ġodda bħalma jistgħu jagħmlu ż-żagħżagħ, minħabba li m’għandhomx il-freskezza mentali u fiżika biex jadattaw għal tekonoloġija ġdida li tqaddem lil dik antika u li magħha aktarx tkun marbuta l-esperjenza tagħhom, eċċ. Għal nies ta’ ċertu età għalhekk, li jadattaw għal dan kollu, kien diffiċli jekk mhux impossibli.

Il-kapitaliżmu konsumista

Is-sitwazzjoni marret għall-agħar meta il-kapitaliżmu ħa dehra primarjament konsumista u ħedonista (li tiffex biss il-pjaċir tal-individwu; issa), aktar milli produttiva. F’soċjetajiet bħal dawn, wieħed jgħix skond kemm jonfoq, igawdi u jikkonsma; skond x’jixtri u kif jidher. F’qagħda bħal din, bħalma hu l-każ illum f’pajjiżna, il-preżenza ta’ nies li fiżikament jifilħu anqas, jistgħu ikunu muġugħa u, kuntrarju għall-ġenerazzjonijiet t’issa, aktar bil-għaqal f’dak li hu infiq, hi skomda.

Hi skomda għax turi li hemm affarijiet li wieħed ma jistax jixtrihom. Hi skomda għax tistà ttellef mill-‘feel good factor’ li l-bejjiegħa ta’ prodotti u t’illużjonijiet (media, politiċi, pubbliċità) irewħu. Hi skomda wkoll għax tikxef kemm hu ħażin il-kejl tal-ġid li jsir mill-iskwadristi tal-ħsieb tas-soċjetà tagħna.

Il-kultura dominanti twieżen il-ħsieb li l-‘ġid’ jiġi meqjus f’termini ta’ prodotti li jinxtraw u jiġu ikkunsmati. Madankollu, ma jiġux meqjusa fatturi oħra bħal, ngħidu aħna, l-ħin li wieħed juża biex jaħdem ħalli jkun jistà jixtri l-prodotti u dak jikkonsma dawn, kemm jibqà ħin għall-iżvilupp personali tiegħu u għall-egħżież tiegħu, u affarijiet oħra bħal dawn. Meta jiġu meqjusa fatturi bħal dawn m’hiex ħaġa kbira li wieħed jinduna għalfejn ix-xjuħ ma jistgħux jiġu miżmuma f’darhom u jqum dubju dwar kemm verament is-soċjetà tagħna hix soċjetà li tkattar il-ġid jew le. qed ngħixu aħjar jew le. Infatti, kieku llum verament għandna standard t’għixien għola minn dak ta’għaxra jew għoxrin sena ilu, suppost għandu jkollna possibiltà akbar li x-xjuħ joqgħodu d-dar u jibqgħu mgħejjuna minn qrabathom. Suppost għandna aktar ċans inżommu l-dawn milli setgħu fil-passatt. Fil-verità iżda, min jgħid li ma jistax iżomm lil dawn l-għeżież li m’għandhomx jifilħu jaħdmu qiegħed dejjem jiżdied minħabba l-impossibiltà li wieħed idur bix-xjuħ għax marbut bix-xogħol, nuqqas ta’ ħin, eċċ.

Eżorċiżmu tal-imbarazz

Dan il-fatt li jwaqqà ħafna miti ta’ żmienna, l-ideoloġija predominanti u mhux biss, għandhom bżonn jeżorċiżżawh. Hemm li dawn l-imbarazz jiġu imwarba, newtraliżżati, konfinati u msikkta, l-istess bħall-kriminali, morda mentali, immigranti u oħrajn li ma kienux joqgħodu għall-mudelli ta’ ‘normalità’ tas-soċjetà.

Ngħidu aħna, mod ta’ kif jiġi innewtraliżżat dan il-fenomenu li jikxef bosta gideb ta’ soċjetajet kapitalisti hu billi jiddaħħal ġo suq u jiġi sfruttat. Hekk għandek is-suq tal-kura tax-xjuħ, tal-vaganzi ta’ din il-kategorija ta’ nies, u oħrjan. F’bosta soċjetajiet (forsi Malta għandha ftit il-bogħod minn hekk), xjuħija deċenti wieħed irid jixtriha.

Mod ieħor hu billi issensel stampa ipokrita ta’ ‘anzjan attiv’, fejn ix-xjuħ m’humhiex aċċettati għal dak li huma bijoloġikament, imma mitluba jippretendu li xjuħ m’humhiex. Allura emfasi li biex ‘anzjan’ ikun ‘in’ irid jippretendi/jixximjotta li għadu żgħir, jagħmel kremi biex jiċħad l-eta tiegħu (allura biex tkun xiħ tajjeb, trid tinża mix-xjuħija).

Ir-realtà vera tax-xjuħija b’hekk, hi impliċitament ippreżentata bħala stat li wieħed minhu għandu jaħrab; il-kuntrarji ta’ x’jiġifieri tkun ħaj. L-agħar ta’ din l-attitudni jintlaħaq fuq it-televiżjoni u l-medja, li esponew u żiedu dan ix-ximjottar, għax bħal xadina li tiggustaha timita bniedem, imma taf li ma ser tkun qatt bħal dan, hekk ukoll jittellgħu spettakkli fejn xjuħ ‘tal-life’ huma mħeġġa jimitaw liż-żagħżagħ billi taparsi jagħmlu bħal dawn tal-aħħar. Programmi bħal Villa Sunset, barra milli jgħinu f’dan ix-ximmjottar, huma qarrieqa għax iġibu istituzzjoni fejn ix-xjuħ huma konfinati, bħala xi speċi ta’ lukanda kollha pazjenti kuntenti u smart.

Infatti, dan hu mod ieħor ta’ kif is-soċjetà teżorċiżża il-fenomenu; billi tgħalqu u ssakkru. Issa għal ħafna xjuħ, speċjalment dawk fl-irħula tradizzjonali (li għal ħafna kienet id-dinja tagħhom) dan barra milli iżolament huwa wkoll qtugħ mir-rabtiet organiki mal-bini, t-toroq u l-għelieqi li sawru l-eżistenza tagħhom.

X’għandu jsir?

Ix-xellug f’Malta u kullimkien għandu jfittex politika tassew inklussiva li ma tinjorax dawn il-fenomeni, kif sfortunatament isir ħafna drabi fi żmienna. Qabel xejn għandha tkun politika li ma tibżax tgħaraf id-dommi tal-kapitaliżmu kontemporanju, u tikxifhom bħala tali.  Għandha tkun politika alternattiva, u mhux sempliċi eku ta’ policies neo-liberali u konservattivi.

Anke jekk qabel ma kienitx meqjusa bħala tali, imma li kienet aċċessibli għal kulħadd jew kważi, bħalma ngħidu aħna, ġralu l-ilma f’ħafna partijiet tad-dinja

 

Articles Main Page