Iktar inugwaljanza bis-soprataxxa - Mario Mifsud

Illum, 15 ta’ Ġunju 2008, Nr 85
http://www.illum.com.mt/2008/06/15/l1.html

 

Żminijietna - Leħen ix-Xellug temmen li l-Gvern għandu jintroduci bidliet li huma socjalment iktar ġusti, ekoloġikament sostenibbli kif ukoll effiċenti.

Jekk dan ma’ jseħħx, iż-żieda ikbar fil-kontijiet ta’ l-enerġija se twassal għal iktar diffikultajiet għal eluf ta’ familji Maltin.

Żminijietna qiegħda tappella lill-Gvern biex iż-żieda fir-rata ta’ surcharge tkun waħda li tippenalizza l-ħela mhux il-konsum bażiku. Malta diġà hi ikkaratterizzata minn inflazzjoni għolja. Il-qasma bejn il-klassijiet soċjali qiegħda tiġi riflessa ukoll fl-użu ta’ apparat bażiku bħall-geysers ta’ l-ilma, heaters u flushings. Minflok ma’ jzid is-surcharge tal-komsum b’mod indiskriminat, il-Gvern għandu jiżgura li prattiċi ħalja, u mhux konsum normali, għandhom jiġu penalizzati.

Ir-rata bażika ta’ l-enerġija għandha tibqa’ affordabbli għal dawk b’paga baxxa jew medja. Jekk xejn, dan jirrikjedi tnaqqis fis-surcharge.

F’dak li għandu x’jaqsam mad-dibattitu kurrenti fl-UE dwar ‘diċentralizazzjoni’ tal-provvista ta’ l-enerġija, Żminijietna – Leħen ix-Xellug topponi li l-enerġija tiġi privatizzata. L-Ewropa għandha bżonn viżjoni ħolistika li tinkorpora fatturi ekoloġiċi u soċjali.

L-enerġija hu riżor essenzjali u għandu jkun aċċessibbli għal kullħadd b’mod irħis u mhux ikun suġġettat għall-massimizzar tal-profitti min-naħa ta’ kumpaniji privati jew għall-mekkaniżmi fil-prezzijiet li jwasslu għal iktar inugwaljanza.

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-enerġija, filwaqt li għandha tkun iktar effiċenti, għandha tkun proprjetà pubblika u tkun kemm jista’ jkun sovrana u ekoloġikament sostenibbli.

L-użu ta’ l-enerġija hu dritt universali u m’għandux jiġi limitat għall-klassijiet soċjali privileġġati.

Other Articles Main Page