Il-każ Vaxholm u t-Trattat ta’ l-Ewropa - David Pisani

Illum, 27 ta’ Jannar 2008
http://www.illum.com.mt/2008/01/27/l2.html

 

Riċentament il-Qorti Ewropea iddeċidiet li kumpanija mil-Latvija tista’ timpjega ħaddiema fl-Isvezja u ma tapplikax il-kundizzjonijiet tajbin ta’ xogħol u l-ftehim kollettiv applikabbli fl-Isvezja.

Il-każ Vaxholm juri li f’isem in-neo liberaliżmu u s-suq ħieles qed ikun permess ‘ir-rimi soċjali’ u ‘r-rimi tal-pagi’, fejn kumpaniji transnazzjonali jistgħu jirbħu fuq id-drittijiet tal-ħaddiema f’kull pajjiż imsieħeb fl-UE.

Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea turina kif se jiġi interpretat it-Trattat ta’ l-UE f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-ħaddiema.

Dan hu ferm ’il bogħod mill-Ewropa ‘soċjali’ u se jwassal għal inqas drittijiet tax-xogħol, l-iżmantellar ta’ servizzi pubbliċi u tellieqa sal-qiegħ. Għalhekk Żminijietna tħeġġeġ lill-unions biex jitkellmu dwar il-bżonn ta’ referendum dwar it-trattat ta’ Lisbona.

Malta għandha ssegwi l-eżempju ta’ l-Irlanda li se jkollha referendum dwar it-trattat u b’hekk tafda liċ-ċittadini tagħha biex jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni importanti.

Iżda x’se jiġri f’pajjiżna?

Il-Gvern Nazzjonalista jrid li l-proċess ta’ ratifikazzjoni tat-Trattat ta’ l-UE jkun konkluż dan ix-xahar!

Hu insult għad-demokrazija li kwistjoni importanti bħat-Trattat ta’ l-UE, li se jaffettwa ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur b’mod profond, se tkun mgħaġġla fil-Parlament bħala formalità teknika u legali.

Hu evidenti li l-Gvern Nazzjonalista qed iħaffef ir-ratifikazzjoni tat-Trattat għax jibża’ mid-demokrazija u mid-dibattitu pubbliku fi ħdan is-soċjetà ċivili. Il-manuvrar elettorali qed jingħata iktar importanza mill-Gvern.

Irrispettivament mill-pożizzjoni li wieħed ikollu dwar it-Trattat dan jeħtieġ proċess ta’ analiżi u dibattitu bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili bħall-unions, l-għaqdiet mhux governattivi, korpi kostitwiti, il-pubbliku ġenerali, il-media, il-partiti politiċi u akkademiċi fost l-oħrajn.


Other Articles Main Page