Solidarjetà mal-MUT - David Pisani

Illum, 10 ta’ Frar 2008 Nr 68
http://www.illum.com.mt/2008/02/10/l3.html

 

 

Żminijietna – Leħen ix-Xellug tesprimi s-solidarjetà kollha tagħha mal-Union tal-Għalliema (MUT) fil-kwistjoni industrijali li għandha mal-Gvern. Żminijietna – Leħen ix-Xellug tisħaq li bosta kategoriji ta’ ħaddiema fil-qasam edukattiv huma nieqsa minn kundizzjonijiet tajba ta’ mpjieg. Għalhekk nemmnu li l-kwistjoni li għandha l-MUT hi waħda ġustifikata bl-għan li tiddefendi l-interessi tal-għalliema.

L-għalliema fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi huma mgħobbija b’ħafna xogħol, filwaqt li l-ħaddiema każwali bħal supply teachers, supply learning support assistants u supply kindergarten assistants mhux qed jibbenefikaw minn drittijiet ta’ ħaddiema full-time, anke jekk ikunu ilhom jaħdmu iktar minn erba’ snin. Dan meta skond ir-regolamenti ta’ l-UE, dawn il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet.

Problemi oħra li qed jiffaċċjaw bosta ħaddiema fis-settur edukattiv hu n-nuqqas ta’ ċerti drittijiet ta’ l-impjieg f’xogħlijiet varji bħal dawk ta’ ħaddiema b’kuntratt u ħaddiema li huma sfurzati biex jirreġistraw bħala self-employed f’setturi pubbliċi u privati bħall-edukazzjoni akkademika, l-edukazzjoni ta’ l-adulti, riċerka u t-tagħlim ta’ l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug temmen li veru riforma fl-edukazzjoni, inkluż fil-kurrikulu minimu nazzjonali, għandha tinkludi drittijiet sħaħ ta’ xogħol lill-kategoriji varji ta’ ħaddiema fis-settur edukattiv, inkluż ħaddiema b’kuntratt, ħaddiema każwali u ħaddiema part-time.

Minn hawn inħeġġu lill-Gvern bħala l-ikbar imprenditur f’Malta biex ikun ta’ eżempju u jagħti dawn id-drittijiet.

 

 

Other Articles Main Page