Le għal bojkott taċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ l-Olimpjadi - David Pisani

Illum, 06 ta’ April 2008 Nr 75
http://www.illum.com.mt/2008/04/06/l4.html

 

Żminijietna – Leħen ix-Xellug, filwaqt li turi t-tħassib tagħha għall-kwistjoni fit-Tibet tappoġġa l-awto-determinazzjoni tat-Tibet bħala reġjun awtonomu fiċ-Ċina.

L-istess imma għandu jingħad f’kwistjonijiet bħal tal-Kosovari, il-Kurdi, il-Baski u oħrajn. Naqblu wkoll ma’ taħditiet bejn ir-rappreżentanti tat-Tibet u tal-Gvern Ċiniż bil-għan li tiġi żgurata l-awtonomija tat-Tibet u l-protezzjoni ta’ l-identità kulturali tagħha fi ħdan iċ-Ċina magħquda.

Ninnutaw li lanqas id-Dalai Lama mhu qed jitlob għall-indipendenza tat-Tibet. It-tkissir tan-nazzjonijiet mhix xi ħaġa li għandha tiġi appoġġata akkost ta’ kollox għax dan jista’ jwassal għal iktar tensjoni madwar id-dinja. Aħna nappoġġaw is-solidarjetà internazzjonali madwar id-dinja. Iżda qatt ma nistgħu nappoġġaw għajta favur ritorn għall-passat fewdali fejn il-maġġoranza tan-nies kienu serfi.
Madankollu talba bħal din tkun maqtugħa mir-realtà moderna tat-Tibet.

Żminijietna temmen ukoll li d-difiża tad-drittijiet umani fit-Tibet u fiċ-Ċina għandha tiġi ittrattata b’mod konsistenti. Jekk ċerti gvernijiet verament ipoġġu d-drittijiet umani l-ewwel u qabel kollox, l-istess gvernijiet kienu jinkludu klawsoli favur id-drittijiet umani fil-ftehim ta’ kummerċ maċ-Ċina. Bħalissa hemm 24 miljun ħaddiem fiċ-Ċina li hu impjegat ta’ kumpaniji tal-Punent.

Żminijietna ma taqbilx ma’ l-idea għall-possibbiltà li kapijiet ta’ gvernijiet Ewropej ma jipparteċipawx għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ l-Olimpjadi.

Nemmnu li peress li l-Ewropa għandha l-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjonijiet politiċi għandhom jiġu indirizzati fi ħdanhom. Żminijietna tisħaq li bħala għaqda tax-xellug topponi l-attentati favur neo-liberaliżmu u imperjaliżmu f’ċerti partijiet tad-dinja minħabba li dawn iwasslu għall-faqar kbir, inugwaljanza u qerda ekoloġika