Leħen ix-Xellug ta’ Żminijietna - Michael Camilleri

http://www.illum.com.mt/2007/09/02/l4.html

 

Filwaqt li napprezza r-rapport fuq l-Għaqda Xellugija Żminijietna li deher f’illum tat-12 ta’ Awissu, bħala membru tal-għaqda nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja dwar xi ineżattezzi rapportati.

Ma nafx minfejn il-gazzetta ġabet l-impressjoni li l-għaqda għandha l-arma tal-minġel u l-mazza li kienet stampata f’nofs ir-rapport. L-emblema tagħna hi ferm differenti. Tikkonsisti mis-simbolu tal-paċi ffurmat mill-kelmiet ‘Għaqda Żminijietna, Leħen ix-Xellug.’

Narah mhux korrett u jagħti impressjoni ħażina l-ftuħ tar-rapport li jgħid li “l-għaqda magħmula minn grupp żgħir ta’ nies li lura fiż-żmien kienu jiffurmaw il-Partit Komunista Malti” għax jagħti x’jifhem li din hi għaqda tal-komunisti.

Kemm dan mhux veru jikkonfermah l-għeluq ta’ l-istess rapport li jgħid li l-għaqda għandha membri xellugin mill-MLP, l-AD, il-GWU, Graffitti u oħrajn. Għall-preċiżjoni nikkonferma li fost l-oħrajn għandna membri komunisti, li bħalna huma preokkupati bil-mixja neo-liberali tal-pajjiż lejn il-Lemin ta’ l-iżjed estrem perikoluż.

Nixtieq inżid li kull tliet xhur l-għaqda tippubblika r-rivista Żminijietna u torganizza seminars fuq suġġetti topiċi bħall-globalizzazzjoni, il-prezzijiet ta’ l-art u l-bini u d-drittijiet demokratiċi u ċivili fost l-oħrajn.
Fost il-personalitajiet li indirizzaw is-seminars kellna kelliema prominenti mit-tliet partiti politiċi u mill-unions il-kbar kif ukoll esperti minn NGO’s magħrufa u anki lecturers ta’ l-Università.

Dan juri li l-aġenda Xellugija tagħna hi ferm iżjed wiesgħa mill-attività waħda li ssemmiet fil-gazzetta. Dan jindika wkoll li l-għaqda hi akbar min-numru żgħir ta’ membri li tħaddan għax tgawdi rispett ta’ politiċi mit-tliet partiti, ta’ trejdunjonisti, edukaturi, nies tan-negozju u organizzazzjonijiet mhux politiċi li lkoll ipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha.
Dan jinkoraġġina naħdmu iżjed ħalli nkabbru l-bażi tas-sħubija u nsaħħu l-potenzjal li bih inwasslu l-messaġġ tagħna minkejja d-diffikultajiet tremendi li jfixkluna.