Leħen ix-Xellug’ ifittex leħen iktar b’saħħtu

IIlum 12/08/07
http://www.illum.com.mt/2007/08/12/t9.html

 

 

Jekk qatt ma smajt bl-għaqda Xellugija Żminijietna m’għandekx tort.

Din l-għaqda, magħmula minn grupp żgħir ta’ nies li lura fiż-żmien kienu jiffurmaw il-Partit Komunista Malti li sparixxa għal kollox mix-xena wara l-elezzjoni ta’ l-1987, tissemma biss kultant bħala parti minn lista ta’ għaqdiet li jkunu qed jipprotestaw kontra xi żvilupp approvat mill-Mepa.

Iżda l-għaqda, li ssostni li hi ‘Leħen ix-Xellug’, donnha li se taddotta rwol iktar attiv fil-ħajja soċjali u politika ta’ pajjiżna fiż-żmien li ġej.

Stqarrija maħruġa din il-ġimgħa tgħid li fil-laqgħa ġenerali annwali nħatar il-kumitat il-ġdid li jinkludi fost l-oħrajn lil Michael Briguglio, il-kunsillier ta’ l-Alternattiva Demokratika fuq Tas-Sliema.

Briguglio, li kien fundatur tal-grupp l-ieħor xellugi Graffitti qabel ma ngħaqad f’rwol attiv ma’ l-AD, inħatar bħala PRO, pożizzjoni li kien jokkupa għal xi żmien fl-AD. Ikkuntatjat minn illum Briguglio sostna li r-rwol tiegħu fl-AD hu biss dak ta’ kunsillier “b’rispett lejn kulmin ivvutali.”

Briguglio ilu membru ta’ Żminijietna sa mill-bidu tas-snin 90 u kien ukoll il-PRO tagħha għal xi żmien. L-ewwel dikjarazzjoni tal-kumitat il-ġdid issostni li l-mira ewlenija tal-għaqda għal din is-sena hi li jkollha preżenza ikbar fis-soċjetà ċivili permezz ta’ “attiviżmu minn perspettiva xellugija.”

Filwaqt li ammetta li sa llum Żminijietna ftit li xejn kienu jafu biha n-nies, Briguglio sostna li “Żminijietna se taħdem iktar bħala organizzazzjoni mhux governattiva tax-Xellug u se tkun iktar attiva biex fost l-oħrajn tqajjem kuxjenza fuq kwistjonijiet bħall-ħtieġa li jkun salvagwardjat il-welfare state.”

Hu sostna li l-għaqda għandha membri minn diversi għaqdiet oħra tax-Xellug inkluż il-Labour Party, l-Alternattiva Demokratika, il-GWU, il-Graffitti u oħrajn.
Il-President ta’ Żminijietna hu Michael Camilleri u l-Viċi President hu Alfred Vella, b’Victor Degiovanni jinħatar Segretarju.

Uffiċjali oħra jinkludu lil Mario Mifsud, David Pisani, Alfred Consiglio, Andrè D’Amato, Christopher Cutajar u Joe Attard.

Articles Main Page