Il-futur tal-ħaddiema għandu jigi jithares - David Pisani

Illum, 15 ta’ Ġunju 2008, Nr 85
http://www.illum.com.mt/2008/06/15/l9.html

 

Żminijietna – Leħen ix-Xellug laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar li ż-żewġ partiti ewlenin se jingħaqdu flimkien mal-General Workers Union biex isir sforz mil-ikbar ħalli l-futur tat-Tarzna u ta’ ST Microelectronics kif ukoll tal-ħaddiema impjegati ma’ dawn il-kumpaniji jitħarsu.

Fil-fatt, preżentament eluf ta’ impjiegi fit-Tarzna u ST Microelectronics jinsabu mhedda, b’konsegwenza tal-għeluq jew tnaqqis fl-operat tagħhom. Iż-żewġ kumpaniji jimpjegaw ħaddiema li għandhom snajja’ differenti, u fil-każ ta’ l-ST, 60 fil-mija ta’ l-esportazzjoni industrijali ta’ Malta huma prodotti minn din il-kumpanija.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-Tarzna, Żminijietna temmen li l-Gvern għandu jaddotta pożizzjoni iktar iebsa ma’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment meta bosta tarnzari oħrajn fl-Ewropa jibbenefikaw minn għajnuniet mill-Gvernijijiet rispettivi tagħhom permezz ta’ kuntratti għall-flotot tagħhom.

Il-pożizzjoni neo-liberali ta’ l-UE mhux qed tagħti importanza meħtieġa lill-eluf ta’ impjiegi, meta l-istess UE tippermetti sussidji u pagamenti diretti għall-oqsma bħall-avjazzjoni u l-militar.

Żminijietna taqbel li għandhom isiru sagrifiċċji u li l-produttività għandha tkun għolja kemm jista’ jkun. Iżda nenfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ passi determinati bħalma hu l-bżonn ta’ iktar diversifikazzjoni fit-Tarzna kif ukoll li jiġu applikati proposti siewja mir-rapport Appledore.

Żminijietna tħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonsulta hu wkoll mal-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Metall għall-pariri prattiċi dwar kif it-Tarzna għandha titħares għal kollox.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ST Microelectronics ninnutaw il-fatt li l-intensifikazzjoni tal-globalizazzjoni kapitalista qed tagħmel l-affarijiet iktar diffiċli għall-kumpanija. Il-fatt li l-kumpanija tesporta bid-dollari ma tantx qed jgħin ukoll. Ta’ dan qed nappoġġaw lill-Gvern fl-attentat tiegħu biex iżomm il-kumpanija f’Malta.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jaħdem id f’id mal-GWU li qed tagħmel l-almu tagħha biex tiddefendi l-għixien tal-ħaddiema taż-żewġ kumpaniji.

Other Articles Main Page