Kontra l-politika ta’ l-UE dwar il-biofuel - David Pisani

Illum, 20 ta’ April 2008, Nr 77
http://www.illum.com.mt/2008/04/20/l6.html

 

Żminijietna - Leħen ix-Xellug qed tappella lill-Gvern u lill-membri Maltin tal-Parlament Ewropew biex jopponu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal żieda fl-użu ta’ biofuels fl-Unjoni Ewropea.Dan minħabba l-impatt negattiv li qed iħalli l-produzzjoni tal-biofuels f’oqsma soċjali u ekoloġiċi fuq skala dinjija.

Skond l-aħħar proposti għall-bidla fil-klima l-mexxejja ta’ l-UE huma kommessi li jżidu l-użu tal-biofuels għat-trasport minn tnejn fil-mija għal 10 fil-mija sa l-2020. Bħalissa rappreżentanti ta’ l-istati membri ta’ l-UE qed jiltaqgħu f’sessjonijiet ta’ taħditiet biex jiddeċiedu l-kriterju ta’ sostenibbiltà li għandha taddatta l-Ewropa.

Mill-banda l-oħra il-Programm Dinji għall-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll għaqdiet ambjentali, Xellugin, progressivi, tad-drittijiet umani u tal-bdiewa qed jgħidu li żieda fil-produzzjoni tal-biofuel se twassal għal żieda sostanzjali fil-prezz ta’ l-ikel u għal iktar ġuħ.

Dan għax l-art agrikola qed tintuża biex ikun prodott il-biofuel minflok l-ikel għan-nies. Dan qed iwassal ukoll għal żieda fil-prezz ta’ l-ikel. Apparti minn hekk, foresti li huma bżonjużi biex jassorbu il-karbonju qed jinqerdu bi ħsara għan-nies li jgħixu fihom u ta’ annimali li huma mhedda bil-qerda sħiħa.

Żminijietna temmen li l-bidliet drastiċi li għandhom isiru fl-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja mit-trasport għandhom jiffukaw fuq riforma kbira fit-trasport pubbliku biex dan isir effiċjenti, irħas u aċċessibbli.

Barra minn hekk għandu jkun hemm żieda drastika ta’ taxxa fuq karozzi lussużi li jikkunsmaw ammonti eċċessivi ta’ fuel. Fl-istess ħin karozzi b’teknoloġija ekoloġikament sostenibbli għandhom jingħataw l-importanza xierqa


Other Articles Main Page