Il-part-timers huma sfruttati - Michael Briguglio

Illum, 25 ta’ Mejju 2008, Nr 82
http://www.illum.com.mt/2008/05/25/l2.html

 

Hi xi ħaġa pożittiva li l-Ministru tal-Politika Soċjali John Dalli ħareġ struzzjonijiet biex kulmin jitfa’ offerta għall-kuntratt tal-Gvern għandu jindika x’kundizzjonijiet ta’ xogħol qed joffri lill-ħaddiema tiegħu.

Ta’ min jgħid li ammont sostanzjali ta’ ħaddiema li huma mpjegati ta’ kuntratturi ta’ dan it-tip jaħdmu fuq bażi part-time.
Żminijietna tħeġġeġ lill-Ministru Dalli biex jikkonfronta l-isfruttar li qed jiżdied fuq ħaddiema part-time f’setturi differenti ta’ l-ekonomija Maltija.

Dawn jinkludu mhux biss ħaddiema ta’ kuntratturi privati li huma mqabbda mill-Gvern, iżda wkoll ħafna ħaddiema part-time f’xogħlijiet fis-settur privat bħal ħwienet, catering, turiżmu, kostruzzjoni, edukazzjoni, tindif, xogħol klerikali u servizzi varji, fosthom dawk ta’ kumpaniji ‘franchise’.

Ħafna ħaddiema part-time għadhom mhumiex qed jingħataw id-drittijiet legali minn sidien privati. Qed jiċċaħħdu minn drittijiet bħal-leave, sick leave u bonus. Ħafna qed jaħdmu sigħat twal iżda xorta jirreġistraw bħala part-time. Oħrajn huma mġiegħla jirreġistraw bħala self-employed biex b’hekk ma jingħatawx id-drittijiet legali.

Kwistjoni oħra li tikkonċerna l-ħaddiema part-time hi n-nuqqas ta’ sħubija f’unions. Ħafna ħaddiema huma mċaħħda mid-dritt li jissieħbu f’union u jiġu mhedda li jitilfu xogħolhom jekk jagħmlu dan. Ħaddiema żgħażagħ kemm-il darba jitħaddmu minn kumpaniji bħal dawn biex b’hekk ikun iktar faċli li jiddaħħlu prattiċi esplojtattivi u biex jitkeċċew il-ħaddiema.

Ix-xogħol part-time qed jibqa’ jiżdied f’pajjiżna tant li hemm madwar 47,000 ħaddiem part-time li fosthom 26,000 jaħdmu part-time biss. Skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, dawn ta’ l-aħħar żdiedu b’2,050 fl-2007. Għal ħafna minn dawn il-ħaddiema m’hemmx għażla oħra għajr il-kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol.

Ħafna minn dawn il-ħaddiema jibżgħu jirrappurtaw lil min iħaddimhom minħabba riperkussjonijiet negattivi li jistgħu jiffaċċaw fuq il-post tax-xogħol. Il-Gvern għandu jikkonfronta dan it-tip ta’ sfruttar.


Other Articles Main Page