Iż-żewġt uċuħ tan-nazzjonaliżmu (Artiklu maqsum f'zewg partijiet) - Christopher Cutajar

Zminijietna

 

L-Ewwel Parti

Ħafna drabi oġġett tista’ tużah sabiex tagħmel il-ġid jew inkella d-deni. Bħal ngħidu aħna sikkina tista’ kemm taqta’ l-ħobż biha, kif ukoll tweġġa’ persuna oħra. Siringa tista’ tintuża sabiex tinjetta droga li twassal għall-fejqan jew inkella għall-qerda tal-bniedem. Bl-istess mod in-nazzjonaliżmu jista’ jiġi ntużat kemm għall-ġid ta’ popolazzjoni u anke għad-deni. Hemm aktar minn tip wieħed ta’ nazzjonaliżmu. Jien identifikajt 3 tipi ta’ nazzjonaliżmu. Dan ma jfissirx li ma jistax jitħaddem aktar minn tip wieħed fl-istess żmien u fl-istess post. U ma jfissirx lanqas li n-nazzjonaliżmu jista’ jitqies bħala xi ħaġa solida li ma tista’ qatt titħallat ma’ elementi politiċi oħrajn. F’din l-ewwel parti ta’ dan l-artiklu sejrin nanalizzaw tnejn mit-tliet tipi ta’ nazzjonaliżmu illi jien identifikajt.

L-ewwel tip - L-imħabba lejn pajjiżek u r-rieda li tagħmel sagrifiċċju għal pajjiżek Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu huwa sinonimu ma’ dak li jissejjaħ patrijottiżmu. F’dan il-każ l-imħabba u x-xewqa li tagħmel il-ġid lil pajjiżek iġiegħluk tikkondizzjona l-ħajja tiegħek sabiex tara lil pajjiżek aħjar.

Hawnhekk nistgħu nġibu l-eżempju tal-patrijott Malti Manwel Dimech (1860-1921) illi huwa eżempju ċar ta’ bniedem li xtaq il-ġid lil poplu Malti kollu kemm hu. Filwaqt li fl-aħħar tas-seklu 19 kellek ir-Riformisti f’taqbida politika ma’ l-Anti-Riformisti (Ir-Riformisti mmexxija minn Sigismondo Savona li riedu jiddefinixxu lil Malta bħala waħda Punika fir-realta’ Anglo-Sassona u l-Anti-Riformisti mmexxija minn Fortunato Mizzi li riedu jiddefinixuha bħala waħda Latina1), f’dik li baqgħet tissejjaħ “Il-kwistjoni tal-lingwa”, Manwel Dimech kien qed jitkellem “lingwa” totalment differenti għaliex beda ħidma politika li riedet lil Malta tal-Maltin u ta’ ħadd iżjed.

Din il-ħidma politika tiegħu bdiha fl-1898 permezz tal-ġurnal ta’ kull ġimgħa “Il-Bandiera tal-Maltin” fejn bih wera li huwa ried l-emanċipazzjoni ta’ kulħadd. Ried li kulħadd ikollu “id-dawl” (li jfisser l-emanċipazzjoni soċjo-politika). Għalhekk Dimech, permezz tal-ġurnal tiegħu, kiteb elenku sħiħ ta’ fatturi li lil Malta kienu qed iżommuha fid-“dlam” u kiteb ukoll dwar x’kellu jagħmel il-Malti biex joħroġ mid-“dlam” (li jinkludi il-ħidma kuntrarja għall-emanċipazzjoni tal-bniedem, it-tagħlim ħażin, id-drawwiet ħżiena u l-attitudni personali negattiva2). Kien il-bniedem li, filwaqt li kulħadd kien fis-sakra ta’ f’liema par idejn għandu jintelaq, kien qed iwassal il-messaġġ tal-ħtieġa li Malta ssir Repubblika. “Repubblika! Repubblika! Repubblika, Maltin,” jikteb Dimech, “ biex [xi] darba nkunu nazzjon ħielsa, li tagħmel kif trid hi, u mhux kif irid ħaddieħor.” 3

Għalkemm Dimech kien bniedem patrijottiku dan ma jfissirx li kellu mibgħeda lejn xi grupp etniku. Dan werih biċ-ċar meta kiteb; ‘Aħna ma nobogħdu lil ħadd, u għalina Ingliż, Ċiniż, Għarbi salvaġġ tal-Mokololo [Zambja], wieħed minn dawk is-suwed Ugonej, li jgħixu bil-laħam tan-nies, huma xorta waħda, xiku u briku, biex ngħidu hekk. Nobogħdu xi ħaġa fl-Ingliżi, għax nobogħdu s-suppervja tagħhom, li biha saru mibgħudin mid-dinja kollha, imma ma nobogħdux l-Ingliżi , li fl-aħħar ta’ l-aħħar huma nies ukoll, u wlied Adam u Eva, bħalna.’ 4

Hawnhekk il-filosofija ta’ Dimech tgħallimna kif in-nazzjonaliżmu jista’ jitħaddan mingħajr ma’ wieħed iħoss li l-poplu tiegħu huwa superjuri għal dak ta’ ħaddieħor. In-nazzjonaliżmu f’dan il-kas huwa għajta li t-twemmin tagħha hija d-dinjita’ ugwali ta’ poplu għal popli oħrajn. B’hekk il-lezzjoni kbira ta’ Dimech toħroġ mill-fatt illi filwaqt li kien Nazzjonalist, kien iżewwaq l-istess nazzjonaliżmu ma’ viżjoni universali. Viżjoni li tara li jkun ta’ ġid għal pajjiż illi jaħdem b’mod kollettiv ma’ pajjiżi oħra. Iżda dan isir biss mingħajr ma’ jkollok aggressur u vittma jew sfruttatur u sfruttat.

It-tieni tip - L-aspirazzjoni ta’ indipendenza nazzjonali li jħoss poplu iddominat mill-barrani u li ġaladarba tintlaħaq l-indipendenza jżomm sabiex ibiegħed lil pajjiżu mill-indħil barrani.

Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu jfittex li jneħħi l-istrutturi tal-poter li ġejjin minn barra l-pajjiż tiegħu sabiex ikun hu stess li jmexxi lilu nnifsu. Dan bażikament jaħdem ħaġa waħda ma’ dak ta’ l-ewwel sabiex, l-imħabba u s-sagrifiċċju li tkun lest tagħmel għal pajjiżek iwassluk sabiex taspira għall-indipendenza ta’ pajjiżek u/jew iż-żamma ta’ l-istess indipendenza.

Eżempju ta’ dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu nistgħu niħduh mill-politika li ħaddem il-Perit Duminku Mintoff sabiex laħaq l-għanijiet li kellu f’moħħu hu, u l-Partit Laburista li prinċiparjament kienu l-indipendenza u l-emanċipazzjoni soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna. Mintoff ħadem bis-sħiħ sabiex il-Malti ma jkunx meqjus bħala ċittadin inferjuri għal ħadd, speċjalment għall-Ingliżi. Għalhekk bil-gvern ta’ l-1955 il-Partit Laburista tela’ fil-gvern u kellu l-mandat mill-poplu sabiex imur għall-“integration”. “Integration”, li jekk tqisha fil-kuntest storiku ta’ dak iż-żmien kienet tfisser li l-Malti jimxi pari-passu ma’ l-Ingliż kemm f’dak li għandhom x’jaqsmu drittijiet, edukazzjoni, salarji etċ. L-“integration” fil-fatt baqgħet ma seħħitx minħabba r-reżistenza tal-Knisja f’Malta u anke min-nuqqas ta’ ħeġġa u biża’ li wera l-Gvern Ingliż, f’dak li għalihom seta’ ġie mitqies bħala esperiment perikoluż. Ta’ min wieħed jgħid li stati Amerikani kienu diġa’ provaw iwettqu dan il-proġett b’inklużjoni ta’ rappreżentanza fil-‘Westminister’ u wara li sabu reżistenza mill-gvern Ingliż ħadu l-indipendenza tagħhom, ghaliex iddiżassoċjaw ruħhom kompletament minnu. Forsi kienet din, il-lezzjoni li l-Moviment Laburista Malti tgħallem mill-istorja, li wriet fejn kienet l-għolja iebsa li setgħet twassal għall-indipendenza tal-Maltin.

Permezz tat-twaqqif ta’ Malta repubblika fl-1974, it-tkeċċija tan-NATO, u l-ħolqien ta’ l-impjiegi bl-industrijalizzazzjoni tal-pajjiż, il-Partit Laburista saħħaħ l-indipendenza parzjali li kienet inġiebet mill-gvern immexxi minn Dr. Borg Olivier, fl-1964. B’hekk l-indipendenza hekk kif maħsuba u milħuqa mill-Moviment Laburista f’Malta kienet qed tiġi fis-seħħ. Dan il-moviment kien jara li s-sistemi ta’ poter tal-gvern Ingliż kienu jifgaw flok jagħtu n-nifs lill-poplu Malti, bħalma jaf jagħmel kull imperu ieħor.

Ta’ min wieħed jgħid li dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu jibqa’ tajjeb ġaladarba min jemmen fih ma jwassalx lil pajjiżu sabiex jingħalaq ġo bozza bħallikieku dak kollu li ġej minn barra għandu jkun meqjus bħala ħażin.

B’hekk, f’din l-ewwel parti minn tnejn, ta’ dan l-artiklu, analizzajna l-wiċċ pożittiv li jaf joffri n-nazzjonaliżmu. Rajna kif in-nazzjonaliżmu m’għandux ikun meqjus bħala passaġġ dirett lejn tip ta’ mibgħeda lejn nies li jgħixu kulturi oħra. Anzi, għall-kuntrarju ta’ dan, jekk użat tajjeb jagħmel biss ġid lill-poplu li jkun qed jinfluwenza. Dan l-artiklu jissokta fl-edizzjoni li jmiss ta’ Żminijietna, bit-tielet u l-aħħar tip ta’ Nazzjonaliżmu li jonqosna nanalizzaw, u b’eżempji konkreti ta’ x’tip ta’ fatturi għandu jirreżisti n-nazzjonaliżmu.

Referenzi;
1. Dr. Mark Montebello O.P (2004) Dimech [Kap.3 Taqsima.1 P.130]. Malta. PEG Ltd.
2. Dr. Mark Montebello O.P (2004) Dimech [Kap.4 Taqsima.3 P.197]. Malta. PEG Ltd.
3. Il-Bandiera tal-Maltin, 1 ta’ Frar, 1913, 1b
4. Il-Bandiera tal-Maltin, 27 ta’ Lulju, 1901, 3 b

It-Tieni parti

Fl-ewwel parti ta’ dan l-artiklu li ġie stampat fl-aħħar edizzjoni ta’ Żminijietna rajna l-wiċċ pożittiv tan-nazzjonaliżmu, permezz ta’ żewġ tipi ta’ nazzjonaliżmu li jirrelataw ruħhom faċilment ma’ xulxin, u li kienu dawn;

L-ewwel tip - L-imħabba lejn pajjiżek u r-rieda li tagħmel sagrifiċċju għal pajjiżek
It-tieni tip -  L-aspirazzjoni ta’ indipendenza nazzjonali li jħoss poplu ddominat mill-barrani, u li ġaladarba tintlaħaq l-indipendenza, jżomm, sabiex ibiegħed lil pajjiżu mill-indħil barrani.

F’din it-tieni parti ta’ l-artiklu sejrin nanalizzaw it-tielet tip ta’ nazzjonaliżmu, illi jifforma l-wiċċ negattiv tan-nazzjonaliżmu.  Barra minn hekk sejrin inpoġġu fid-deher fatturi rejali li l-Malti għandu jirreżisti għall-ġid tal-popolazzjoni tiegħu.

It-tielet tip -  Duttrina li l-interess nazzjonali u l-kultura nazzjonali tiegħek huma superjuri għal kwalunkwe’ oħrajn.

Dan huwa tip ta’ nazzjonaliżmu arroganti.  Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu jpoġġi lil min iħaddnu sabiex iħossu superjuri għal kull tip ta’ ċivilta’ u etniċita’ li hu ma jkunx membru tagħha, u b’hekk ikun jemmen li għandu d-dritt iqis ruħu eleġibbli li jiddetta u jinterferixxi fil-ħajja kulturali ta’ popli oħra. 

L-istorja tagħtina eżempji ta’ dan bil-gzuz.  L-imperu Ruman, Ottoman, Spanjol, Portugiż, Olandiż, Belġjan, Franċiż, Awstro-Ungariku, Nażi-Faxxist, Ingliż, u Amerikan, fost ħafna oħrajn fl-istorja tal-bniedem, kollha twieldu u kibru bil-prinċipju ta’ superjorita’.  Bħalma bniedem ipoġġi għasfur ġo gaġġa u ma jħallihx itir, hekk ukoll jagħmel kull imperu kull meta jaħkem pajjiż ieħor, li tiegħu m’għandu l-ebda jedd ta’ appartenenza.  Bħala eżempju nistgħu nsemmu l-fatt li l-Conquistadores Spanjoli ġiegħlu lill-indiġeni ta’ l-Amerikas jħaddnu l-Kattoliċiżmu, bl-indħil kulturali taghhom jibda fl-1492.

Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu qed jipprova jerfa’ rasu f’Malta.  Ovvjament mhux bl-iskop ta’ formazzjoni ta’ imperu, iżda bl-iskop li aħna nqisu lilna nfusna, li aħna aħjar f’kollox fejn il-popli Afrikani u oħrajn Għarab.  Ovvjament din hija ideja li ilha s-sekli tinġarr f’imħuħ il-Maltin.  Nistgħu ngħidu li l-ħakma tal-kavallieri ġiegħlet lill-poplu tagħna dejjem iqis ruħu superjuri għal dawn il-kulturi, bl-akbar kontribuzzjoni tkun dik ġejja mill-kunflitt reliġjuż bejn il-Kattoliċi (mhux Kristjani) kontra l-Misilmin.  Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu irrazzjonali jixxandar bil-messaġġ li l-kultura tagħna hija superjuri għal dik tal-popli Afrikani u Għarab, bħallikieku dawn m’għandhom xejn tajjeb.  Dawn il-ħsibijiet sabu art fertili meta l-ammonti ta’ immigranti li bdew jiġu f’pajjiżna kibru.  B’hekk dawn il-persuni sabu r-riħ fil-qala sabiex b’mod offensiv u rrazzjonali, ixandru messaġġ ta’ mibgħeda lejn dawn in-nies, għall-uniku raġuni li huma ta’ kulur differenti minn tagħna u għax ġejjin minn sfond ġeografikament differenti.   

Dan it-tip ta’ nazzjonaliżmu huwa marradi minn fuq s’isfel, għaliex jagħmel ħsara kemm lil min iħaddnu u anke lil min jisfa preġudikat minħabba l-isfond kulturali tiegħu.  Idaħħal f’imħuħ in-nies il-ħtieġa ta’ kunflitti fiergħa li fl-aħħar mill-aħħar l-għan tagħhom m’huwiex li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-mases, iżda minnflok isaħħaħ il-privileġġi tal-borgeżija (tas-sinjur u l-elitist) u jkompli jbiegħed l-iskaluni tas-sellum soċjali minn xulxin.  B’hekk l-eżerċizzju tiegħu ikun qed iwassal lill-ħaddiem sabiex ma jkunx konxju tal-vera ħtiġijiet storiċi u materjali li jkollu quddiemu, u tħallih jogħxa f’kumpless ta’ superjorita’ li jkun ġie mwassal lilu minn imħuħ oħra li jkunu aġenti ta’ l-aljenazzjoni u ta’ stmerrija ġeneralizzata.

Għalhekk in-nazzjonaliżmu huwa ħsieb li għandu jitħaddem bl-akbar reqqa.  Jekk naqbdu dan it-tielet tip li analizzajna nsibu nuqqas ta’ kompatibilita’ ġenwina bejn l-ewwel u t-tieni; ma’ dan tat-tielet  In-nazzjonaliżmu huwa bħall-misħun, li jista’ jgħinek tagħmel tisjira u jista’ ukoll jisomtok.  Għalhekk id-doża meħtieġa ta’ nazzjonaliżmu hija dik li twasslek sabiex temmen li inti la inti dgħajjef u lanqas aqwa meta mqabbel ma’ popli jew persuni ta’ nazzjonalita’ oħra.

F’dan l-istadju, din l-analiżi twassalna biex naħsbu jekk hemmx influwenzi fuq il-kultura tagħna li jistgħu jkunu ta’ ħsara għalina.  Iġġiegħlna nipprovaw naraw hemmx fatturi, barranin jew ġewwiena, li verament jagħmlu ħsara lill-kultura tagħna.  B’dan il-mod inkunu qegħdin inħallu jiffunzjona ġo fina dak it-tip ta’ nazzjonaliżmu illi m’huwiex marradi, ċjoe’ dak li wieħed għandu jutilizza għall-ġid ta’ pajjiżu.  B’dan il-mod ma nkunux qiegħdin inżeffnu fin-nofs l-interess nazzjonali u fl-istess ħin noħolqu kunflitti li ma jkunux meħtieġa.

Influwenzi ħżiena minn barra jistgħu jinfiltraw f’kull aspett ta’ ħajjitna.  Id-dlik tal-butir mall-ħobż illi ntroduċew l-Ingliżi f’Malta kien fattur ħażin meta tqis li naqqas l-użu taż-żejt taż-żebbuġa mall-ħobż.  Dak kien effett ħażin mill-imperjaliżmu stil antik (L-imperjaliżmu tal-bandiera).  L-introduzzjoni ta’ ristoranti li jbigħhu l-ikel imfawwar bix-xaħam u mneżża’ mis-sustanzi f’Malta huwa fattur negattiv fuq id-dieta tal-popolazzjoni tagħna li ddaħħal m’ilux mill-imperjaliżmu stil kontemporanju (L-imperjaliżmu tad-dollaru).  Waqt li pajjiżna jirreġistra l-ogħla rata ta’ obeżita’ fost it-tfal ta’ 34 pajjiż mill-Punent (li tinkludi l-Kanada u l-Amerika ta’ Fuq) skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (2005)1, u b’hekk nistgħu ngħidu tad-dinja għaliex din l-epidemija ta’ l-obeżita’ tinsab fil-Punent, pajjiżna jkompli jħalli dawn ir-ristoranti jeżistu f’Malta.  Għaliex m’għandhomx jibqgħu f’pajjiżna?  L-ewwel nett, l-ikel li jbigħhu fih iż-żejjed kaloriji, u sustanzi tista’ tgħid xejn.  It-tieni nett, il-qligħ li jsir minnhom irabbi l-ġwienaħ minnufih u jtir ‘l barra minn xtutna.  Jekk it-tfal ma jħobbuhiex il-minestra, is-soppa jew il-kawlata, u inti qed tħoss li ma tistax tlaħħaq mall-ħajja ibqa’ ħudhom f’dawn ir-ristoranti ħalli teħles malajr.  U biex tgħaxxaqha malli tasal id-dar lura ixgħellu l-Play Station ħalli ma jmurx jitgħallem xi kelma ħażina m’għand ta’ ta’ mparu waqt li jkun qed jilgħab il-futboll fit-triq.  B’hekk l-istil ta’ ħajja tagħna nkomplu nniġġżuh b’influwenzi li huma ta’ ħsara għall-kultura kulinarja tagħna u għal-livell ta’ għixien tagħna.  Ċajt u aktar ċajt, biex ma nużax kelm’ oħra!

Din tar-ristoranti tal-‘junk food’ hija waħda biss mill-fatturi li jifformaw fenomenu li ta’ kuljum idawwarna biex jaħslilna moħħna.  Hawn min jisfa vittma tiegħu u hawn min għax konxju politikament, jibqa’ jiġġilidlu u jirbaħlu ta’ kuljum.  Dan il-fenomenu huwa l-psewdo-kultura kapitalista.  Psewdo-kultura, għaliex il-kapitaliżmu minnu nnifsu huwa l-kuntrarju ta’ kultura.  Il-kapitaliżmu ma jsaħħux lill-bniedem, anzi minn flok ixekklu u ma jħallihx jimxi lejn emanċipazzjoni kollettiva jew/u individwali.  Għalhekk “Psewdo”, għaliex hija għat-taparsi kultura, hija espressjoni falza tal-kunċett ta’ “kultura”.  Din il-Psewdo-kultura kapitalista tiddeffes qalb il-popli sabiex tagħtihom l-impressjoni li l-bniedem m’għandux isib il-ħtieġa li jkun magħqud f’dak li jagħmel, u b’hekk din it-taparsi kultura tkun qed tħejji art fertili sabiex tisfrutta lin-nies ekonomikament.  B’hekk jinħass dejjem aktar f’pajjiżna l-ibbumbardjar ta’ reklamar kull fejn tħares.  Mall-billbords, l-istejġis tal-linja, mall-karozzi tal-linja, karozzi li huma stess ikunu reklam sħiħ u programmi fuq it-televixin li jridu jġiegħluk tixtri.  Ir-reklamar ħafna drabi jkun indirizzat lejn l-individwu bil-messaġġ li jekk “int ikollok dil-ħaġa tkun aħjar minn ta’ madwarek”.  B’hekk din il-psewdo-kultura tkun qed tħalli effetti negattivi u li jħallu firda fost il-bnedmin, billi jdaħħlulhom f’moħħhom il-konfużjoni ta’ min huwa l-veru għadu tagħhom u b’hekk iddgħajjef il-ħtieġa li l-bniedem jingħaqad sabiex jirreżisti dan il-mewġ deġenerattiv.

Ġewwa l-Universita’ tal-Filippini kien sar studju mill-Professura Maria Doronilla, li fih intervistat mijiet ta’ tfal ġewwa l-iskejjel tagħhom2.  Waħda mill-mistoqsijiet li hija staqsiethom kienet; Liema nazzjonalita’ tixtieq li jkollok?  Il-maġġoranza tat-tfal wieġbu li ridu jkunu Amerikani, oħrajn wieġbu Ġappuniżi jew Ewropej.  Anqas minn 15% tat-tfal intervistati wieġbu li huma kuntenti li huma Filippini!  Nixtieq inkun naf x’iwieġbu t-tfal Maltin li kieku jkollhom jiġu quddiem mistoqsija bħal din.  Dan l-istudju wera biċ-ċar li l-medja ġewwa l-Filippini kienet qed iġġiegħel n-nies tal-lokal jinqabdu f’kumpless ta’ inferjorita’, għaliex kienu qed jiġu kkondizzjonati sabiex huma jaħsbu li huma dgħajfa fejn popli oħra, f’dan il-każ il-popli Ewropej u dak Ġappuniż u Amerikan (tal-USA).

Il-wiċċ pożittiv tan-nazzjonaliżmu għandu jintuża bl-għan li poplu jirrispetta l-valur-proprju tiegħu fuq din il-pjaneta.  Huwa għalhekk li aħna għandna nżommu ruħna mgħarrfa kemm jista’ jkun dwar kull aspett li jaffettwa l-ħajja tagħna.  L-internet tana aċċess mill-aqwa sabiex inkunu nistgħu nagħżlu minn rajna liema sorsi ta’ informazzjoni nafdaw sabiex inkunu nfurmati.  Aktar ma nirrejalizzaw li aħna m’aħniex weħidna f’din id-dinja, u nifhmu biċ-ċar il-fażijiet storiċi li l-pajjiżi fid-dinja jkunu għaddejjin minnhom; aktar inkunu nistgħu nifformaw opinjonijiet dejjiema.  B’hekk inkabbru l-għaqal tagħna fil-mod kif naġixxu kemm ma’ Maltin oħrajn bħalna, kif ukoll ma’ persuni barranin.  
 
Referenzi
1.  Sarah-Puntan Galea (2005) Tackling Malta’s huge obesity problem.  The Sunday Times (of Malta) 11 ta’ Diċembru, p21
2.  Acarya Prasiidananda Avt., How to Introduce the Ideas of Ananda Marga and Prout to the Public, Manila, Pubblikazzjonijiet Ananda Marga, 1989.

 

Articles Main Page