Iċ-Ċensiment u l-housing - Michael Briguglio

Illum 11 ta’ Novemru 2007
http://www.illum.com.mt/2007/11/11/l6.html

 

Il-volum taċ-ċensiment nazzjonali dwar il-housing juri b’mod ċar li hemm dilemmi kbar f’dan is-settur.

69 fil-mija ta’ dawk li jgħixu f’proprjetajiet mikrija huma anzjani. Dan juri li l-proposti ta’ dawk li jridu iktar liberalizzazzjoni fil-liġijiet tal-kera huma irresponsabbli u nieqsa mill-kuxjenza soċjali, speċjalment fil-kuntest kurrenti ta’ prezzijiet għoljin tal-proprjetà.

Għal dawn l-aħħar snin ngħataw impressjonijiet foloz li dawk li jgħixu f’proprjetajiet mikrija qabel il-liberalizzazzjoni tal-1995 huma nies sinjuri li faċilment jistgħu ikampaw f’sitwazzjoni ta’ suq ħieles fil-proprjetà. Iżda ċ-Ċensiment juri li l-maġġoranza ta’ dawk li jgħixu f’proprjetà mikrija huma kbar fl-età. Hi ħaġa ċara li l-età avvanzata hi fattur importanti li jista’ jikkaġuna iktar faqar.

Għal din ir-raġuni Żminijietna tilqa’ l-fatt li kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista ma ċedewx għall-pressjoni biex ikun hemm suq kompletament ħieles li jippermetti lis-sidien tal-proprjetà li jkeċċu lil min qed jgħix fil-proprjetajiet tagħhom.

Iċ-ċensiment juri wkoll li mil-liberalizzazzjoni tal-1995, il-proprjetajiet għall-kiri naqsu minn 28% fl-1995 għal 21% fl-2005. Dan juri li l-argument ta’ dawk li jridu iktar liberalizzazzjoni, għax iktar liberalizzazzjoni se ġġib magħha iktar proprjetajiet fis-suq tal-kera, mhux neċessarjament korrett.

Jekk xejn, iktar liberalizzazzjoni ġġib magħha iktar problemi soċjali. Barra minn hekk, ħafna Maltin jixtiequ jkunu s-sidien tad-djar tagħhom għax din tagħti iktar sigurtà u stabbiltà ekonomika u soċjali. Pajjiż ta’ nies li jgħixu f’proprjetà mikrija f’suq ħieles hu pajjiż fejn dawn l-istess nies ikunu d-dgħajfa meta mqabbla mas-sidien.

Fatt ieħor ta’ tħassib hu li l-proprjetajiet vojta żdiedu b’17,000 fl-aħħar 10 snin filwaqt li l-permessi għal żvilupp żdiedu b’48,000 fl-aħħar seba’ snin. Iċ-ċensiment juri li 22.4 fil-mija tal-bini f’Malta hu vojt tul is-sena kollha.
Hi xi ħaġa ironika li filwaqt li l-bini vojt qed jiżdied il-Gvern żied il-medda ta’ art għall-iżvilupp fl-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni tal-2006. L-art ODZ (Outside Development Zone) għandha tkun riveduta u mnaqqsa u l-proprjetà li hi vojta għal raġunijiet purament spekulattivi (pereżempju mit-tielet bini vojt ’il quddiem) għandha tkun intaxxata.
F’dan ir-rigward il-proposti ta’ Alternattiva Demokratika huma pass pożittiv għal kuntrarju tal-proposti favur liberalizzazzjoni totali fil-liġi tal-kera.
Il-proposti tal-MLP u l-PN dwar is-sussidji fuq self għal xiri tad-djar huma pożittivi. F’dan ir-rigward, il-proposti Laburisti għandhom impenn soċjali ikbar, speċjalment minħabba li jkopru iktar gruppi soċjali.
Iżda ż-żewġ partiti ewlenin għandhom jagħmlu iktar biex jippenalizzaw l-ispekulazzjoni tal-proprjetà, li hi kaġun ewlieni għaż-żieda bla rażan fil-bini vojt. Hawnhekk wieħed ma jistax ma jsemmix is-saħħa kemm ekonomika kif ukoll politika ta’ kuntratturi kbar.
Fl-istess ħin il-housing soċjali provdut mill-Istat għandu jkun iktar affordabbli.
Fl-aħħar mill-aħħar hemm ħtieġa ta’ pjan nazzjonali dwar il-housing bl-involviment tas-soċjetà ċivili.

Michael Briguglio
Ufficjal Relazzjonijiet Pubblici – Zminijietna – Lehen ix-Xellug