Il-ġlieda kontra l-kanċer għandha tingħata priorità - Victor Degiovanni

Ittri | 18 ta’ Mejju 2008 Nr 81
http://www.illum.com.mt/2008/05/18/l4.html

 

Ir-rata ta’ kanċer qiegħda kulma jmur dejjem tiżdied. Żminijietna temmen li l-Gvern Malti għandu jagħti priorità ikbar
lill-ġlieda konta l-kanċer b’deċiżjonijiet politiċi, kemm fuq livelli Nazzjonali u anke dak Ewropew.

Fl-Unjoni Ewropea iktar minn żewġ miljun persuna jsofru minn xi forma ta’ kanċer, u kważi miljun imutu, speċjalment minħabba kanċer fil-pulmun, fil-kolon u fis-sider. Madankollu madwar terz tal-każijiet ta’ kanċer jistgħu jingħelbu permezz ta’ prevenzjoni u madwar 30 fil-mija oħra jistgħu jiġu ikkurati b’suċċess.

Għalkemm is-sistema tas-saħħa Maltija hi waħda universali u aċċessibbli għal kulħadd f’oqsma varji dan ma jistax jingħad għal oqsma oħrajn. L-iscreening kontra l-kanċer tas-sider u t-tilqim kontra l-kanċer ċervikali huma eżempji ta’ dan. Id-dħul baxx u l-faqar huma fatturi importanti fost oħrajn li jwasslu għal nuqqas ta’ saħħa. Dan hu veru wkoll fil-każ ta’ mwiet kawża tal-kanċer.

Ħafna nies ma jaffordjawx iħallsu l-flejjes kbar li jitlob is-settur privat. Għalhekk qegħdin nappellaw għall-introduzzjoni ta’ skemi universali u pubbliċi bħat-tilqima bla ħlas kontra l-kanċer ċervikali u screening b’xejn kontra l-kanċer tas-sider.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug tappella lill-Gvern u l-MEPs ta’ Malta biex jitkellmu favur koordinazzjoni ikbar fl-UE kontra l-kanċer, pereżempju permezz ta’ fondi strutturali u anke s-seba’ programm ta’ riċerka.

Żminijietna qiegħda tappoġġa l-blokk Xellugi fil-Parlament Ewropew fit-talba għal task force dwar il-kanċer li jġib flimkien il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew u biex ikun hemm iktar fondi għall-individwazzjoni u l-prevenzjoni tal-kanċer.


Other Articles Main Page