Solidarjetà ma’ l-MUT - David Pisani

ILLUM, 09 ta’ Marzu 2008, Nr 71
http://www.illum.com.mt/2008/03/09/l7.html

 

 

B’riferenza għall-ittra bit-titlu ‘Solidarjetà ma’ l-MUT’ ta’ Edward Torpiano (Illum 2 ta’ Marzu), nixtieq niċċara li Żminijietna - Leħen ix-Xellug kemm-il darba tkellmet dwar is-settur edukattiv.

Fil-memorandum li bagħatna lill-partiti politiċi dwar l-elezzjoni ġenerali enfasizzajna li s-settur ta’ l-edukazzjoni jeħtieġ politika serja li twassal għal iktar ugwaljanza fis-soċjetà.

Żminijietna temmen li Malta teħtieġ iktar investiment fl-edukazzjoni speċjalment għall-gruppi l-iktar vulnerabbli.

Hu fatt li f’Malta sar avvanz kbir fis-settur edukattiv u jeżistu istituzzjonijiet edukattivi ta’ livell għoli ħafna. Iżda fl-istess ħin Malta tinsab fil-qiegħ tal-klassifiċi Ewropej f’oqsma bħall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-settur post-sekondarju. Għalhekk naqblu ma’ sistema ta’ stipendji li hi ibbażata fuq għotjiet finanzjarji biex b’hekk ma jkunx hemm studenti li jaqtgħu qalbhom milli jkomplu jistudjaw minħabba kwistjonijiet finanzjarji.

Malta għandha bżonn ta’ sistema edukattiva komprensiva u tul il-ħajja. L-introduzzjoni tal-kulleġġi hu pass pożittiv iżda s-sistema edukattiva Maltija għadha ibbażata fuq il-politika selettiva ta’ l-istreaming li twassal biex ħafna żgħażagħ, speċjalment mill-klassi tal-ħaddiema, jispiċċaw mingħajr kwalifiċi.

Pajjiżna jeħtieġ ukoll politika favur l-involviment tal-komunità f’attivitajiet soċjo-edukattivi biex b’hekk jiżdied il-kapital soċjali. Jeħtieġ ukoll li t-tfal ikollhom inqas stress fuqhom u jingħataw it-tfulija lura. Insostnu wkoll l-importanza ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, li taħriġ li għandu jirrispetta l-esperjenzi tal-ħaddiema u mhux jimponi prattiċi aljeni u umiljanti fuqhom.

Bħalissa Żminijietna qed tiddiskuti internament proposti f’dak li għandu x’jaqsam mar-riforma tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. Sadanittant, nistieden lil Edward Torpiano biex iżur is-sit www.zminijietna.org biex jara l-pożizzjoni ta’ Żminijietna dwar l-edukazzjoni u oqsma oħra.

Other Articles Main Page